Sant, l-Ukrajna u voti oħra

Ftit anqas minn xahar ilu (fis-16 ta’ Settembru) ittieħed vot fil-Parlament Ewropew fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea (UE). Il-Membri rappreżentanti taż-żewġ partiti Maltin kollha vvotaw favur barra wieħed, li astiena: Alfred Sant. Dan ħoloq preċedent. Fuq kollox, fetaħ tieqa żgħira ta’ arja friska fil-kamra soffokanti tal-politika partiġġjana Maltija.

Ċaqċieqa

Elett fil-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda fuq il-karru tal-Partit Laburista (b’48,739 vot jew 36% tat-total tal-voti Laburisti), ċertament kulħadd stenna li Sant jagħmel kif dejjem sar is-soltu: li jsegwi l-linja tal-partit li miegħu ġie elett (li hu wkoll, s’intendi, il-partit fil-gvern). F’dan il-każ tal-Ukrajna, kulħadd stenna li Sant jivvota favur il-mozzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, u tal-President tal-Ukrajna, Petro President Poroshenko.

Iżda mhux hekk sar. Sant astiena. Mhux ta’ b’xejn li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, qomos mill-ewwel. Il-vot ta’ Sant, qalilna malajr, ma jirriflettix il-politika tal-gvern. Naturalment, Sant kellu r-raġunijiet tiegħu (tajbin jew anqas tajbin) għala astiena f’dak il-vot partikulari, iżda dan ma jmerix il-fatt li, b’dak il-ġest (sempliċi), faqqa’ ċaqċieqa li ħasdet lil xi wħud ta’ mentalità partiġġjana.

U bir-raġun. Kif Sant għamel darba, jista’ jitħajjar jagħmel darbtejn u tlieta u erba’ u aktar. Jistgħu jitħajru l-membri l-oħrajn, kemm sħabu u kemm tan-naħa l-oħra. Il-fatt hu li ħoloq preċendent li għal xi wħud jista’ jidher perikoluż ferm. Għal oħrajn―bħali, għandi ngħid―Sant wera li m’huwiex xi pupazz li tqiegħdu kif trid.

Azzardat

L-Ukrajna apparti, Sant bagħat messaġġ lil dawk kollha li jobogħdu l-politika partiġġjana u l-pupazzi tagħha. Bagħat messaġġ li jgħidilhom li għad hemm tama għal dawk li m’humiex (u ma jridux ikunu) indottrinati mill-partiti politiċi jew mid-dommi u l-moralitajiet tagħhom. Bħal Sant, għad hemm tama għal min irid iżomm rasu fuq għonqu u jaħseb f’moħħu.

Fil-fatt, qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, konna smajna ħafna paroli fuq hekk. Jiġifieri kien se jsir kull sforz biex il-politika partiġġjana tibda tinqered. Ma ngħidx li f’dan ir-rigward ma sar xejn, iżda ma naħsibx li sar biżżejjed. Effettivament, l-aġir ta’ Sant hu ħafna aktar elokwenti, anki jekk xi wħud (ta’ gazzetta bl-Ingliż f’Malta) ipprovaw ipinġuh bħala att ta’ ribelljoni jew ukoll (ta’ gazzetta oħra bl-Ingliż) bħala att ta’ estremiżmu politiku.

Jien ma naħsibx li la kien waħda u lanqas l-oħra. Fiċ-ċirkustanzi, anki jekk forsi ma naslux li nsejħulu att ‘kuraġġuż’, naħseb li nistgħu naslu biex insejħulu ‘azzardat’. Mhux faċli f’dal-pajjiż turi li għandek moħħ. Dan speċjalment meta tqis li, ġimgħa biss qabel ma ttieħed il-vot fuq l-Ukrajna, il-Ministru Vella mar mal-kurrent tal-biċċa l-kbira tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin l-oħra tal-UE u (kif riedet in-NATO) ivvota favur is-sanzjonijiet kontra r-Russja.

Tama

Għalkemm wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx mal-vot ta’ astensjoni ta’ Alfred Sant, aktarx ma jistax ma jammirx il-ġest. Naħseb li, tabilħaqq, jista’ jitqies bħala bidu ta’ possibbiltajiet oħra li jibdlu l-mod kif għandna naħsbu dwar kif issir il-politika.

Barra minn hekk, naħseb ukoll li kien ġest li fakkarna (lili għall-anqas) f’dak is-Sant li konna ġejna biex nammiraw fl-1996. Wieħed jista’ jittama li ċ-ċaqċieqa li faqqa’ ma tkunx l-aħħar waħda.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?