Gvern ċivili


Għaddew sentejn mill-elezzjoni tal-gvern Laburista l-ġdid immexxi minn Joseph Muscat u l-‘logħba’ politika ġiet ittrasformata għal kollox. Inbidlu l-protagonisti ta’ qabel u magħhom inbidel il-mod ta’ kif issir il-politika f’dan il-pajjiż. Illum, b’ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja, bil-kemm għadhom jeżistu l-adattazzjonijiet skomdi li kienu mmarkaw il-ħidma politika fil-ħamsin sena ta’ qabel.

Era ġdida

Din il-ġimgħa, il-partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat għalaq sentejn fil-gvern. Kienu sentejn li fihom l-ekonomija kompliet tkun stabbli, il-qagħda soċjali paċifika u r-relazzjonijiet politiċi kalmi. Dan kien għal kollox differenti mill-gvernijiet Laburisti kollha ta’ qabel, kemm ta’ Mintoff, kemm ta’ Mifsud Bonni u kemm ta’ Sant.

Dan ma kienx biss grazzi għall-istil ġdid ta’ tmexxija ta’ Muscat, iżda wkoll għall-istil ġdid ta’ oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil, stil differenti għal kollox minn dak ta’ Fenech Adami u Gonzi. Iż-żewġ naħat, kemm Laburista u kemm Nazzjonalista, flimkien irnexxielhom isibu bilanċ ġdid sinfikattivament nieqes mill-konfrontazzjoni vjolenti u l-pika inneċessarja.

Forsi l-aktar mutur kruċjali f’dan kollu kien Muscat, iżda mhux mingħajr ir-rispons pożittiv ta’ Busuttil. It-taqtigħ ta’ qabel, aktarx dovut l-aktar għall-adattazzjoni gradwali u progressiva tal-istituzzjonijiet għall-qagħda l-ġdida ta’ Malta fil-fasla politika tat-tieni nofs tas-seklu 20, tista’ tgħid intemm għal kollox. B’Muscat, infatti, tidher li bdiet era ġdida fil-politika Maltija li qatt ma konna nafuha qabel.

Mudell ta’ erbħin sena

Mintoff ġab revoluzzjoni kulturali u istituzzjonali li fl-istorja ma kellhiex preċedenti għajr forsi wieħed biss: dak ta’ Napuljun. L-iskopijiet ewlenin ta’ Mintoff jidher li kienu tnejn: wieħed, li jseddaq il-ġid tal-pajjiż billi, mingħajr ma biddel is-sistema ekonomika b’mod fundamentali, għarram l-għejjun finanzjarji li kienu diżorganizzati u sparpaljati, u wkoll billi sfrutta l-opportunijiet mitlufa għat-tkabbir tal-ġid. (Borg Olivier la kien jaf jagħmel il-waħda u lanqas l-oħra.) It-tieni, li jqassam il-ġid b’mod aktar ekwu.

Din ir-revoluzzjoni qajmet reazzjoni opposta, rappreżentata l-aktar minn Fenech Adami, li l-iskop ewlieni tagħha jidher li kien li ġġib bilanċ fl-eċċessjonijiet neċessarji fil-metodi ta’ Mintoff. Kienet reazzjoni qawwija u bellikuża daqs l-azzjoni li wellditha. Gonzi dan ma bidlux, bħalma lanqas ma Mifsud Bonnici varja wisq mill-istil ta’ Mintoff. Sant ipprova, iżda bl-istil ta' oppożizzjoni li ffaċċja, ma rnexxielu jibdel xejn.

B’hekk, mill-1971 sal-2013, għal erbgħin sena sħaħ, il-mudell tal-‘logħba’ politika kienet strutturalment l-istess waħda: dik imsawra minn Mintoff. Fl-2013 dan kollu nbidel. F’din is-sena, Joseph Muscat sar Prim Ministru u Simon Busuttil kap tal-Partit Nazzjonalista; it-tnejn parti minn ġenerazzjoni ġdida li ħaddmu fi ħdan mudell ġdid li storikament ma kellux għalfejn jintagħġen fuq dak li kien hemm.

Frott siġra għaqlija

Dan il-mudell ġdid jista’ jidher aktar ‘ċivili’ minn dak ta’ qabel. U tassew hekk hu. Huwa nieqes mill-konfrontazzjoni salvaġġa. Nieqes minn trawmi qawwija. Nieqes minn attitudnijiet bellikużi. Nieqes minn kuntrasti bi xfar jaqtgħu. Ċertament nieqes mill-vjolenza.

Mhuwiex neċessarjament mudell ‘aħjar’ minn ta’ qablu. Żgur li huwa differenti. Il-mudell ta’ qabel, bl-eċċessjonijiet tiegħu, aktarx kien meħtieġ fiċ-ċirkustanzi. L-għeruq ferm qawwija u mqabbda tal-istruttura ekonomika ta’ qabel, li biha l-ġid la kien imgħarram u wisq anqas imqassam tajjeb, ma setgħux jinqalgħu mingħajr forza b’saħħitha u felħana.

Iżda la darba nqalgħu, u twittiet l-art imħarbta sabiex is-siġra l-ġdida tikber u tizhar, dak il-mudell metodoloġiku—ovvjament—ma kienx meħtieġ aktar. Kien qeda dmiru tajjeb u issa seta’—anzi, kellu—jitwarrab. U twarrab tabilħaqq.

Dawn l-aħħar sentejn ‘ċivili’, b’Muscat Prim Ministru u Busuttil kap tal-oppożizzjoni, huma xhieda ta’ dan. Huwa żmien li fih qegħdin naqtgħu l-frott mis-siġra li bdiet tinżera’ fl-1971; frott ta’ siġra għaqlija.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?