Sunday, 1 February 2015

Appoġġ mhux theddid lil Tsipras

Il-gvern Malti għandu jagħti l-appoġġ kollu tiegħu u tal-poplu tagħna lill-gvern il-ġdid ta’ Alexis Tsipras fil-Greċja. Mhux jingħaqad mal-burokrati u t-teknokrati Ewropej biex jhedduh jew ibeżżgħuh bil-babaw. Il-gvern Malti, Laburista u Soċjalista li hu, għandu jkun sensittiv għall-karba u l-għajta ta’ poplu mgħattan mill-wikkiela u r-rgħiba li ġabuh għarkobbtejh.

X’politika barranija?

Huwa fatt ċert, għall-anqas fuq l-awtorità tal-London School of Economics (Manos Matsaganis u Chrysa Leventi), li l-awsterità li l-Unjoni Ewropea (UE) imponiet fuq il-Greċja kabbar il-faqar b’mod mifrux post il-poplu Grieg u kabbar l-inugwaljanza ekonomika b’mod sinfikanti. Fi kliem ieħor, ħallas il-poplu għall-qerq ta’ ħaddieħor, u l-UE ma ddejqitx issawtu għal ħtija li mhijiex tiegħu.

Malta, imqabbda mad-dublett tal-UE, issieħbet f’dan. Qablet mal-awsterità imposta waqt li anki għenet bi 181 miljun ewro biex tirriskatta d-dejn li għamlu l-finanziera u l-korrotti. Issa, li l-poplu Grieg fl-aħħar beżaq is-sunnara u ċaħad l-awsterità daqskemm id-dejn, pajjiżna (dejjem imqabbad mad-dublett tal-UE) qomos. Dawn qed jibżgħu li l-149 biljun ewro li sellfu lill-Greċja se jkollhom iroddulhom salib.

Imma l-kwestjoni mhijiex biss ta’ flus. Il-kwistjoni hija ta’ x’politika barranija qegħdin inħaddnu u nħaddmu. Liema valuri qegħdin jgħajxuha? Il-valuri neo-liberali ta’ aġenzija finanzjarja li m’għandha ebda sensittività għall-weġgħat tan-nies? Jew il-valuri soċjalisti u laburisti (u nsara, jekk trid) li jobogħdu l-faqar, jobogħdu l-inugwaljanza, jobogħdu l-għaks u jħobbu l-ġustizzja soċjali?

It-traġedja hi ...

Fl-ewwel 48 siegħa minn mindu kiseb il-mandat elettorali, Alexis Tsipras beda juri snienu. Minnufih rażżan l-iskemi kollha ta’ privatizzazzjoni. Reġa’ daħħal il-pensjonijiet. Reġa’ daħħal il-paga minima ta’ 751 ewro fix-xahar. Neħħa l-ħlasijiet fuq il-preskrizzjonijiet mediċi u l-użu tal-isptarijiet. Reġa’ stabbilixxa l-ftehimijiet kollettivi tal-impjieg. Reġa’ daħħal il-ħaddiema li kienu tkeċċew minn maċ-ċivil. Ta ċ-ċittadinanza lit-tfal tal-immigranti li twieldu u kibru fil-Greċja. Żamm il-ħlas tad-dejn li l-Greċja għandha tagħti lill-UE u ’l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

X’ma jifraħx bih il-poplu! X’ma toqmosx l-UE u l-FMI! Dawn, bħal kor fl-Infern ta’ Dante, b’leħen wieħed qalu lil Tsipras li ma jistax ikun li ma jħallasx id-dejn tal-Greċja; ma jistax ikun li jrażżan l-awsterità; ma jistax ikun li jifdi lis-seftura billi jaħqar lis-sinjura! L-ewwel ma ħasbu kien fil-but tagħhom infushom. F’li l-poplu se jkollu loqma ħobż żejda x’jiekol ma ħasbux. U lanqas iridu jaħsbu.

Iżda t-traġedja mhijiex din. It-traġedja hi li, meta lanqas kien għadu laħaq tħabbar ir-riżultat finali fil-Greċja din il-ġimgħa, l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Malti kienet: “Irridu flusna lura!” Minnufih, bħal fil-banda ta’ Indrì, daqq it-tromba tiegħu l-Ministru tal-Finanzi: “Il-Greċja ma tista’ ma tħallasx id-dejn li għandha ma’ Malta u mal-pajjiżi oħra taż-żonaewro”.

Mela nsejna?

Flok fraħna li l-Greċja għandha gvern li qed jaħseb f’ulied il-ħaddiema qabel f’min jaħkem fuqhom, flok l-ewwel bgħatna messaġġ qawwi ta’ appoġġ lil Tsipras u wrejna lilna nfusna disposti biex niddiskutu u ngħinuh ... le, x’għamilna? Saħħaħna l-għafsa mad-dubblett tal-UE u prattikament heddidnieh.

Hekk ngħinuhom lill-ħbieb? Sħabna x-xellugin hekk nappoġġjawhom? Mela nsejnieh Ġunju tal-1971? Insejna x’dirgħajn kien hemm bżonn, xi snien konna neħtieġu, xi qlubija ridna nuru f’dawk il-jiem u f’ta’ wara biex il-fqir minn Malta u Għawdex jispiċċa darba għal dejjem? Biex tallaba ma jkollna qatt aktar? Biex ikollna ftit aktar ugwaljanza f’dal-pajjiż? Dak in-nhar mhux theddid kellna bżonn (għalkemm theddid kien hemm kemm trid), iżda appoġġ u fehma u għajnuna.

Bħalma l-politika interna tagħna għandha tkun imnebbħa mill-ġustizzja soċjali (soċjalista, laburista, nisranija ... sejħilha li trid), hekk ukoll il-politika barranija tagħna.

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever