Koalizzjoni mmermra?

Riżenja waħda ma tkissirx koalizzjoni. Lanqas ma tkisser gvern. Anzi, xi wħud isostnu li jiġri bil-kontra. Jaqbel jew ma jaqbilx miegħu għal kollox, il-‘basket imħallat’ ta’ ideoloġiji politiċi li wassal lill-Partit Laburista biex jikseb is-setgħa governattiva ma kienx jiddependi, la fuq bniedem wieħed, wisq anqas fuq kompromessi sforzati li ma jħallux lok għal deċiżjonijiet iebsa.

Il-‘kultura tar-riżenji’

Ir-riżenji amminsitrattivi riżultat ta’ responsabbiltà politika dejjem iġibu xi ftit tax-xokk fil-gżejjer Maltin. M’aħniex imdorrijin bihom u bosta drabi, minħabba l-istil ta’ politika li nagħmlu, lanqas ma nifhmuhom għal kollox. L-hekk imsejħa ‘kultura tar-riżenji’, li fl-Ewropa hi materja ta’ kuljum, fostna ma teżistix wisq.

Aktarx m’għandux ikun hekk. Anzi. Jekk wieħed iqis id-diskors taż-żewġ partiti ewlenin, mhux biss illum, iżda għal għexieren ta’ snin, wieħed jaħseb li hawnhekk għandna ‘kultura’ jew attitutudni li tiffavorixxi ir-responsabbiltà politika li tagħmel ir-riżenzi tal-awtoritajiet amministrattivi possibbli. Iżda fil-fatt mhuwiex hekk. Hawnhekk ħadd ma jirriżenja sakemm ma jkunx imġiegħel.

L-aħħar eżempju li kellna din il-ġimgħa huwa każ klassiku. Aktarx ilkoll niftakru, ngħidu aħna, kemm-il darba Fenech Adami jew Gonzi, jew anki Ministri fil-gvernijiet tagħhom, taparsi rriżenjaw, biex imbagħad ir-riżenji tagħhom taparsi ma ntlaqgħux. Kulmeta saret riżenja, bħal ta’ Karm Mifsud Bonnici, ngħid aħna, dan sar biss għax tabilħaqq ma setax isir mod ieħor biex jgħattu x-xemx bl-għarbiel. Każ wieħed, dak ta’ fi żmien Alfred Sant, meta rriżenja Charles Mangion, li ma sarx hekk.

Termini partiġġjani

Dan kien eċċezzjoni. Normalment ma jsirx hekk, la fl-ogħla livelli tal-gvern u lanqas fil-livell dipartimentali. Għalkemm isir ħafna paroli fuq ir-responsabbiltà tal-amministraturi, sempliċiment f’Malta u Għawdex ħaġa bħal din ma tinkwadrax fil-mentalità politika tagħna. Dan, nifhem jien (anki jekk forsi ma togħġobnix), huwa parti mill-infantiliżmu politiku li għandha ma ssuperajniex.

Tant hu hekk li l-biċċa l-kbira lanqas biss jiddiskutuh. Kulma jagħmlu hu li jistagħġbu meta jseħħ. Jarawh inġust u kważi kważi żejjed. Ma jifhmuhx. Ministru jew kap ta’ dipartiment m’għandux jeħel għal dak li jagħmlu n-nies ta’ taħtu. Dan hu raġunar tipiku ta’ mentalità li tqis il-politika f’termini assolutistiċi.

Iżda, apparti dan kollu, hemm min f’din il-biċċa xogħol għażel li jara l-kwestjoni kollha f’termini aktar partiġġjani. Raha bħala sinjal ċar li l-koalizzjoni ta’ ideoloġiji li għaqqad Joseph Muscat biex kiseb il-gvern bdiet titmermer. Xi ħadd wasal biex saħansitra jsejħilha l-‘bidu tat-tmiem’.

Prova mirbuħa

Il-bidu tat-tmiem kien ikun jekk, biex tiġi salvata xi forma ta’ koalizzjoni, il-gvern jonqos milli jieħu d-deċiżjonijiet iebsa li għandu jieħu. Kien ikun il-bidu tat-tmiem għax, biex isalva l-għaqda ta’ konvenjenza, jagħlaq għajnejh għall-prinċipji ta’ korrettezza. Kien ikun il-bidu tat-tmiem għax aġir bħal dan kien ikun sinjal ċar ta’ dgħufija u miskinità.

Bil-kontra, li l-gvern jaġixxi b’fermezza u b’integrità, anki bir-riskju li jipperikola l-koalizzjoni, hija sinjal tal-fibra morali u tal-kunfidenza li għadu jippossedi. Hija sinjal li, huma kemm huma ħbieb u kollaboraturi dawk li fil-gvern għandhom sfond politiku differenti, is-supremazija tal-ideali u d-deċenza tas-sewwa tiġi ’l fuq minnhom ilkoll. Ebda koalizzjoni ma tista’ tkun integra u onorabbli jekk tħaddan il-biża’ tal-konfront.

Għaldaqstant, jista’ jkun li, minn Marzu tal-2013 lil hawn, ir-riżenja tal-Ministru tal-Intern din il-ġimgħa kienet l-akbar prova tal-koalizzjoni governattiva. Iżda kienet ukoll prova li rebaħ. Għalkemm penuża, wriet li l-gvern hu moralment b’saħħtu u li l-fibra tiegħu hi ta’ stoffa.

Il-prova mhux talli ma dgħajfitux, iżda saħħitu.






Comments

  1. Ma kien hemm l-ebda rizenja, imma naqbel li il-gvern jasal biex jnehhi il-min insista fuq il-kultura li ma jirrizenjax huwa pass il-quddiem.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?