Diżarm?

Ħafna minna jgħixu taħt l-illużjoni li żmienna hu wieħed ta’ diżarm. Speċjalment wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin u d-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Sovjetika. Iżda din l-illużjoni hi giddieba daqskemm qarrieqa. Forsi ntemm dak iż-żmien meta l-armamenti militari u l-mezzi ta’ qerda tal-massa kienu f’idejn żewġ blokok biss—il-pajjiżi tan-NATO u tal-Patt ta’ Varsavja—imma l-armamenti ma naqsux. Wisq anqas intemmu. Illum qegħdin ngħixu fi żmien meta rġajna qegħdin naraw bosta pajjiżi jerġgħu jarmaw sa snienhom is-setgħa distruttiva tagħhom.

L-akbar xerrejja

Wieħed mill-aħħar pajjiżi li beda jitqies parti mill-grupp tal-akbar qawwiet militari fid-dinja aktarx ma nistennewhx jieħu din il-pożizzjoni. Huwa l-Awstralja. Pajjiż li ftit minna jaħsbu fih bħala pajjiż ta’ gwerra jew xi pajjiż b’intenzjonijiet militari jew ambizzjonijiet ta’ qerda.

Jekk jaħsbu hekk, allura iridu jerġgħu jirrevedu l-ħsieb tagħhom. Informazzjoni mxandra f’Marzu li għadda mill-Istitut Internazzjonali ta’ Stokkolma għar-Riċerka dwar il-Paċi (SIPRI) turi li l-Awstralja issa saret is-sitt l-akbar importatur ta’ armi fid-dinja. Bejn l-2010 u l-2014 hija żiedet l-akkwisti militareski tagħha b’65% fuq l-erba’ snin ta’ qabel.

Naturalment, dan ma sarx b’kunbinazzjoni. Sar b’politika appożitament intenzjonata li żżid il-qawwa militari tagħha bi flotta aqwa ta’ ġettijiet għall-ġlied, submarini, fregati u karrijiet armati. Iż-żieda ġiet b’riżultat dirett u immedjat tat-tkabbir fin-nefqa għall-armamenti tul l-aħħar sena finanzjarja governattiva. Din in-nefqa hija l-ogħla waħda f’dawn l-aħħar seba’ snin. Tlaħħaq is-somma spettakulari ta’ 13.8 billjun dollaru (madwar 12.6 billjun ewro).

L-akbar bejjiegħa

U t-tinfiq tal-Awstralja għal dan l-iskop mistenni jibqa’ jiżdied. Skont SIPRI, l-Awstralja għad fadlilha ħafna biex tilħaq l-akbar importatur tal-armamenti fid-dinja, li hu l-Indja. Filwaqt li s-sehem dinji tal-Awstralja fix-xiri tal-armamenti huwa ta’ 4% (wara s-Sawdi Arabja, iċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea u l-Pakistan), is-sehem tal-Indja huwa ta’ 15%. Wara dawn kollha hemm it-Turkija, l-Amerika, il-Korea t’Isfel u Singapor (kollha bi 3% tas-sehem).

Diżgrazzjatament, dan jurina li l-bini l-aktar mgħaġġel u qawwi tal-armamenti qiegħed isir prattikament fil-kontinenti kollha.

Minn fejn jinxtraw dawn l-armamenti? Skont l-istess istitut internazzjonali SIPRI, l-akbar esportatur tal-armamenti fid-dinja hija l-Istati Uniti tal-Amerika (x’sorpriża!). Il-pajjiżi l-oħrajn huma (f’din l-ordni): ir-Russja, il-Ġermanja, Franza, iċ-Ċina, ir-Renju Unit, l-Italja, Israel, l-Iżvezja u l-Ukrajna.

Minkejja li xi wħud minn dawn il-pajjiżi huma l-aktar li jiftħu ħalqhom biex jippriedkaw il-paċi fid-dinja, dawn l-għaxra huma l-akbar bejjiegħa tal-armamenti fid-dinja: minn armi żgħar sa l-aktar magni sofistikati tal-gwerra.

L-aktar perikolużi

Bejn dawk il-pajjiżi li l-aktar ibigħu armamenti fid-dinja u bejn dawk li l-aktar jixtru, wieħed jista’ joħroġ b’stampa xi ftit jew wisq ċara ta’ liema huma l-pajjiżi potenzjalment l-aktar perikolużi u distruttivi tad-dinja. Dawn huma l-pajjiżi li, minkejja li jingħad li ntemmet il-Gwerra l-Bierda, xorta waħda għadhom iħaddnu l-filosofija l-antika li ‘jekk trid il-paċi, arma għall-gwerra’.

Għaldaqstant, wieħed ma jistagħġibx li xi wħud minn dawn il-pajjiżi huma fost dawk li l-aktar għandhom bombi nukleari għad-dispożizzjoni tagħhom. Skont l-istess istitut SIPRI, il-pajjiżi li l-aktar għandhom bombi bħal dawn huma (f’din l-ordni): ir-Russja (bi 8,000 bomba nukleari), l-Istati Uniti tal-Amerika (b’7,300), Franza (300), iċ-Ċina (250), ir-Renju Unit (225), il-Pakistan (110), l-Indja (100), Israel (80), il-Korea ta’ Fuq (7).

B’kollox, hawn fid-dinja mas-16,350 bomba nukleari lesta biex tintuża. Bejniethom, dawn jistgħu jtajru minn wiċċ id-dinja kull biċċa ta’ art li teżisti, aħseb u wara l-ħajja nnifisha.

L-Awstralja

Għalkemm l-Awstralja għadha ma waslitx biex remotement issib ruħha fost l-aktar pajjiżi b’saħħithom jew potenzjament distruttivi tad-dinja, xorta waħda l-aspirazzjonijiet militaristiċi tagħha kibru lil hinn minn kull stennija. Il-ħasra hi li dan kien wieħed mill-pajjiż meqjuż l-aktar paċifiċi fid-dinja.

Dan jurina li, mhux biss il-ġirja għat-tkabbir tal-armamenti ma spiċċatx, iżda donnha reġgħet bdiet tiżdied.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?