Id-disperazzjoni tal-imsakkra

Hu faċli ħafna f’dawn il-ġranet li l-familji jinġabru fl-għożża tal-qraba li tinsa lill-mijiet, l-eluf u l-miljuni li, Milied u mhux Milied, sena ġdida jew mhux, jgħixu fid-disperazzjoni li xeħtithom ix-xorti jew ħaddieħor: nies il-ħabs, nies refuġjati, nies bla art, nies bla dar, nies bla patrija, nies fi gwerra, nies bla familja, nies ippersegwitati, nies bil-ġuħ, nies bil-mard. Nies bħali u bħalek.

Gratitudni

Dawn in-nies kollha jinsabu b’xi mod jew ieħor imsakkra f’sitwazzjonijiet li minnhom m jistgħux joħorġu kif ġieb u laħaq. Ħafna drabi jiddependu minn ħaddieħor biex jeħilsuhom, ħaddieħor li, aktar iva milli le, hu indifferenti għall-hena tagħhom. Jinsabu f’sitwazzjonijiet li jgħalquhom f’morsa ta’ disperazzjoni kerha.

Ma ngħidlekx dan biex intelliflek il-gost ta’ dawn il-jiem ta’ festa. Ngħidulek biss biex ma tinsiex li, waqt li int u jien għandna x-xorti li ngawdu l-familja u l-ħbieb bil-kwiet, hemm ħaddieħor, tad-demm u l-laħam bħali u bħalek, li din ix-xorti m’għandux. Tinsiex. Ftakar. Fuq kollox: kun grat għal dak li għandek.

Mhux għal dan biss għandek tkun grat. Kun grat ukoll għal dawn il-mijiet u l-eluf li jħallu ġidhom, il-familji tagħhom u pajjiżhom sabiex jgħinu lil ħaddieħor bil-bżonn madwar id-dinja kollha. Mhux min imur biex jagħmel il-gwerra u l-ħsara. Iżda dawk li jmorru biex jagħmlu l-ġid, ifarrġu u jagħtu daqqa t’id fejn il-ħtieġa ssejħilhom.

Ġustizzja naturali

Dawn in-nies qalbiena huma t-tama tagħna li l-ideal tal-paċi u l-ġustizzja sseħħ. Huwa ideal li xi wħud jaħdmu kontrih bil-firda u l-mibegħda li jkomplu jġibu. Iżda hu wkoll ideal li ma jmutx minn qalb miljuni ta’ nies li ma jaqtgħux qalbhom minħabba l-ebusija ta’ ras ta’ dawk li jemmnu fil-vjolenza.

Hu ideal li, fuq kollox, jgħix u jsostni ruħu mill-fatt li t-tbatijiet tad-dinja mhumiex neċessarji. M’hemmx raġuni suffiċjenti għala jeżistu. Kważi kważi nistgħu ngħidu li jeżistu kontra n-natura. Għax la l-bniedem u lanqas in-natura ma jinsabu fi stat ta’ taqtiegħ u ġlied. Bil-kontra, hija l-kooperazzjoni u l-ftehim li jiġri f’demmhom.

Il-paċi mhijiex innaturali. Anzi. Hija l-paċi l-istat naturali tal-ħolqien kollu. Iżda mhux mingħajr dak li nistgħu nsejħulha l-‘ġustizzja’. Mhux biss il-ġustizzja li jagħmlu l-bnedmin. Iżda l-ġustizzja li tinbet weħidha mill-armonija mutwa ta’ bejn l-affarijiet.

Tama fejn m’hemmx

In-natura kollha turina li l-forzi tagħha jibbilanċjaw u jaġġustaw lil xulxin. Kollox ifittex l-armonija b’azzjonjiet kważi ta’ kooperazzjoni u koordinament. Il-bniedem mhux anqas. Il-gwerrer li joħloq, il-ġlied li jagħmel, il-ħabsijiet li jibni, il-miżerja li jnissel, xejn minn hawn ma huma parti naturali ta’ dak li hu.

Huwa biss il-bniedem pervers, il-bniedem marid, il-bniedem vili, li jaħdem kontra n-natura u kontra dak li jagħmlu bniedem. Hu biss li kapaċi jeqred il-ġmiel u l-perfezzjoni tal-ħolqien u joħloq dinja ta’ disperazzjoni għal ħafna. Hu biss li kapaċi jkisser il-paċi u jagħmel il-ġustizzja impossibbli.

Għalkemm bnedmin irrazzjonali bħal dawn huma ħafna drabi qawwija, jien nemmen li huma l-ftit fost l-għadd ta’ nies li jgħixu fid-dinja. Qawwija, tabilħaqq, u jaslu, iżda mhumiex il-biċċa l-kbira tagħna. Il-biċċa l-kbira, għalkemm spiss dgħajfa u bosta drabi bla saħħa li jibdlu l-affarijiet b’mod immedjat, huma dawk li huma ddestinati biex fl-aħħar mill-aħħar irebbħu l-ġustizzja u jġibu l-paċi.

Mhuwiex b’ħiltu li l-bniedem jitqawwa; iżda huwa b’ħiltu li jrodd it-tama fejn m’hemmx.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?