L-aktar sodisfatti bil-klima soċjali

Il-Maltin huma l-aktar Ewropej sodisfatti bil-klima soċjali li teżisti fil-preżent. Dan joħroġ minn riċerka magħmula għan-nom tal-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju ta’ din is-sena (2014) u ppubblikata issa. Riċerka simili saret f’Ġunju tas-sena l-oħra (2013). F’dan il-perjodu, il-Maltin intervistati wrew l-akbar titjib (meta mqabbla maċ-ċittadini l-oħra Ewropej) fis-sens ta’ sodisfazzjon li għandhom f’dan ir-rigward.

‘Klima soċjali’

Ir-riċerka hija s-sitt waħda li saret f’dan il-qasam mill-‘Eurobarometer’ tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-ħsieb tar-riċerka huwa li tistħarreġ il-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej fuq dik li tissejjaħ ‘klima soċjali’. Din tirreferi għas-sentiment ġenerali li jħossu n-nies meta jaħsbu u jqisu ħmistax-il aspett differenti li jaffettwalhom ħajjithom.

Dawn l-aspetti għandhom x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi personali tagħhom, il-kwadru nazzjonali, kif ukoll l-ideat tagħhom dwar l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali. Ir-riċerka tfittex ukoll li tkejjel x’tip ta’ tama għandhom iċ-ċittadini Ewropej għall-futur qarib — kemm b’mod ġenerali u kemm f’kull pajjiż membru.

Sa mill-aħħar darba li saret ir-riċerka, jiġifieri f’Ġunju tas-sena li għaddiet, joħroġ xi ftit jew wisq ċar li l-UE tinsab fi stat delikat ħafna ta’ rikuperu. Ir-rapport jgħid li dan l-istat huwa ‘fraġli’. Jgħid li, minħabba d-differenza kbira wisq bejn il-28 pajjiż membri, l-UE jidher li għad għandha sfidi strutturali konsiderevoli x’taffronta biex tkun stabbli kif għandha tkun.

Ir-riċerka hi bbażata fuq intervisti li saru wiċċ imb’wiċċ man-nies fi djarhom bl-għajnuna ta’ xi għodod viżivi. F’Malta dawn saru hekk ukoll u bil-Malti. L-għadd ta’ nies intervistati f’Malta kien ta’ 501. Dawn ġew intervistati bejn l-14 u s-26 ta’ Ġunju li għadda.

Titjib f’kull qasam

B’mod ġenerali, f’din ir-riċerka l-intervistati Maltin wrew titjib konsiderevoli fil-livell ta’ sodisfazzjon li għandhom dwar il-klima soċjali. Infatti, mhux biss dan il-livell huwa l-ogħla fl-UE kollha, iżda jagħmel l-akbar qabża fost kulħadd bejn l-2013 u l-2014. Minn livell ta’ sodisfazzjon ‘1’ fl-2013, jitla’ għal ‘3.1’. Skont riċerka simili preċedenti, dan il-livell kien l-agħar bejn l-2010 u l-2011, fejn mil-livell ta’ ‘0.2’ niżel għal ‘-0.3’ f’sena waħda biss.

Ir-rapport juri li, bejn Ġunju tal-2013 u Ġunju tal-2014, il-fehma tal-intervistati Maltin tjiebet fuq kull qasam li ġew mistoqsija dwaru. Jiġifieri dwar: il-ħajja b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ġenerali f’Malta, l-impjiegi, il-‘housing’, l-għoli tal-ħajja, l-enerġija, il-qagħda tal-familja, l-amministrazzjoni pubblika, l-ekonomija tal-pajjiż, il-pensjonijiet, il-benefiċji soċjali, u l-mod kif qed jiġi miġġieled il-faqar.

Naturalment, mhux kull qasam juri l-istess titjib. L-agħar fosthom, ngħidu aħna huma l-oqsma tal-għoli tal-ħajja u s-sitwazzjoni tal-‘housing’.

Qasam wieħed jidher li, mhux biss ma jurix titjib, iżda saħansitra jmur lura. Huwa l-qasam tar-relazzjonijiet f’Malta bejn il-Maltin u nies ta’ kultura, reliġjon jew oriġini etnika differenti. Fil-fehma tal-Maltin intervistati, dan il-qasam mar lura u jeħtieġ li jiġi indirizzat aħjar.

Nies ottimisti

Ir-rapport ifaħħar lill-Maltin, mhux biss għax jidhru li huma b’mod ġenerali l-aktar Ewropej kuntenti u sodisfatti, bis-sitwazzjoni preżenti ta’ pajjiżhom (jew il-‘klima soċjali’ li jilmħu), iżda wkoll minħabba li, apperentement, il-Maltin huwa wħud mill-aktar nies ‘ottimisti’ li għandha l-Ewropa. Infatti, ir-rapport isemmi dan diversi drabi, għax skont hu joħroġ bħala element kostanti f’riċerki simili.

Għalkemm wieħed irid ikun dejjem attent minn riċerki bħal dawn, mhux għax huma biss (kif jgħid ir-rapport stess) indikaturi, iżda wkoll ma tistax tiġġeneralizza x’jaħsbu 500 għal 400,000, wieħed ma jistax jinjorahom għal kollox. Xi ħaġa jgħidu. U dak li dan ir-rapport qiegħed jgħid, naħseb, hu li, b’mod ġenerali ħafna, l-impressjoni tan-nies ta’ x’inhi l-klima soċjali hi pożittiva. Forsi mhijiex entużjasta; iżda lanqas ħażina.

Però, l-aktar punt prinċipali tar-riċerka li aktarx wieħed jista’ jiġbor huwa li tul l-aħħar sena l-impressjonijiet tjiebu b’mod konsiderevoli. Kemm huma impressjonijiet realistiċi hija ħaġa oħra. Forsi iva. Forsi mhux tant.

_____________________________________

Ir-rapport Social Climate (418/EB81.5) tal-Eurobarometer jista’ jinstab billi tagħfas hawnhekk.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?