Kritika bejn il-ħbieb

Meta l-ħbieb jikkritikaw lil xulxin, jibqgħu ħbieb. Anzi, jista’ jkun li jsiru ħbieb akbar. Għax il-kritika bejn il-ħbieb ma tiġix mill-għira, mill-mibegħda jew minn xi sentiment ieħor distruttiv. Issir f’xirka ta’ rispett kważi sportiv u ta’ kunfidenza rassiguranti. L-istess il-kritika li ssir lill-gvern mingħand ‘ħbiebu’. Għalkemm xi wħud b’moħħ maħmuġ jagħżlu li jaraw fiha ‘sinjali ta’ firda’, hi fil-fatt mument ta’ qsim ta’ sentimenti u ideat.

Ittra bejn il-‘ħbieb’

L-ittra miftuħa li ntbagħtet il-ġimgħa ta’ qabel li għaddiet lill-Prim Ministru minn 26 ċittadin u ċittadina (ara l-ittra aktar 'l isfel) evidentement inkitbet fi spirtu ta’ ħbiberija u djalogu. Ma nażżardax insejħilhom ilkoll ‘ħbieb’ tal-Prim Ministru. Mhux għax mhumiex, iżda għax ma rridx nitkellem f’isem ħadd.

Iżda trid tkun stupidu, bħalma kienu xi wħud li joħolmu bil-ftajjar, biex tilmaħ fl-ittra l-id ta’ xi ċorma li jridu jduru għall-għaksa tal-Prim Ministru. Dawk li għamlu hekk allura ma fehmu xejn mid-deċiżjoni favur id-djalogu u l-kritika li Joseph Muscat ħa sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali, u li għadu jisħaq fuqha sal-llum. Din id-deċiżjoni hi stedina miftuħa għall-qsim miftuħ u mingħajr inibizzjonijiet ta’ rispett reċiproku.

Tabilħaqq, l-ittra esprimiet ċertu tħassib dwar ċerti operati tal-gvern, għall-anqas dawk li jidhru jew ma jidhrux pubblikament. B’daqshekk? It-tħassib la hu dikjarazzjoni ta’ gwerra, la asserzjoni ta’ ġlied, la pronunzjament ta’ firda u wisq anqas xhieda ta’ xi qasma jew oħra.

Il-kritika bejn il-‘ħbieb’

Nerġa’ ngħid, jien ma rridx nitkellem għal ħaddieħor. Iżda f’dak li għandu x’jaqsam miegħi, iva, nikkritika, u nikkritika bil-kunfidenza u b’rispett. U dan nagħmlu għax naf kif din il-kritika tintlaqa’ (u nlaqgħet) minn min jiqies ‘ħabib’. Għax il-‘ħbieb’ jixtiequ l-ġid lil xulxin; il-‘ħbieb’ ma jibżgħux minn xulxin; il-‘ħbieb’ jgħinu lil xulxin kemm jistgħu.

Jista’ jkun li l-ħbieb ma jaqblux, ukoll. Xi ħaġa minn ewl id-dinja din? Hemm xi kitba mnaqqxa fil-blat li tgħid li l-ħbieb iridu jaqblu f’kollox dejjem? Dan jaħsbuh id-diżonesti biss. Għax trid tkun diżonest biex tippretendi li, għax ħbieb ta’ xulxin, il-ħbieb iridu jkunu konfoffa ma’ xulxin dejjem u f’kollox. Jekk inhu hekk, dawn mhux ħbieb ikunu, imma kompliċi.

Il-ħbieb mhux hekk ikunu. Il-ħbieb jistqarru ma’ xulxin il-ġid li jridu lil xulxin. Il-ħbieb jażżardaw, f’isem il-ħbiberija ta’ bejniethom, li jgħidu dak li jħossu lil xulxin mingħajr ma jkissru, anzi jqawwu, il-ħbiberija ta’ bejniethom. Naturalment, ebda diżonest ma jista’ jifhmu dan.

Sinjal ta’ għaqda

L-ittra ntbagħtet pubblikament għax il-Prim Ministru hu bniedem pubbliku. U d-deċiżjoni tiegħu li jkun miftuħ għall-kritika u għad-djalogu saret b’mod pubbliku u għadha tgħodd fil-qasam pubbliku. X’fiha din? Mela xi ħadd għandu għalfejn jaħbi xi ħaġa? Dan la l-Prim Ministru ma jridu u lanqas min kiteb l-ittra.

Barra minn hekk, jien nemmen li l-ittra tista’ tesprimi wkoll is-sentimenti ta’ oħrajn li ma ffirmawhiex. Il-pubbliċità tagħha tistieden lil ħafna anonimi sabiex isieħbu s-sentimenti tagħhom magħha jew le. Il-‘ħbieb’ li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom fit-titjib tal-politika tal-gvern mhumiex ftit.

Jekk l-ittra wżat kliem ‘iebes’, kif intqal, juri l-ħafna ħbiberija li teżisti (mhux inqas). Għax il-ħbieb hekk jagħmlu. Iva, kapaċi jkunu iebsa ma’ xulxin. U saħansitra ‘kattivi’. Mhux għax huma maqsuma jew mifruda bejniethom. Anzi, bil-kontra. Għax jafu li ma’ xulxin jistgħu jażżardaw minħabba l-ġid li jixtiequ lil xulxin.

