Ħelsien ‘minn ġewwa’

Fil-filosofija politika spiss tiġi diskussa l-preċedenza ta’ għamliet differenti ta’ ħelsien: personali, kollettiv, politiku, ekonomiku u l-bqija. Imma mistoqsija persistenti tikkonċerna l-pre-rekwiżiti tal-ħelsien; ta’ kull ħelsien. Jiġifieri: Biex wieħed jew uħud ikunu ħielsa x’inhu li jrid ikollhom? Biex inpoġġiha aktar sempliċi, il-mistoqsija tista’ tieħu din is-sura: X’jiġi l-ewwel, il-ħelsien ‘minn barra’ jew il-ħelsien ‘minn ġewwa’? Jew aħjar: Jista’ bniedem ikun ħieles politikament jew ekonomikament (‘minn barra’, biex ngħidu hekk) qabel ma jkun ħieles mentalment (‘minn ġewwa’)?

Ħelsien mentali

Meta ngħid ‘ħelsien minn ġewwa’ nifhem li bniedem ikun kiseb qtugħ mentali minn dawk l-influwenzi u interpretazzjoni li jżommuh imjassar jew dipendenti ta’ ħaddieħor. B’ħelsien bħal dan, bniedem jiddefinixxi hu stess min hu, x’jikkostitwixxi l-ferħ tiegħu u x’ġejjieni jrid ikollu.

Dan il-ħelsien mentali mhuwiex maqtugħ mill-ħelsien affettiv. Il-bniedem iħobb jew jorbot qalbu ma’ dak li jissuġġerilu moħħu. Meta l-moħħ jinqata’ minn influwenzi li jassruh, dan iġib bidla fl-affezzjonijiet tal-bniedem. L-oġġett tal-imħabbiet tiegħu jinbidel u qalbu tibda tintrabat ma’ nies u affarijiet differenti skont l-istat ġdid mentali tiegħu.

Il-moħħ u l-affett jimxu flimkien, jissussidjaw lil xulxin, jissupplixxu lil xulxin u flimkien isawru l-personalità ta’ bniedem. Ibdel il-moħħ u jinbidel l-affett; ibdel l-affett u bniedem jibda jħares lejh innifsu u lejn dak kollu ta’ madwaru b’għajnejn differenti, b’imħabba differenti u b’sentimenti differenti.

Il-bidla sseħħ

Għal xi wħud, bniedem ma jistax jimpenja ruħu f’xi transformazzjoni soċjali jew f’xi bidla politika jew ekonomika mingħajr ħelsien mentali/affettiv bħal dan. Dawn isostnu li, b’dan il-mod, il-bidla soċjali tibda ‘minn ġewwa’, li mbagħad tfur ‘fuq barra’, lejn l-istrutturi ekonomiċi u politiċi ta’ jasar. L-ewwel waħda, imbagħad l-oħra. Biex ngħid hekk, l-ewwel titħarrek il-qalb, imbagħad jimxu r-riġlejn.

Iżda għal xi wħud oħrajn, l-affarijiet mhux dejjem jinbidlu b’dan il-mod, għall-anqas mhux għal kulħadd. Xi wħud, iva, jgħaddu minn dan il-proċess ‘intern’. Iżda xi wħud le. L-ewwel mod aktarx jgħaddu minnu nies li jibdew il-bidla; li jinstigawha; li jwebbluha fl-oħrajn. It-tieni mod aktarx hu l-proċess tal-massa; ta’ dawk li jitnebbħu għall-bidla minn min ikun diġà bdieha; li jilmħu fil-kundizzjonijiet mibdula stimolu għall-bidla mentali/affettiv tagħhom u jsegwuh.

Għaldaqstant, il-bidu nett tal-bidla soċjali, ekonomika jew politika tiġi minn individwu jew individwi li b’xi mod iġarrbu transformazzjoni mentali/affettiv personali. Wara, inebbħuh fl-oħrajn billi jedukawhom politikament jew iħajruhom jieħdu sehem minn struttura politika u ekonomika ġdida.

Eħles moħħok!

Marx, Gandhi u Martin Luther King, ngħidu aħna, jew (fil-kuntest lokali) Vassalli, Dimech u Mintoff, kollha kienu għaddew minn proċess personali ta’ bidla mentali/affettiva qabel ma bdew jipproponu l-viżjoni ġdida tagħhom. Dawn kollha, b’modi u għal raġunijiet differenti, kienu instigaturi u nebbieħa ta’ bidla f’ħaddieħor, li tnebbaħ mill-imħabbiet tagħhom u ssieħeb fil-proġetti tagħhom għat-transformazzjoni soċjali, politika u ekonomika.

F’kull każ, il-bidla bdiet ‘minn ġewwa’—għall-anqas fejn għandu x’jaqsam mal-pijunieri—imbagħad kompliet ‘fuq barra’, fost il-mases. Wara, meta t-transformazzjoni soċjali, politiku u ekonomika kienet bdiet titwettaq, għall-anqas parzjalment, aktar nies issieħbu fiha billi ħallewha tibdlilhom moħħhom u qalbhom.

Filwaqt li fl-ewwel fażi ta’ dan il-proċess, il-bidla ‘minn ġewwa’ ġiet l-ewwel, fit-tieni fażi ġiet l-ewwel il-bidla ‘minn barra’, imbagħad ‘minn ġewwa’. F’kull każ, iżda, il-bidla ‘minn ġewwa’ hija l-aktar fundamentali u essenzjali għal kull bidla oħra.

Fi ftit kliem, eħles moħħok! U d-dinja tiegħek tinbidel.






Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?