Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Bejn it-12 u s-16 ta’ Novembru li ġej, fi żmien ġimgħa oħra, reġa’ wasal appuntament li kull familja għandha tqis bħala importanti: il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Dan ikun fid-Dar tal-Mediterran, il-Belt Valletta. Huwa appuntament li din is-sena qiegħed iwiegħed li jkun tabilħaqq wieħed speċjali. Dħul b’xejn. Qliegħ kbir.

Għala ‘Festival’?

Sa ftit ilu, dan l-avveniment annwali konna nsejħulu l-’Fiera tal-Ktieb’. Il-bdil fl-isem mhuwiex għalxejn. Għax din l-attività kbira ma baqgħetx sempliċiment wirja ta’ ħafna kotba lokali. Sar esperjenza kulturali sħiħa bis-sehem ta’ ħafna pubblikaturi Maltin u barranin. Infatti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li jorganizza din l-attività, qiegħed jespandi fuq l-idea li din tista’ tkun biss vetrina ta’ kotba. Iridha tkun esperjenza ta’ involviment personali bil-ktieb bħala pont bejn in-nies.

Naturalment, l-iskop ewlieni se jibqa’ il-promozzjoni tal-kotba. Iżda l-attività qed toffrilna aktar minn hekk. Infatti, l-organizzaturi ħadu ħsieb li jimlew il-jiem tagħha b’avvenimenti kulturali, waqtiet ta’ inter-azzjoni bejn il-viżitaturi u xi awturi Maltin, kif ukoll sensiela ta’ dibattiti u lectures li fihom jista’ jipparteċipa kulħadd. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ikunu l-aktar li jolqtuhom l-attivitajiet li se jsiru.

Iżda mhux biss. Nies ta’ kull età se jkollhom affarijiet li jinteressawhom. L-idea hi li l-ktieb iservi bħala opportunità ta’ laqgħat, qsim ta’ ideat, divertiment u kurżità. Kollox hi maħsub sabiex ebda bniedem ma joħroġ idu f’idu. Iżda, jixtri jew ma jixtrix xi ktieb jew ieħor li jinteressah, jieħu miegħu il-gost tal-esperjenza u l-pjaċir tal-atmosfera.

Is-siwi tal-qari

M’hemmx għalfejn ngħid kemm hu importanti l-qari. Mhux biss importanti, imma wkoll essenzjali, speċjalment għalina l-Maltin u l-Għawdxin fejn l-pajjiżna l-ideat ġodda u friski huma tant skarsi. Wieħed għandu jaqra, bla dubju, iżda għandu fuq kollox jagħżel sew x’jaqra. Il-ktieb jista’ jkun ftuħ ta’ moħħ għal dinjiet ġodda; għal esperjenza li qatt ma ltaqa’ magħhom; għal ideat qawwija li jkabbru lil dak li jkun.

F’attività bħalma hu l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, wieħed ikollu l-opportunità rari li taħt saqaf wieħed jiltaqa’ ma’ splużjoni ta’ affarijiet li jistgħu jagħtu ħrara ġdida lil moħħna u lil qalbna. Fost l-eluf ta’ kotba li magħhom wieħed jiltaqa’, żgur li għandu jsib xi ħaġa li tista’ twessagħlu qalbu u tiftaħlu moħħu. Fuq kollox, żgur li għandu jsib xi ħaġa li ttejbu bħala persuna.

Aħna mdorrijin nisimgħu lil xulxin, u ħafna drabi dan iħalli eżattament fejn inkunu. Imma l-ktieb, li jitwieled fis-skiet ta’ dar xi ħadd u jitlaq jimxi bħallikieku kien persuna oħra, kapaċi jasal għandek biex xi ftit jew wisq jibdillek ħajtek u jagħtik viżjoni oħra tal-ħajja. Qatt ma taf. Żgur li attività bħalma hu dan il-Festival jiftaħ il-possibbiltajiet beraħ u kapaċi anki jwettaqhom.

Appuntament miftuħ

Naf li din is-sena, grazzi għall-impenn tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb żied l-investiment tiegħu, kemm finanzjarju u kemm ta’ riżorsi oħra, sabiex jagħmel il-Festival wieħed memorabbli għal min iżuru. Dan l-isforz għandu jħalli r-riżultati pożittivi tiegħu mal-pubbliku Malti u Għawdxi.

Jien, ngħid għalija, inħoss li, min tassew għandu għal qalbu t-tkabbir edukattiv u kulturali ta’ wliedu (bħalma m’għandix dubju li għandhom il-familji Maltin u Għawdxin), ma jistax jonqos li jżur din l-attività mifruxa fuq diversi jiem. Dan għaliex hu meħtieġ li, permezz ta’ avvenimenti bħal dan, il-poplu tagħna jkompli jitgħallem iwessa’ l-orizzonti tal-għarfien tiegħu u jikber fil-viżjonjiet li jista’ jkollu.

L-appuntament hu miftuħ għalik ukoll. Titilfux.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?