Erġajna koppi?

Disat ijiem ilu, fit-2 tax-xahar, il-President Barak Obama impona sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Korea ta’ Fuq minħabba li l-awtoritajiet f’dan il-pajjiż allegatement issabutaġġjaw is-sistemi tal-komputer tal-kumpanija Amerikana ‘Sony Pictures Entertainment’. Jingħad li dan għamluh minħabba film dwar pajjiżhom li l-kumpanija kienet se toħroġ għaċ-ċinema.

Film u theddid

Fi ftit kliem, l-istorja tal-film tittratta dwar żewġ ġurnalisti televiżivi Amerikani li ġiethom l-opportunità unika li jintervistaw lill-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, ġewwa Pjongjang (il-belt kapitali tal-pajjiż). Is-CIA (iċ-ċentru ta’ spjunaġġ Amerikan) ma ħamilx, u ngaġġja lill-ġurnalisti biex, waqt li jkunu wiċċ imb’wiċċ ma’ Jong-un, joqtluh.

Il-film, bl-isem ‘L-Intervista’, kellu jibda jintwera fiċ-ċinema nhar il-Milied li għadda. Iżda fit-22 ta’ Novembru ta’ qabel, xi ħadd (imsejjaħ ‘Gwardjani tal-Paċi’) daħal illiċitament fis-sistemi tal-komputer tas-‘Sony’, tefa’ virus li mblokka s-sistemi kollha, u hedded li, jekk il-film ma jiġix irtirat, “jiġri xi ħaġa agħar”, inkluż il-kxif tas-sigrieti l-aktar intimi tal-kumpanija u wkoll atti terroristiċi fuq iċ-ċinema li juru l-film (a la dawk tat-Twin Towers fl-2001).

Is-‘Sony’ ħadet din it-theddida b’serjetà kbira u kkanċellat il-premjer u l-wiri tal-film (għalkemm aktar tard ħarġitu b’mod limitat). Iżda l-FBI (iċ-ċentru investigattiv Amerikan) weħħlet fil-Korea ta’ Fuq ta’ dan is-sabutaġġ u, b’riżultat, il-President Amerikan iddikjarah bħala “tkasbir tad-dritt tal-espressjoni ħielsa”.

L-arroganza Amerikana

B’hekk ġew is-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Korea ta’ Fuq ... anki jekk fil-prattika ftit jagħmlu effett, għax bejn l-Amerika u l-Korea ta’ Fuq qajla hemm xi kummerċ bilaterali. Għalkemm dan l-att hu aktar wieħed ta’ tifsir simboliku, joħloq preċedent għax hu l-ewwel darba li l-Amerika kkastigat pajjiż għal attakki ċibernetiċi.

Il-Korea ta’ Fuq sa mill-bidu nett ċaħdet li kellha xi ħaġa x’taqsam mas-sabutaġġ. Sa offriet lill-Amerika li ssir inkjesta konġunta (Amerikana-Nordkoreana) sabiex tinvestiga s-sabutaġġ u tfittex lill-ħati jew il-ħatjin. Iżda l-Amerika ċaħdet din il-proposta. Obama għażel li jaġixxi kontra l-Korea ta’ Fuq minkejja li esperti ċibernetiċi wissewh li kien impossibbli li jkunu mija fil-mija ċerti li l-attakk kien ikkonċertat mill-Korea ta’ Fuq.

Iżda l-aktar preokkupanti mhuwiex dan. L-aktar preokkupanti huwa l-fatt li Obama aġixxa bl-istess arroganza u prepotenza li tant u tant u tant maqdar fil-presidenti Repubblikani ta’ qablu. Obama wiegħed id-djalogu mal-oppożituri; wiegħed li jiddiskuti d-differenzi; wiegħed li jitkellem mhux isawwat. Minflok, jidher li l-‘Judah Ben-Hur’ tagħna sar ‘Massala’ ieħor: inbidel f’dak li kien jobgħod; sar dak li ħalef li jeqred.

Attitudni mibgħuda

Għalija din hi l-aktar xeqliba traġika tal-istorja. Ma ngħidx li Obama sar ikrah daqs il-presidenti Repubblikani li ġew qablu, jew li għamel il-ħsara daqshom. Fil-fatt, naħseb li huwa differenti minnhom daqs kemm hi differenti n-nida mix-xita. U lanqas ma ngħid li huma għamlu ġid daqsu, speċjalment mal-poplu ż-żgħir tal-Amerika jew fil-politika barranija tal-pajjiż. Anzi, naħseb li lanqas jibdew miegħu.

Iżda ma nistax niċħad il-fatt li l-arroganza u l-prepotenza tipika Amerikana, speċjalment dik li kibret mill-President Reagan lil hawn, xi ftit jew wisq donnha ħammġet u kerrhet lil Obama wkoll. Xi sfortuna!

Fit-tħabbira tas-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq disat ijiem ilu, Obama stqarr li “l-azzjonijiet tal-lum huma biss l-ewwel aspett tar-rispons tagħna”. Mela x’ġej aktar? Attakk militari bħalma sar fuq il-Libja fl-1986 jew fuq l-Iraq fl-2003? Dawn ukoll kienu saru fuq pretesti dubjużi ferm li wara rriżulta li lanqas biss kienu jeżistu. Obama se jagħmel l-istess kontra l-Korea ta’ Fuq? Jekk hu hekk, imsieken aħna lkoll!

X’ħasra li Obama, kważi fi tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu (jispiċċa fil-bidu tal-2017), beda jieħu din l-attitudni tant mibgħuda minnu stess u mid-dinja kollha. Mhux li kien jerġa’ jiftakar fl-id tal-ħbiberija li, b’tant tama għall-umanità kollha, kien stqarr u wiegħed.

Allaħares Obama jsir Bush jew Reagan jew Nixon ieħor! Inkunu erġajna koppi.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?