L-amministrazzjoni pubblika

Il-gvern, bir-raġun, hu mehdi bl-amminsitrazzjoni tal-Istat. Minn dan il-lat, id-dmirijiet u
r-responsabbiltajiet tiegħu huma kbar u mifruxa. Mil-lat finanzjarju, bħal kull intrappriża kummerċjali l-gvern irid dejjem jara li, jekk jista’ jkun, id-dħul tal-pajjiż ikun akbar mill-ħruġ, ħaġa li qatt ma hi faċli. Iżda l-amministrazzjoni għandha ħabta tiddomina operat bħal dan. Bħal kull istituzzjoni oħra, il-gvern irid joqgħod attend li l-amministrazzjoni ma tiddominahx u teħodlu ħsiebu minn fuq ħwejjeġ ta’ importanza oħra.

Ideali

X’jistgħu jkunu dawn il-ħwejjeġ? L-ewwel u qabel kollox, il-viżjoni li Stat għandu dejjem ikollu. Gvern jista’ jaqa’ fl-iżball li jħalli l-amministrazzjoni tirkbu u tagħmel sempliċiment amministratur tal-ġid tal-Istat. Dan hu rwol meħtieġ, siewi u importanti, m’għandniex xi ngħidu, iżda m’għandu qatt ikun esklussiv. Gvern irid ukoll jispira ċ-ċittadini tiegħu; irid iwettaq ir-rwol li jpoġġi quddiem l-Istat ideali li jkabbruh.

Dawn mhumiex neċessarjament ideali ekonomiċi jew finanzjarji. Għandhom aktar x’jaqsmu mat-tip ta’ għajxien li ċ-ċittadini jkollhom. L-ideali tal-ġustizzja distributtiva, ngħidu aħna, hi waħda minn dawn. Jiġifieri li l-ġid tal-pajjiż ikun imqassam sew sabiex minnu jgawdi kulħadd.

Hemm ukoll ideali oħra, fosthom id-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini. Il-gvern irid dejjem ifittex li ma jinsiex id-dmir tiegħu li jipproponi leġislazzjoni, anki azzardata, sabiex irodd drittijiet importanti liċ-ċittadini tiegħu, speċjalment lill-minoranzi.

Profeti

L-amministrazzjoni mekkanika u burokrata weħidha mhijiex biżżejjed biex gvern ikun jista’ jgħid li qed jagħmel suċċess. Gvern irid inebbaħ fiduċja fih innifsu billi jħares fuq l-hena u l-prosperità taċ-ċittadini kollha tiegħu mingħajr ma jonqos lil ħadd. Għal dan jeħtieġ li qatt ma jieqaf jipprofondixxi l-filosofija politika tiegħu u jittratta kull ħaġa skond prinċipji razzjonali u ambizzjużi.

Il-periklu li gvern jispiċċa sempliċiment amministratur, anki jekk wieħed tajjeb ħafna, hu wieħed li bosta gvernijiet waqgħu fih. Iżda orizzonti ġodda fil-ħajja taċ-ċittadini u fil-ħajja tal-Istat ma jinkisbux b’dan il-mod; ma jinkisbux b’nies li ħajjithom saret biss magna tal-poter.

Stat, nazzjon jew pajjiż b’saħħtu jeħtieġ, mhux biss amministraturi tajba u onesti, iżda wkoll ‘profeti’. B’dan irrid ngħid li jkunu nies ta’ viżjoni, anki ta’ viżjoni ambizzjuża. Fi kliem ieħor, ikunu nies ta’ provokazzjoni ideoloġika; li jieħdu l-ideoloġija tagħhom u tal-Istat lil hinn minn fruntieri li jkunu kurrentement aċċettabbli u normalizzati.

Avventurużi

Pajjiż jeħtieġ ideali u viżjonijiet daqskemm jeħtieġ il-flus u x-xogħol u l-amministrazzjoni tagħhom. Il-politika jeħtieġ li dejjem twessa’ l-perspettiva tagħha sabiex tkun tista’ tilqa’ fi ħdanha titjib li, filwaqt li jirrispetta d-dinjità ta’ kull bniedem, imexxi lil kull ċittadin lejn livelli aħjar ta’ ħajja soċjali u politika.

Dan ma jistax isir b’sempliċi amministraturi. Jeħtieġ filosofija politika ċara u nies li jesegwuha. L-amministrazzjoni, meta titħalla tiddomina u tieħu l-ispazju kollu, tfaqqar l-inventiva politika, tnessi l-avventura soċjali, tirrendi kollox medjokri u tnixxef kull ideal. Iżda politiku li hu mħarreġ fl-elementi tal-filosofija politika tiegħu jara kollox f’nisġa li tista’ dejjem tiftaħ possibilitajiet ġodda; xibka ta’ opportunitajiet li huma dejjem lesti għall-avventuruż.

Il-politiku jrid inebbaħ. Irid jagħfas fuq il-fruntieri. Irid ikeskes il-kriterji aċċettati. Irid jisfida s-sedentarjetà ideoloġika. Irid jażżarda jmur lil hinn mil-limitazzjonijiet tal-lingwaġġ li għamlu possibbli. Is-Soċjaliżmu hu famuż għal dan, iżda mhux is-Soċjaliżmu biss. Għax hu l-istoffa ta’ min irid dejjem jagħmel il-pass li jmiss, il-pass tal-imqareb.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?