Le, le, le, sinjuri żvijjati u żbaljati, l-ittra mhijiex il-frott tal-firda, iżda tal-ħbiberija. Mhijiex sinjal ta’ qasma, iżda ta’ għaqda. Mhijiex għodda ta’ attakk, iżda ta’ kooperazzjoni. Mhijiex xi għajta biex immorru lura, iżda biex inkomplu nimxu ’l quddiem.

_________________________________________

L-ITTRA LILL-PM TGĦID HEKK:


Aћna, hawn taћt iffirmati, ћassejna d-dmir li niktbu din l-ittra fid-dawl tal-valuri u l-gћanijiet li gћalihom il-Partit Laburista’ twaqqaf, u minћabba tћassib, biża' u mrar dwar ċertu diskors u mġiba ta’ wћud fil-partit. Il-Partit Laburista twaqqaf biex iwieżen lill-foqra, il-batuti u lil min jinsab fl-iskaluni l-aktar baxxi tas- soċjetà. Fil-passat, il-partit ћadem bis-sћiћ biex jgћibu minn pajjiżna l-ġuћ u l-faqar, u biex il-foqra u l-ћaddiema jiksbu mhux biss gћajxien aћjar imma wkoll dinjità u sehem mit-tmexxija tal-pajjiż. Waqt li nirrikonxxu l-affarijiet pożittivi li l-gvern Laburista preżenti gћamel s’issa, wisq nibżgћu li fuq punti fundamentali l-partit qabad politika li ma taqbel xejn mal-gћanijiet u l-valuri li gћalihom twaqqaf. Gћalhekk qed niktbu biex nuru dan it-tћassib u l-weġgћat tagћna, bit-tama li l-partit jibdel ir-rotta u jkun fidil lejn it-twemmin tiegћu. Fost affarijiet oħra ninnutaw b’dispjaċir li:

• Fi żmien li l-ekonomija qed taћdem kontra l-kotra tal-ћaddiema u l-pensjonanti, fejn il-pagi u l-pensjonijiet fil-verità qed jonqsu meta mqabbla mal-gћoli tal-ћajja, u fejn il-faqar qed jgћolli rasu u jikber, il-gvern donnu jibża’ juża kliem bћal żieda fil-paga minima, fil-pensjonijiet u tqassim aћjar tal-ġid (jigifieri li lil min hu sinjur u qed jistagћna aktar minn qatt qabel, gћandu jitteћidlu aktar u jingћata lil min m’gћandux).

• Gћal xi ministri tal-gvern, l-uniċi kategoriji ta’ nies li jabbużaw huma dawk li jiddependu mis-servizzi soċjali. Dan hu inġust mhux biss gћax hemm ћafna nies li jiddependu fuq servizzi soċjali li ma jabbużawx u gћax hemm membri ta’ kategoriji oћra (professjonisti, negozjanti, eċċ.) li aktarx jabbuzaw wisq aktar, imma ghax ikompli jżid l-istigma fuq dawk li jiddependu minn dawn is-servizzi.

• Il-gvern qed jitfa’ piż żejjed fuq l-edukazzjoni akkademika u tekninka billi jaћseb u jġiegћel lil min jaћseb li din it-tip ta’ edukazzjoni tista’ ssolvi l-problemi soċjali kollha. Waqt li nemmnu f’edukazzjoni tajba, mingћajr miżuri biex iwieżnu liż-żgћir dan tal-aћћar ser jibqa’ dejjem fejn ikun. Soċjetà fejn kull membru gћandu edukazzjoni akkademika jew teknina eċċellenti, imma fejn hemm impjieg deċenti gћal 60% tal-membri biss, ser tkun soċjetà fejn gћandek 40% jsofru n-nuqqas, minkejja l-edukazzjoni eċċellenti ta’ dan it-tip li gћandhom.

• Il-gvern donnu jrid jogћġob akkost ta’ kollox lill-ispekulaturi tal-industrija tal-bini, mhux biss billi jillaxka r-regoli marbuta mal-ambjent li hu l-wirt tagћna lkoll, imma gћax mhu jagћmel xejn biex il-prezzijiet tad-djar jinżlu u jkunu raġonevoli. Dan qed iwassal gћal sitwazzjoni fejn bosta jsiru sidien ta’ djarhom meta ma jkunux gћadhom fl-aqwa ta’ ћajjithom.

• Il-gvern preżenti jidher li m’gћandu ebda rieda jaqbad il-barri minn qrunu fil-qasam tas-saћћa, fejn f’ċerti każi hemm servizz tas-saћћa b’xejn fit-teorija imma mhux fil-prattika. Dan qed iwassal biex bosta li ma jistgћux iћallsu gћal viżti, mediċini u kura privata jbatu.

Fid-dawl ta’ dan kollu u fiduċjużi li din hi r-rieda ta’ bosta, nittamaw li l-partit ikun fidil u jerġa' lura lejn l-gћeruq u l-valuri fundamentali tiegћu, bl-iprem ikunu l-ġustizzja soċjali u l-wens lejn min hu l-aktar fil-bżonn. 


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?