Ċassi aktar minn ħajt

Xi wħud mill-monumenti nazzjonali


Dan l-aħħar sibt l-okkażjoni biex inżur it-tliet monumenti li saru għal Gwido Demarco, Ċensu Tabone u Duminku Mintoff ... u ma qaluli xejn! Mhux għax stennejt li l-bronz jitkellem, għax naf li s-soltu dan ma jagħmlux, ... imma l-arti tagħhom iva. Iva, stennejt li l-arti tal-monumenti tgħidli xi ħaġa dwar it-tliet persunaġġi. Kulma sibt kienu figuri ċassi li jħalluk kiesaħ u biered daqs il-bronz li jsawwarhom.

Il-lingwaġġ artistiku

Inzertajt kont xi ftit jew wisq naf lit-tlieta min-nies li għalihom saru l-monumenti. Tkellimt magħhom kemm-il darba u, għalkemm kienu lkoll akbar minni ħafna fl-età, diversi drabi ħadu l-ħin u l-paċenzja li jitkellmu miegħi. It-tlieta kienu nies li nirrispetta.

Wieqaf quddiem il-monumenti tagħhom, bħal donnu stennejt li se nilmaħ xi ftit minn dak id-dinamiżmu, is-simpatija, l-intelliġenza u l-affibbilità li lkoll kellhom b’modi differenti. Stennejt li, għal ġenerazzjonijiet ġejjiena, kien se jitħalla xi xrara mill-personalitajiet rikki li t-tliet persunaġġi kellhom u li bihom ħadmu għal pajjiżna. Stennejt li se jkun hemm xi ftit tal-kuntatt, xi kommunikazzjoni, xi fibra ta’ sentiment.

Minn dan kollu ma kien hemm xejn. Xejn. Ħarist lejn figuri li qatt ma ltqajt magħhom; rappreżentazzjonijiet li qatt ma tkellimt magħhom; xbihat li qatt ma kont naf; karikaturi li m’għarafx. Il-lingwaġġ artistiku tagħhom kien għal kollox sieket; ma leħħen ebda stimulu; ma tkellem ebda sentiment.

Għamliet artistiċi oħra

Dawn is-sura ta’ monumenti għal persunaġġi Maltin kważi kollha donnhom jieħdu l-istess għamla: jippruvaw jagħtu rappreżentanza ta’ dak li suppost jimitaw. Nieqsa minnhom hija l-fantastija, l-avventura, l-immaġinazzjoni. Huma bħal speċi ta’ ritratt ħażin fi tliet dimensjonijiet.

Nifhem li monument għandu jkun artistiku. Iżda dawn il-monumenti mhumiex arti. Għax arti hi interpretazzjoni sublimi u espressiva, mhux fotokopja sterili. L-arti hi viżjoni; hi stqarrija. Mhux dupplikazzjoni, replika jew simulazzjoni. Ara l-monumenti mill-isbaħ ta’ Boffa, ta’ Dimech jew ta’ Dante. Tista’ tikteb volumi dwarhom.

Iżda dawn it-tip ta’ monumenti lanqas m’għandhom għalfejn ikunu bilfors rappreżentattivi. Jistgħu jkunu astratti, billi t-tnebbiħ tas-suġġett jagħti lok għal ħolqien ta’ xogħlijiet li huma intellettwalment u emozzjonalment eċċitanti. Jew anki mhux-oġġettivi, billi b’forom estetiċi jinħoloq xogħol li hu viżwalment stimulanti. Iżda, le, donnu dawn l-għamliet artistiċi lanqas biss huma permessi għall-monumenti tal-persunaġġi tagħna. Ara daqsxejn, però, kemm hu sabiħ u evokattiv il-memorjal ta’ Kennedy f’Buġibba.

In-‘nazzjonalità’

Dawn il-monumenti rappreżentattivi sterili u ċassi jippretendu li huma wkoll NAZZJONALI. Jien nifhem li, meta nużaw kelma bħal din għalihom, ifisser li jesprimu xi ftit, mhux biss il-kontribut li l-persunaġġ ta lin-nazzjon b’ħidmietu u bil-personalità tiegħu, imma wkoll x’se jibqa’ jara fih in-nazzjon issa li ħalliena. Iżda għalxejn tfittex xi ħjiel dwar dan fil-monumenti tagħna. Filfatt, ma huma nazzjonali xejn. Jistgħu jkunu perfettament adatti għal persuni anonimi bla ebda relevanza privata.

Jien m’iniex artist, imma, bħal ħafna oħrajn, naf biżżejjed filosofija estetika biex, apparti x’naħseb jien personalment fuq nies bħal Tabone, Demarco u Mintoff, nagħraf li l-monumenti pubbliċi li nipproponu jkunu artistikament kuraġġużi, exploratorji u avventurużi. L-arti pubblika m’għandiex tkun beżżiegħa, modesta, fqira jew sottomessa.

Bil-kontra, l-arti proposta fil-pubbliku (bħaż-‘Żieme’), speċjalment dik ta’ xejra ‘nazzjonali’, għandha tisfida l-intellett u tqanqal is-sentiment. Għandha tfittex li tmur lil hinn mill-medjokritajiet u l-ordinarjetà. Għandha tkun arti li tnebbaħ il-qawwa tal-moħħr, il-qlubija tal-karattru u l-kobor tal-ispirtu.

X’festa setgħu jagħmlu dawn il-monumenti ċassi mill-imgħoddi u mill-ġejjieni li kienu tajnihom l-opportunità!






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?