Armata militari ġdida

Tliet ġimgħat ilu, ġrat ħaġa li aktarx ma ngħatatx l-attenzjoni li tabilħaqq jixirqilha; ġrajja ta’ sinfikat konsiderevoli li jista’ jkollha effetti kbar ’il quddiem. Hija d-deċiżjoni li titwaqqaf armata militari ġdida: l-armata tat-22 pajjiż tal-Lega Għarbija. Qatt qabel ma ġie deċiż li titwaqqaf armata bħal din. L-impatt tagħha jista’ jbiddel għal dejjem il-‘logħba’ politika tad-dinja.

Deċiżjoni storika

Id-deċiżjoni ttieħdet lejn tmiem l-10 Laqgħa Għolja ta’ Emerġenza bejn il-mexxejja Għarab fil-belt ta’ Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, fid-29 ta’ Marzu li għadda. Il-pajjiżi msieħba fil-Lega Għarbija jgħoddu bejniethom aktar minn 356 miljun ruħ.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Al-Arabiya, id-dettalji dwar kif se tiġi msawra din l-armata giġanteska u kif se tiġi ffinanzjata għandhom jinħaddmu fil-xhur li ġejjin. L-iskop ewlieni tal-armata għandu jkun li tħares lill-pajjiżi msieħba mit-theddid ta’ sigurtà fit-territorji tagħhom. Kulma hu magħruf s’issa hu li s-suldati tal-armata jieħdu sehem fiha b’mod voluntarju (jiġifieri mhux b’xi lieva).

Id-deċiżjoni storika ttieħdet unanimament mill-pajjiżi kollha tal-Lega Għarbija (għajr is-Sirja, li bħalissa hi sospiża), li lkoll intrabtu li jagħtu sehemhom għat-twaqqif u ż-żamma tal-armata l-ġdida b’nies, flus u armamenti. Bħalissa koalizzjoni militari ta’ għaxar pajjiżi tal-Lega, immexxija mis-Saudi Arabja, qed tagħmel attakki mill-ajru kontra r-ribelli fil-Jemen.

Potenzjal qawwi

L-aġenzija tal-aħbarijiet ta’ Abu Dhabi ħabbret li l-armata l-ġdida se jkollha mal-40,000 suldat imħarreġ fuq bażi permanenti (id-doppju tan-NATO), kif ukoll ajruplani militari, vapuri navali u truppi b’armaturi ħfief. Għalkemm qawwa bħal din lanqas biss tibda ma’ ħafna armati oħra fid-dinja (kemm nazzjonali u wisq aktar magħquda), il-potenzjal tal-qawwa tagħha huwa enormi meta wieħed iqis is-saħħa militari tal-pajjiżi msieħba fil-Lega Għarbija.

Barra minn hekk, jekk din l-armata jirnexxielha tikber u tissaħħaħ, xejn ma jżomm lill-pajjiżi tal-Lega jirtiraw is-sħubija tagħhom f’operazzjonijiet ta’ armati oħrajn, inkluż in-NATO, biex jibqgħu fiha biss. L-istess, xejn ma jżomm li l-iskopijiet oriġinali tal-armata l-ġdida jitwessgħu biex jibdew jinkludu objettivi li għalissa huma esklużi.

Għalissa, l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina u r-Russja qegħdin juru ruħhom favorevoli għat-twaqqif tal-armata l-ġdida, anki għaliex ma jidhirx li jemmnu li, meta tiġi għall-fatti, l-armata tista’ toffrilhom xi theddida reali. L-armata l-ġdida se tkun dejjem suxxettibbli għall-politika tal-pajjiżi tal-Lega, u dan hu maħsub li jista’ jgħajjifha bħala qawwa magħquda.

Mument definittiv

Minkejja dan, jibqa’ l-fatt li ħaġa bħal din—fejn l-akbar pajjiżi Għarab jingħaqdu biex isawru armata komuni permanenti—qatt ma seħħet qabel. Għalkemm fl-imgħoddi saru diversi tentattivi simili, kienu biss iċ-ċirkustanzi ġodda prekarji tal-preżent li wasslu għal pass deċiżiv bħal dan. Iżda dak li aktarx jitqies bħala att iddisprat min-naħa tal-pajjiżi tal-Lega, speċjalment kontra t-theddid tal-ISIS, jista’ jiżviluppa f’qawwa ġdida li jwassal għal ri-organizzazzjoni tal-blokok u l-influwenzi militari tal-lum.

Il-pass hu ċertament wieħed mingħajr preċedenti. Mhux biss juri l-fiduċja fihom infushom li l-pajjiżi Għarab qegħdin irabbu b’mod kollettiv—ħaġa diġà ġdida fiha nnifisha—iżda wkoll l-isfiduċja li dejjem qegħdin ikabbru f’qawwiet militari barranin il-pajjiżi Għarab – ħaġa li ilha tiġri sa mill-attakk fuq il-Libja fl-2011.

Għalkemm għadu ma jistax jingħad kemm din l-armati militari ġdida se jkollha suċċess b’mod totali, jista’ jkun li anki s-suċċess parzjali jġib bidla konsiderevoli fil-fasla tal-qawwiet li jeżistu bħalissa. Fi ftit xhur jew snin oħra, din il-bidla tista’ ssir mument definittiv fl-istorja tal-Għarab.

Minn issa ’l quddiem, ir-regoli tal-logħba jistgħu jinbidlu b’mod kruċjali.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?