Sunday, 22 March 2015

Dimech mogħti l-ġenb

Min ħa d-deċiżjoni biex il-monument ta’ Manwel Dimech jitneħħa miċ-ċentru ta’ Misraħ Kastilja? Ma’ min saret il-konsultazzoni? B’liema filosofija u għerf saret din il-bidla apparentement żgħira iżda bil-wisq sinifikanti? U fuq kollox: Għandna noqogħdu għaliha?

Konsultazzjoni ma’ ħadd

Li kieku ma kinetx Daphne Caruana Galizia ħadd ma kien ikun jaf bil-pjanijiet li kienu saru minn wara dahar kulħadd biex Misraħ Kastilja titwitta mill-ġdid u biex il-monument ta’ Dimech jitneħħa min-nofs. Kulma kellu xi jgħid Mario Cutajar fit-2 ta’ Marzu kien li “l-monument ta’ Dimech kien se jitressaq fil-ġenb, eqreb lejn il-Kavallier ta’ San Ġwann”.

Ġimgħa biss wara, b’sorpriża ta’ kulħadd, il-misraħ beda jiġi attakkat mill-magni. L-għada li kien beda x-xogħol, fl-10 tax-xahar, il-monument ta’ Dimech tneħħa mingħajr ħadd ma jaf fejn ittieħed jew fejn se jiġi mqiegħed mill-ġdid. Għalkemm id-disinnji ġew ippubblikati, ma hu ċar xejn fejn se jkun il-monument ta’ Dimech.

Konsultazzjoni dwar dan ma saret ma’ ħadd. Ingħad biss li l-misraħ kien qed jiġi mwitti għal-Laqgħa tal-Kapi tal-Istat tal-Commonwealth f’Novembru li ġej u lkoll bqajna b’hekk. Id-deċiżjoni ttieħdet f’xi uffiċċju xi mkien mingħajr id-deċenza li l-pubbliku jiġi informat b’dak li kien qed jitħawwar.

Ebda skruplu

L-agħar ħaġa hi li l-gvern Laburista ma skrupla xejn li jikkonfoffa biex iqiegħed lil Dimech fil-ġenb. Mid-dehra, lanqas biss waqagħlu f’rasu s-simboliżmu krudil ta’ azzjoni bħal din. Dak li m’għamlux in-Nazzjonalisti f’ħamsa u għoxrin sena (u ppruvaw, tafx), se jagħmlu gvern Laburista.

Dan hu l-ewwel pass biex il-monument ta’ Dimech jitneħħa għal kollox minn Misraħ Kastilja. Jekk, kif jidher li hi l-intenzjoni tal-gvern, il-misraħ jiġi qisu Pjazza San Pietru bl-istatwi tal-Prim Ministri mad-dawra kollha, allura dik ta’ Dimech se tkun l-eċċezzjoni — għax, għall-grazzja t’Alla, Prim Ministru ma kienx.

Iżda n-nuqqas ta’ skruplu u riflessjoni f’din il-biċċa tiksef in-nuqqas ta’ apprezzament għall-figura ta’ Dimech. Jekk forsi dan seta’ jingħad għan-Nazzjonalisti, żgur li suppost ma kellux jingħad għal-Laburisti u s-suppost Xellugin. Li tixħet lil Dimech fil-ġenb, mhux biss huwa insult lil Dimech, iżda huwa xhieda ta’ injoranza storika u ideoloġika.

Simboliżmu atroċi

Jekk mhux hekk, allura hija mossa konxja għat-twarrib ta’ dak li kien u li għadu jirrappreżenta; kważi ċaħda tal-prinċipji filosofiċi tiegħu; dikjarazzjoni kontraposta għall-pożizzjonijiet politiċi u etiċi tiegħu. Din, għaldaqstant, mhijiex sempliċiment kwestjoni ta’ monument li jingħata l-ġenb, iżda ħafna aktar minn hekk. Hija nuqqas kbir ta’ umiltà quddiem figura ġiganteska ta’ dimensjonijiet superjuri.

Kien għalhekk li t-titlu ta’ dawn il-kelmtejn slifthom mingħand ħabibi Charles Miceli. Għax ħassejt li dak li kiteb il-Ħadd li għadda, u l-mod kif semma l-kitba tiegħu, laqgħat il-musmar fuq rasu. Il-ġenb mogħti lill-monument ta’ Dimech u l-ġenb mogħti lil Dimech innifsu. Hu l-ġenb mogħti lill-ideali tiegħu; lill-integrità politika tiegħu; lill-għażliet ideoloġiċi tiegħu; lill-poplu ż-żgħir li Dimech jirrappreżenta.

Dan huwa ħasra u żball kbir. Is-simboliżmu tiegħu hu atroċi. Il-bruda li biha qiegħed isir hu xokkanti. L-att innifsu hu insolenti.

Pjanijiet ġodda

Bla tlaqliq ngħid li l-monument ta’ Dimech għandu jibqa’ f’Misraħ Kastilja u għandu jibqa’ fin-nofs. La għandu jiqiegħed f’xi post ieħor u lanqas m’għandu jitqiegħed fil-ġenb. Il-monument ħallas għalih il-poplu u l-għażla li jsir f’nofs Misraħ Kastilja saret bi ftehim ma’ min ħa ħsieb jiġbor għalih u jwaqqfu.

Il-gvern hu biss kustodju tal-monument u narax kif għandu l-jedd li jaqbad u jiddeċiedi waħdu u minn wara dahar kulħadd li jneħħih minn nofs il-misraħ. Wisq u wisq aktar mingħajr konsultazzjoni ma’ ħadd. Dan l-att la kien parti minn xi mandat mogħti lill-gvern u lanqas qatt ma saret xi referenza għalih xi darba.

Huwa att abbużiv li għandu jiġi retifikat minnufih. Jitwaqqaf ix-xogħol. Jitpinġew pjani ġodda. Isir xi jsir, il-monument ta’ Dimech għandu jibqa’ f’nofs Misraħ Kastilja, fejn kien s’issa.

Fejn jixraqlu.





No comments:

Post a Comment