Sunday, 8 March 2015

Xi kruha!

Kif din il-ġimgħa ntweraw l-ewwel ritratti tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-ġdida fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-Internet infaqa’ bil-kummenti. Kieku kien hemm wieħed jew waħda li għoġbithom! L-agħar hu li l-Kamra l-ġdida tidher qisha knisja. Bl-artal u l-kurċifiss b’kollox. Bid-differenza li hi waħda mill-aktar knejjes koroh fil-gżejjer Maltin.

Għamla ta’ knisja

Id-disinn tal-Kamra l-ġdida hu mill-aktar insipidu. Lewn b’ton wieħed ta’ njam, b’bankijiet qishom ta’ skola primarja li m’għandhiex ħlief xfar dritti u ħorox. Tarahom ukoll tweġġa’! Il-monotonija tad-disinn hi palpabbli. Tħossha tolqtok bħal daqqa ta’ ponn. Din l-ogħla istituzzjoni tal-leġislatura hi mnebbħa minn nuqqas ta’ imaġinazzjoni, avventura u dinjità.

Agħar minn hekk, il-qagħda tal-bankijiet tan-nuna jippresupponu li l-Kamra dejjem se jkollha ġo fiha żewġ partiti. Fejn se joqogħdu l-membri tat-tielet partit, jekk qatt jitilgħu fil-parlament? M’hemmx post għalihom u d-disinn tal-Kamra l-ġdida jgħid proprju hekk. Huwa disinn tribali u bi-partitistiku li jinsulta l-proċess demokratiku.

Id-disinn jixbah il-pjan ta’ knisja, bħal dak li għamel Renzo Piano stess għall-kappella ta’ Dun Ġorġ fi Blata l-Bajda. Bil-mejda tal-ispiker qisha artal kbir u bil-kurċifiss warajh, wieħed kulma jkun jonqsu huwa li jinxteħel għarkobbtejn jagħmel adorazzzjoni! Forsi dan hu l-punt, wara kollox: li l-Kamra tar-Rappreżentanti hija knisja oħra; l-għelm aħħari tad-desagralizzazzjoni f’pajjiżna li ilu ġej, għat-tajjeb jew għall-ħażin, mill-anqas sa minn nofs is-snin ħamsin.

Il-burokrazija fiċ-ċentru

Meta Mintoff fetaħ il-Kamra tar-Rappreżentanti attwali fit-13 ta’ Awwissu tal-1976, il-post u d-dehra tiegħu ppoġettaw xbieha tad-dinjità ġdida li pajjiżna kien kiseb, mhux biss bl-Indipendenza, iżda wkoll bir-Repubblika. Il-Kamra, iddisinjata biex iżżomm membri ta’ żewġ partiti, ma kinetx tistona fil-klima politika ta’ dak iż-żmien.

Dik il-Kamra, tant eleganti u armonjuża, tagħtik mill-ewwel kunċett tal-użu tagħha u, fuq kollox, tal-funzjoni tagħha fil-qasam tal-istrutturi statali. Id-dehra tagħha kienet għal kollox lajka, indikazzjoni tar-rwol tagħha, iżda wkoll imqabbla sewwa fl-iskala ta’ lwien u kuntrasti li tħaddan. Kienet ukoll espressjoni moderna ta’ Stat modern.

Din il-Kamra l-ġdida, imqiegħda kif inhi bħallikieku ġo ħofra, tagħtik l-impressjoni li hi arena ta’ fejn iġelldu s-sriedak jew il-klieb. Iċ-ċentru tagħha mhijiex id-dibattitu, iżda mejda li apparentement se tintuża minn xi iskrivani. Ċjoè, il-burokrazija hi ċ-ċentru u d-deputati tal-poplu, imqassmin madwarha, qishom qegħdin hemm biex iservu lilha.

Bidla trawmatika

Jien diġà qatt ma fhimt għala l-Kamra tar-Rappreżentanti kellu għalfejn jinbidlilha postha. Qatt ma fhimt għala spazju miftuħ, tant prezzjuż fil-Belt Valletta (u kullimkien), kellu jiġu mimli bil-bini. Qatt ma fhimt għala l-gvern kellu jidħol għal nefqa ta’ eluf, jekk mhux miljuni, ta’ ewro għalxejn jew għall-kapriċċ.

Iżda li, flok ma d-disinn il-ġdid tal-Kamra jirrifletti filosofija politika aġġornata u kontemporanja, jagħmel pass sinifikanti lura minn dak li kellna qabel, dan hu l-aktar misterjuż għalija. Naturalment, ilkoll nafu li ma kienx dan il-gvern preżenti li twebbel b’din il-qassata. Imma kien hu li kompliha u kien hu li se jwettaqha. Naħseb dan ma jirriflettix tajjeb fuqu. Se jħallas għad-dnub ta’ ħaddieħor.

Kien pjaċir tħares lejn dik il-Kamra tal-Perit Mintoff daqskemm hi għafsa ta’ qalb tħares lejn din. Iżda aktarx hemm aktar minn hekk. Hemm li l-bidla minn dik għal din se tkun bħal qtugħ minn xi ħaġa li fl-imgħoddi għamlitilna tant unur; qtugħ minn ma’ opra arkitettonika (inkluż bid-dħul majestuż tagħha) li, mhux biss iġġib tant u tant tifkiriet għeżież, iżda li simbolikament kienet wirt politiku li għamel dan in-nazzjon dak li hu.

B’din il-bidla, biċċa oħra mill-opra ta’ Mintoff se tiġi maqtula. Hekk riedu l-għedewwa tiegħu u hekk se jagħmlu dawk li jissejħu ħbiebu.


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever