Id-distrazzjonijiet tal-ħajja

Il-biċċa l-kbira minna għandhom ħajjithom mimlija distrazzjonijiet. U mnalla kien hekk xi kultant. Għax inkella lanqas biss ikunu jafu x’se jaqbdu jagħmlu bihom infushom. Ftit mid-distrazzjonijiet jiswew il-ħin li naħlu fuqhom. Iżda għal xi wħud huma prezzjużi għax inessuhom mill-vojt u, xi kultant, l-uġigħ ta’ ħajjithom. Id-distrazzjonijiet huma għal bosta minna l-ħajja nnifisha.

Kollha għandna x’nagħmlu

Darba waħda mara qaltli li taħdem minn xogħol għal xogħol kuljum mingħajr waqfien. Meta staqsejtha għala, qaltli li tagħmel hekk biex ma taħsibx. Jekk taħseb, qaltli, tiġġennen. Żgur li ma kellhiex għalfejn taħdem daqs bagħal. Iżda x-xogħol żamm memorji koroh milli jinvadulha moħħha u jkabbru l-feriti li kienet iġġorr ġo fiha.

Aktarx dan kien eżempju esaġerat. Tassew. Iżda xi ftit jew wisq ħafna minna nintelqu għad-distrazzjonijiet—kemm jekk hu xogħol u kemm jekk affarijiet oħra—għax mingħajrhom il-ħajja ssir ħarxa wisq jew vojta wisq. Għaldaqstant, nimlew il-ħin. Infittxu elf miljun okkupazzoni flok ma nagħmlu xejn jew ninħlew fix-xejn.

Bosta minna jivvintaw li għandhom x’jagħmlu, li għandhom objettivi x’jilħqu, li huma impenjati. Jemmnu l-istħajjil tagħhom. Jagħtuh realtà li, apparti dik fantastika, m’għandhomx. Mingħajr distrazzjonijiet ħajjithom tiġi ma’ wiċċhom bħal waħda bla sens. Id-distrazzjonijiet huma illużjoni. Illużjoni komda. Bosta drabi, illużjoni meħtieġa u prezzjuża.

Skala ta’ ħtiġijiet

Id-distrazzjonijiet jiġu f’elf miljun għamla u sura. Xi wħud aċċettabbli soċjalment; oħrajn anqas. Xogħolijiet, trobbija ta’ ulied, okkupazzjonijiet, proġetti, impenji ... il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-‘ħtiġijiet’ huma biss stħajjil ta’ ħwejjeġ importanti u essenzjali. Meta fil-fatt mhumiex. Huma bosta drabi mezzi biex jimtela l-vojt ta’ ħafna ħin żejjed u inutli.

Jgħidu li hemm skala ta’ ħtiġijiet fil-ħajja. Tibda minn dak li hu assolutament meħtieġ għall-għajxien—bħall-ikel u x-xorb, ngħidu aħna—u tispiċċa f’ideali għolja ta’ twettiq personali. Tħejji dak li hu assolutament meħtieġ, il-b qija hu xi ftit jew wisq kollu invenzjoni ‘meħtieġa’ biex nissaportu l-ħin żejjed li jiġina waqt li, mingħajr ma rridu, nikbru.

Għaldaqstant, arana naħdmu u nistinkaw mingħajr waqfien biex l-hekk imsejħa ‘ħtiġijiet tal-ħajja’ nissodisfawhom mill-aħjar li nistgħu. Nikkonvinċu lilna nfusna li dan kollu hu ‘meħtieġ’; li mingħajr dawn l-affarijiet ħajjitna ssir bla sens; li ma nistgħux nieqfu ma nagħmlu xejn.

Ieqaf u iskot

Din hi kollha illużjoni. Il-biċċa l-kbira li ħafna minna jikkwalifikaw bħala ‘meħtieġ’ ma hu meħtieġ xejn. Il-biċċa l-kbira ta’ dak li ħafna minna jemmnu li huma ‘ħtiġijiet’ ma huma ħtiġijiet xejn. Huma ħwejjeġ li nivvintaw u inpaspru ... flok ma nagħmlu xejn. Għax, ukoll jekk bosta drabi ngħidu l-kontra, ħafna minnhom ma jafux ma jagħmlu xejn. Lanqas komdi magħhom infushom ma huma. Iridu bilfors jiddistrajixxu ruħhom u moħħhom biex jissaportu l-ħin tal-ġurnata u l-lejl.

Id-distrazzjonijiet mhumiex meħtieġa. Huwa faqar li bniedem irid bilfors iħarref id-distrazzjonijiet biex jimla ħajtu. Id-dipendenza ta’ bosta minna fuq id-distrazzjonijiet li jivvintaw hija bħal skjavitù kważi voluntarja. Dak li huwa tabilħaqq ‘meħtieġ’ huwa tassew ftit. Il-bqija hu ġiri wara r-riħ.

L-attiviżmu, l-okkupatiżmu u l-impenniżmu huma l-opji preferiti ta’ ħafna minna. Bosta drabi meħtieġa biss għal ħajjiet vojta li jsibu fil-freneżija s-sens mistħajjel tal-eżistenza tagħhom.

Il-biċċa l-kbira tagħna jeħtieġu biss li jisktu; li jieqfu jiġru u jtellqu; li ma jagħmlu xejn. Jeħtieġu biss li, forsi għall-ewwel darba fil-ħajja adulta tagħhom, iħarsu ... biex jaraw il-ġmiel li hu mogħti lilhom b’xejn.








Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?