Xibka ta’ abbużi, ħabi u qerq

Xahar ilu, eżattament fit-3 ta’ Diċembru li għadda (2014), is-Senat Amerikan xandar il-konklużjonijiet ta’ rapport li għamel kumitat magħżul tiegħu (immexxi mis-Senatur Dianne Feinstein) dwar il-metodi ta’ interrogazzjoni li tuża l-Aġenzija Ċentrali ta’ Informazzjoni Amerikana (magħrufa bħala ‘CIA’). Dak li sab il-kumitat hu xokkanti u inkwetanti. Il-konklużjonijiet juru li s-CIA hi mħabbla f’xibka ta’ abbużi, ħabi u qerq konsistenti.

Is-CIA fid-dinja

Dan ir-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu mhumiex ta’ interess għall-Amerikani biss. Xejn minn dan. Huma ta’ interess għal kulħadd fid-dinja. Għax l-Amerika hi mdeffsa kullimkien; f’kull rokna tad-dinja, inkluż f’pajjiżna stess. Is-CIA, bħala l-aġenzija li tagħmel il-biċċa l-kbira tax-xogħol maħmuġ tal-Amerika, tikkonċernana direttament. Għax l-idejn twal tagħha jwasslu safejn lanqas nistgħu biss nimmaġinaw.

Min-natura stess tax-xogħol tagħha, is-CIA taħdem b’mod sigriet. Ma tarahiex. Ma tismagħhiex. Ma tħosshiex. Qisha kankru sieket li tintebaħ bih meta jkun tard wisq jew meta jkun diġà temm il-ħidma tiegħu biex jeqirdek. L-Amerika, li tilgħabha tal-gwardjan tal-libertà u l-ġustizzja fid-dinja, tuża s-CIA il-ħin kollu u kullimkien. Tassew, mingħajr is-CIA, l-Amerika ma tistax teżisti bħala dominazzjoni dinjija f’ebda qasam.

Għalkemm il-preżenza tas-CIA f’Malta mhuwiex magħruf bid-dettall (naturalment għax is-CIA hekk taħdem), nafu biċ-ċert li tissorveljana l-ħin kollu, forsi anki bil-kooperazzjoni ta’ xi awtoritajiet. Tissorvelja l-operat tal-gvern u tissorvelja wkoll nies u organizzazzjonijiet li tqishom ta’ riskju. Is-CIA hi periklu li qegħdin ngħixu miegħu kostantement.

Konklużjonijiet tal-waħx

Ir-Rapport Feinstein ma jitkellimx dwar l-operat kollu tas-CID (naturalment), iżda biss dwar il-metodi ta’ detenzjoni u interrogazzjoni li wżat bejn l-2001 u l-2006, speċifikament dwar l-użu sistematiku tat-tortura (ewfematikament imsejjaħ ‘enhanced interrogation’; interrogazzjoni miżjuda). Ir-Rapport laħaq għoxrin konklużjoni tal-waħx, li huma dawn (b’mod simplifikat):

  1. L-użu tat-tortura mis-CIA ma ħalliex rużultati effettivi għall-kisba ta’ informazzjoni preċiża jew għall-kooperazzjoni tad-detenuti.
  2. L-użu tat-tortura mis-CIA kien ibbażat fuq idea żbaljata dwar l-effettività tagħha.
  3. It-tortura wżata mis-CIA kienet brutali u ferm agħar milli s-CIA uriet lil osservaturi.
  4. Il-kundizzjonijiet li fihom inżammu l-ħabsin kienet ferm agħar milli s-CIA uriet lil osservaturi.
  5. Is-CIA repetittivament tat informazzjoni żbaljata dwar il-metodi interrogattivi tagħha lid-Dipartiment tal-Ġustizzja.
  6. Is-CIA attivament evitat jew rażżnet lill-Kungress Amerikan li jkun jaf kif qed isiru l-interrogazzjonijiet tagħha.
  7. Is-CIA effettivament rażżnet lill-President Amerikan jieħu deċiżjonijiet xierqa dwar detenzjoni u interrogazzjoni.
  8. Is-CIA ikkumplikat apposta it-tħaddim amministrattiv tal-interrogazzjonijiet u rażżnet aġenziji oħra governattivi milli jagħmlu xogħolhom.
  9. Is-CIA rażżnet milli l-qasam tagħha stess ta’ sorvelja jagħmel xogħolu.
  10. Is-CIA tat informazzjoni klassifikata lill-midja, inkluż informazzjoni żbaljata dwar l-użu tat-tortura u l-effettività tagħha.
  11. Is-CIA ma kinetx ippreparata biex tieħu r-responsabbiltà tad-detenzjoni tan-nies.
  12. Is-CIA ħaddmet din ir-responsabbiltà b’mod inkompetenti.
  13. Is-CIA ħaddmet il-metodi interrogattivi u t-tortura fuq l-istudji u l-pariri ta’ żewġ psikologi li ma kinux kompetenti għax-xogħol.
  14. Id-detenuti ġew imqiegħda għal tortura li ma kinetx approvata mid-Dipartiment tal-Ġustizzja u lanqas mill-Kwartieri Ġenerali tas-CIA stess.
  15. Is-CIA ħadu b’detenuti nies li ma kinux jikkwalifikaw għal din il-kategorija; u la żammew rekord eżatt ta’ kemm detenuti ħadu u lanqas kemm minnhom ġew ittorturati.
  16. Is-CIA baqgħet tuża t-tortura mingħajn ma għamlet evalwazzjoni xierqa tal-effettività tagħha.
  17. Is-CIA rari widdbet jew żammet b’responsabbli lil min wettaq attivitajiet mhux xierqa u nuqqasijiet serji kontra d-detenuti.
  18. Is-CIA warrbet u injorat għal kollox il-ħafna twissijiet u oġġezzjonjiet li rċeviet fuq l-użu tat-tortura.
  19. Id-detenzjoni abbużiva u t-tortura mis-CIA waqfu biss minħabba li nkixfu mill-midja u mhux minħabba xi raġuni oħra.
  20. Id-detenzjoni abbużiva u t-tortura mis-CIA għamlet ħafna ħsara lill-Istati Uniti tal-Amerika fid-dinja kollha u ġabulha telf finanzjarju sinifikanti.

Bla kliem

Dawn il-konklużjonijiet jitkellmu weħidhom fuq l-operat, id-detenzjonijiet arbitrarji u t-torturi tas-CIA. Li saru bejn l-2001 u l-2006 huwa żgur; li għadhom isiru llum ukoll f’diversi partijiet tad-dinja ma jistax ikun magħruf.

Bil-bidu ta’ sena ġdida, kulma nistgħu nittamaw hu li Alla jilliberana minn dawn in-nies perikolużi. U li jillibera wkoll lid-dinja kollha minn kull oppressjoni governattiva, gideb istituzzjonalizzat, ħabi ta’ inġustizzji u qerq ta’ min għandu s-setgħa u l-qawwa.

Sena tajba jalla ssib id-dinja kollha.


______________________

Ir-Rapport Feinstein tista’ ssibu hawn: http://www.theguardian.com/us-news/ng-interactive/2014/dec/09/-sp-torture-report-cia-senate-intelligence-committee






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?