Il-faqar jiżdied

F’ħames snin bejn l-2008 u l-2013, l-għadd ta’ ċittadini Maltin li kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar
u/jew ta’ esklużjoni soċjali żdied bi kważi 4% tal-popolazzjoni. Filwaqt li fl-2008 kien meqjus li kellna fil-gżejjer Maltin 80,000 ruħ f’tali riskju, ħames snin wara, fl-2013 kellna 100,000 ruħ (kważi kwart tal-popolazzjoni kollha).

Malta fin-nofs

Dan tħabbar mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistiċi tal-Unjoni Ewropea (UE) li qiegħed il-Lussemburgu, fl-4 ta’ Novembru li għadda. Skont l-istess uffiċċju, fl-istess perjodu (2008–2013) l-għadd taċ-ċittadini li kienu jinsabu f’nuqqas materjali kbir żdied b’aktar minn 5%.

B’mod globali, fl-istess ħames snin l-għadd taċ-ċittadini Ewropej li kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar u/jew ta’ esklużjoni soċjali żdied b’aktar minn 6 miljun ruħ: minn madwar 117 miljun għal 123 miljun ruħ. B’kollox, dan l-għadd jagħmel madwar 17% tal-popolazzjoni Ewropea.

Minn fost it-28 membru tal-UE, f’dan ir-rigward Malta tinsab eżatt fin-nofs: fl-14-il post. Qabilha hemm ir-Renju Unit (bi kważi 25% tal-popolazzjoni ta’ nies f’riskju ta’ faqar u/jew esklużjoni) u warajha hemm l-Estonja (bi kważi 24%). Filwaqt li l-agħar hija l-Bulgarija (bi kważi 50% tal-popolazzjoni), l-aħjar hija r-Repubblika Ċeka (bi kważi 15% biss tal-popolazzjoni).

Mira ewlenija

Mill-pajjiżi kollha tal-UE, disa’ pajjiżi biss irnexxielhom inaqqsu bejn l-2008 u l-2013 l-għadd ta’ ċittadini f’riskju ta’ faqar u/jew esklużjoni soċjali: ir-Rumanija, il-Polonja, l-Islovakja, l-Awstrija, Franza, l-Iżvizzera, il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka u n-Norveġja. Fil-bqija, inkluż Malta, il-faqar żdied, ukoll jekk bi ftit.

Iċ-ċittadini li jitqiesu f’riskju ta’ faqar huma dawk li jgħixu f’familji bi dħul finanzjarju li hu anqas minn 60% tal-medja ta’ dħul nazzjonali. Dawk li jitqiesu f’nuqqas materjali kbir huma dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet li jċaħħduhom mill-biċċa l-kbira ta’ ħtiġijiet essenzjali (bħal li jħallsu l-kontijiet jew il-kera, li jsaħħnu darhom, li jħallsu spejjeż mhux mistennija, li jieklu b’mod xieraq, li jieħdu btala qasira, li jkollhom mezz ta’ transport, li jixtru magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ u televiżjoni, jew li jkollhom telefon.

It-tnaqqis tal-faqar hu wieħed mill-miri ewlenin tal-istrateġija EWROPA2020 tal-UE. Għaldaqstant, din l-istrateġija tirrakkomanda li, bejn l-2014 u l-2015, il-gvern Malti jagħmel ħames affarijiet ewlenin: (1) inaqqas id-deficit nazzjonali eċċessiv b’mod sostenibbli; (2) iżid l-età tal-irtirar; (3) ikompli jżid it-taħriġ fl-edukazzjoni u jnaqqas l-għadd ta’ studenti li jħallu l-iskola qabel il-waqt; (4) ikabbar l-enerġija li tiġi minn riżorsi li jiġġeddu; u (5) inaqqas il-burokrazija fis-servizzi pubbliċi, iħeġġeġ il-ħlasijiet tad-djun tal-kumpaniji, u jagħmel is-sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti.

L-għan il-kbir

Iż-żieda fil-faqar ġewwa pajjiżna huwa preokkupanti daqs l-eżistenza tal-faqar kullimkien, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fil-bqija tad-dinja. Mill-bidu tal-mandat elettorali tiegħu, il-gvern beda jistħarreġ bis-serjetà s-sitwazzjoni tal-faqar f’pajjiżna sabiex joħloq strateġija qawwija kontrih. L-istudji saru, ir-rapporti nkitbu, iżda x’sar minn dan kollu mhuwiex ċar.

Dak li hu ċert huwa li l-eżistenza tal-faqar, speċjalment il-possibbiltà fiż-żieda tiegħu, ma jistax jitwarrab mill-kunsiderazzjonijiet kollha tal-amministrazzjoni governattiva. Anzi għandu jkun fiċ-ċentru tagħhom. Il-ħames rakkomandazzjonijiet għal Malta ta’ EWROPA2020 jistgħu u ma jistgħux irażżnu jew saħansitra jnaqqsu din iż-żieda. Anki jekk jitwettqu mija fil-mija, xorta waħda jkun hemm bżonn li l-politika kollha tal-gvern tinbena u titħaddem madwar dan l-isforz.

L-ittra miftuħa li ntbagħtet il-ġimgħa li għaddiet lill-Prim Ministru minn 26 ċittadin u ċittadina esprimiet it-tħassib li dan mhuwiex qiegħed isir biżżejjed. Il-partit fil-gvern mill-bidu tal-ħolqien tiegħu għamel bħala tiegħu l-għan il-kbir li ħadd ma jkun fqir jew fir-riskju tal-faqar f’Malta u Għawdex. Dan l-għan il-kbir għandu jitħares mingħajr riservi.


_________________________________________

Ir-rapport tal-Eurostat issibu hawnhekk: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-04112014-BP/EN/3-04112014-BP-EN.PDF

Il-parti dwar Malta tal-istrateġija EWROPA2020 issibha hawnhekk: http://ec.europa.eu/europe2020/europe-2020-in-your-country/malta/country-specific-recommendations/index_en.htm



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?