Aħbarijiet melodrammatiċi

Is-servizzi li jagħmlulna l-pjaċir li ta’ kuljum joffrulna l-aħbarijiet saru parti integrali mid-dinja informatika li ngħixu. B’kull mezz tekonoloġiku possibbli, ninsabu kważi ibbumbardjati l-ħin kollu b’informazzjoni li tieħu x-xejra ta’ importanza vitali. Għalkemm nistgħu nobsru li wara din l-attività frenetika hemm interessi moħbija, xorta waħda ħafna minna jibqgħu jibilgħu l-lixka li mingħajr aħbarijiet m’aħniex f’dinja.

Aġġornati?

Ta’ kuljum niġu ppreżentati b’aħbarijiet li jingħataw libsa melodrammatika li jridu jaqbdu, mhux sempliċiment l-attenzjoni tagħna, iżda wkoll l-emozzjonijiet tagħna. L-impressjoni li kull darba ningħataw hija li dawn l-aħbarijiet huma ta’ relevanza bla qies u li jeħtieġ li nkunu nafu bihom b’mod immedjat. Kważi tħossok b’xi mod ħati jekk tinjorahom.

Titli kbar, stampi esklussivi, xi kultant vidjows drammatiċi, kitbiet misterjużi, kwotazzjonijiet dubjużi, għejjun mistura ... dawn kollha bosta drabi jaħdmu flimkien biex iġegħluna nħarsu u forsi nagħtu widen. L-għada l-istejjer ‘importanti’ jinbidlu u nerġgħu naqgħu koppi. Affarijiet ġodda jitolbu attenzjoni ġdida; jitolbuna nemozzjonaw irwieħna mill-ġdid.

Ħafna drabi aħna naqgħu f’din il-logħba mingħajr ma rridu. Ix-xewqa li nibqgħu ‘aġġornati’ żżommna mweħħlin mas-servizzi li jwegħduna l-aħbarijiet. Mingħajr ma rridu nsibu lilna nfusna nfittxuhom, navdawhom, nemmnuhom. Għalina jsiru d-‘dinja’ kollha miġbura kuljum fuq ftit paġni, ftit minuti ta’ aħbarijiet jew ħafna siti mill-Internet.

Dinja fittizja

Iżda din id-‘dinja’ miġjuba lilna hi fittizja. Hi ħolqien artifiċjali, arbitrarja u suġġettiva ta’ nies li xogħolhom hu, prinċipalment, li jżommu l-impjiegi tagħhom utli u ġustifikati, nies li ta’ kuljum iridu jew ma jridux jeħtieġ li ‘jsibu’ stejjer ġodda x’jirrakkuntaw u, jekk ma jsibux, isawru l-ġodda huma. L-arti tagħhom hi li joħolqu l-agħa mix-xejn.

L-aħbarijiet li jwasslulna huma dejjem magħżula skont l-impatt li kapaċi jħallu fuqna u dejjem mogħtija laqta sew ta’ għaġeb u stupur. Jippreżentawlna stejjer insinifikanti bħallikieku kienu ġrajjiet kruċjali. Jinsġulna rakkonti fantastiċi bħallikieku avventimenti vitali. Jagħtuna biċċiet ċkejkna minn stampi bħallikieku kienu kwadru sħiħ u komplut.

Id-‘dinja’ tal-aħbarijiet mhijiex id-dinja reali. Hija ħafna ’l bogħod minnha. Hija ‘dinja’ li teżisti biss biex timla l-ħin u l-ispazju vojt ta’ servizzi u aġenziji li fommhom hu maqbud ma’ denbhom f’ċirku vizzjuz li la jaf fejn hu l-bidu u lanqas it-tmiem. Dinja ta’ għajdut u rextar b’‘veritajiet’ iffabbrikati u mbagħbsa.

Kattiverja

Fuq kollox, hi ‘dinja’ b’doża ta’ kattiverja. Għax is-servituri tagħha jgħixu, jieklu u jogħxew fuq id-diżgrazzji, id-diżunuri, l-hemm u l-umiljazzjonijiet ta’ ħaddieħor. Huma servituri li, aktar iva milli le, ifittxu l-feriti tan-nies, ukoll l-aktar żgħar, sabiex inawru subgħajhom ġo fihom. U jekk feriti ma jsibux fil-ħin, malajr joħolqu waħda huma, biex ikollhom xi jgħidu u fuqhiex itaqtqu.

Iżda mhux biss. Agħar minn hekk, bosta servituri minn dawn—li jħobbu jsejħu lilhom infushom ġurnalisti—m’għandhom ebda rispett lejn il-verità tal-fatti. Jixxaħxħu fit-tkeskis ta’ bniedem kontra ieħor, jitpaxxew b’konklużjonijiet żvijjanti, jitgħaxxqu b’insinwazzjoni vojta, jinħallu meta jilmħu mqar l-iċken eżitazzjoni jew inċertezza. Ħsiebhom bosta drabi huwa li jfixxklu n-nies fi kliemhom u jaqbudhom f’inkonsistenzi inokwi.

Għalkemm jilgħabha tas-serju u r-rett, ħafna ġurnaliżmu hu banali u infettat. Ipinġi l-intenzjonijiet tiegħu bħala onorabbli meta ħafna drabi hu biss vili u detestabbli. Jagħmilha ta’ qaddej tal-verità meta fil-biċċa l-kbira mhuwiex għajr manipulatur, esplojtatur u Makjavelljan.

Jagħmel pjaċir lilu nnifsu min jigħallem il-lupu fejn jissajja.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?