Il-miġnuna mħabba

MEDITAZZJONI GĦAL ŻMIEN IL-MILIED


Min m’għandux il-Milied f’qalbu, m’għandu ebda Milied. Il-Milied—u ebda prattika reliġjuża oħra, wara kollox—mhijiex dwar sentimentaliżmi, romantiċiżmi, reliġjoniżmi, liturġiżmi jew devozzjonaliżmi. Li Alla tlaħħam fil-persuna ta’ bniedem tisfida kull raġuni ta’ min ma jaf xejn dwar x’jiġifieri l-ġenn tal-imħabba u dwar l-imħabba tal-ġenn.

L-empiriċista, iċ-ċiniku, il-loġiċista, ix-xettiku, ir-razzjonalista, il-misantropu jew ix-xjenzjalista ma jista’ qatt jasal biex jibda jifhem x’hemm moħbi f’din il-wirja ta’ mħabba. Il-Milied jista’ jagħarfu biss min jaf iħobb lil hinn mill-fatti, mill-evidenzi, mill-provi u miċ-ċertitudnijiet.

Il-Milied mhuwiex parti mill-fasla ta’ ħsieb ta’ min jehda biss bil-possibbli. Lanqas mill-qafas ta’ lingwaġġ li jieqaf biss sax-xfar tal-immaġinabbli. Il-Milied jgħid storja li ma tistax isseħħ, li m’għandhiex tkun, li hi ddestinata għad-diżastru, li hija traġika sa mill-bidu. Dan, l-imħabba biss tista’ tagħarfu, ukoll jekk qatt ma tifhmu.

L-imħabba taf biss tħobb. Xejn aktar. La għandha l-ħtieġa tat-tifsir u wisq anqas għalfejn tifhem. Għall-imħabba biżżejjed li temmen. Hija tfittex dak li ma tafx x’inhu u tinħataf minn dak li ma tifhimx. Id-dettalji ma jinteressawhiex. Il-motivi ma jinteressawhiex. Ir-raġunijiet ma jinteressawhiex. Jinteressaha biss li ġġib l-għaqda bejn min iħobb.

L-imħabba tikkonsma ruħha fi preżenza. Hija l-qrubija intima li tfittex u fiha titgħaxxaq. Dan hu t-twettiq tagħha. U dan hu t-tifsira sħiħa tal-Milied. Preżenza divina f’dak kollu li hu maħluq; f’dak kollu li jeżisti; f’dak kollu li għandu taħrik ta’ ħajja. Preżenza li aktar bħad-dlam milli bħad-dawl. Id-dawl jagħmel id-dellijiet, iżda d-dlam jgħaqqad kollox f’konsistenza waħda.

Isma’ x’xhieda jagħti mill-isbaħ Ġwanni ta’ Antijokja (m. 349–407), imlaqqam ‘Il-Fomm Dehbien’ (‘Krisostomos’ bil-Griek), meta jitħaddet dwar it-twelid ta’ Ġesù (Taħdita CXLVII):

“Il-tħarrikiet tal-imħabba ma jaħsbuhiex darbtejn dwar x’se jiġri,
          xi jmissu jiġri,
          jew x’jista’ jiġri.
L-imħabba m’għandhiex ġudizzju,
          ma tagħtix widen lir-raġuni,
          ma tafx tqis.
L-imħabba ma taċċetta ebda ħemda jekk dak li trid ma tistax tiksbu,
          anqas fejqan jekk dak li trid hu tqil biex jinkiseb.
Jekkemmildarba l-imħabba ma tiksibx dak li tixtieq, teqred il-maħbub.
Hu għalhekk li tmur fejn titmexxa,
          u mhux fejn imissha.
L-imħabba tnissel il-ħeġġa,
          tikber bil-ħrara;
u l-ħrara tifrex lilha nnifisha għal dak li mhuwiex sewwa.
L-imħabba ma tistax toqgħod mingħajr ma tara dak li tħobb.”

Il-Milied iġib f’moħħna, f’qalbna u f’ruħna—kontinwament—li ninsabu fil-preżenza tal-imħabba divina. Ifakkarna li ma hemm xejn li jista’ jaħarbiha. Ma hemm xejn ’il barra minnha. Ma hemm xejn lil hinn minnha. Fiha neżistu. Fiha nitħarrku. Fiha aħna.

Hija mħabba li ma titlobna xejn. Ma tippretendi xejn. Għajr tħobb. Jagħrafha biss min jaf jiskot. Min jieqaf jipprova jħobb. Min jaf biss ikun. Min jaf jintelaq fil-benniena tagħha. Min jaf jgħaxxex fil-preżenza tagħha. Min jaf jilqagħha, mhux bil-moħħ, iżda fil-qalb.

Tabilħaqq, min m’għandux il-Milied f’qalbu, m’għandu ebda Milied.

______________________________________

Ix-xbieha turi skultura mis-snin 70 ta’ Theodore Cotillo Barbarossa (1906–1992) fil-Katidral Nazzjonali ta’ Washington, l-Amerika.

Is-silta hi minn The Fathers of the Church, ed. minn Roy J. Deferrari et al., vol. 17, Father of the Church Inc., New York, 1953, miġjuba minn George E. Ganss, p. 246.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?