IL-KIBXA TAL-QRATI

Jaħasra, nibqa’ niltaqa’ ma’ nies li jgergru għaliex mhumiex qegħdin jieħdu ġustizzja mill-qrati! Igergru li dan u dak gidbu taħt ġurament! Li dan l-avukat jew l-ieħor ġab il-boċċa qrib il-likk kif ried u kif għoġbu! Li l-pulizija gerfxu kemm felħu!

Jaħasra, mitqlu deheb jiswa l-għajdut tal-Malti li jgħid: ‘Tidħolx il-qorti jekk għandek raġun!’ Tabilħaqq. Mhux għax il-maġistrati u l-imħallfin ibażwru kif ifettlilhom. Mhux għax l-avukati jagħmlu biss għal bwiethom. Mhux għax il-pulizija għandhom moħħhom ħafif. Mhux għax in-nies qarrieqa. Mhux għal dawn ir-raġunijiet, ukoll jekk xi kultant ikunu minnhom, jiddiżappuntaw il-qrati. Il-qrati jiddiżappuntaw għaliex il-biċċa l-kbira tan-nies jibqgħu jippretendu li jiksbu mingħandhom dak li l-qrati ma jistgħux jagħtu.

Ifhem dan u daħħlu f’moħħok darba għal dejjem: il-proċess ġudizzjarju tal-qrati m’għandu xejn x’jaqsam ma’ ġustizzja; m’għandu xejn x’jaqsam mal-verità; m’għandu xejn x’jaqsam ma’ min għandu raġun. Il-proċess ġudizzjarju tal-qrati għandu x’jaqsam biss mal-liġi. Xejn aktar.

In-nies għandhom raġun jitfixklu. Mal-koxox ta’ bieb il-qorti l-Belt hemm żewġ plakki. Waħda bl-Ingliż u l-oħra bil-Malti. Suppost huma traduzzjoni ta’ xulxin. Imma mhuwiex hekk. Il-plakka bl-Ingliż tgħid: ‘Courts of Law’. Mentri dik bil-Malti tgħid: ‘Qrati tal-Ġustizzja’. Iż-żewġ plakki ma jgħidux l-istess ħaġa. Tal-Ingliż hi preċiża; tal-Malti le. In-nies jitħawdu għax jaħsbu li ‘Law’ tista’ toqgħod għal ‘Ġustizzja’. Iżda ma hu hekk xejn.

Ħa ngħidlek għala. Għax bosta drabi jiġri li l-liġi tgħid ħaġa u s-sens ġust jgħid oħra. Il-qrati mhumiex kostituzzjonalment obbligati li joqogħdu għall-ġustizzja. Iżda huma mija fil-mija obbligati li joqogħdu għal-liġi. Mill-ġustizzja jistgħu jvarjaw (anki jekk kontra qalbhom), iżda mil-liġi le. Mhux l-ewwel darba li maġistrat jew imħallef jgħid li jixtieq jagħti mod ta’ sentenza li skont il-liġi mhijiex permessa, u għalhekk jagħmel dak li ma jridx. Dan, ngħidu aħna, jiġri meta sentenza ta’ ħabs hi preskrittiva jew obbligatorja. Trid jew ma tridx, hijiex ġustizzja jew le, il-ġudikatura jkollha tobdi l-liġi mhux is-sens ġust. Għalxejn wieħed joqgħod jippilla li dan mhuwiex ġust. M’għandu x’jaqsam xejn. Għax, nerġa’ ngħidlek, il-proċess ġudizzjarju tal-qrati m’għandu xejn x’jaqsam ma’ ġustizzja, iżda biss mal-liġi.

Jiġri wkoll li l-prosekuzzjoni u d-difiża f’kawża ġudizzjarja jiftiehmu bejniethom fuq versjoni tal-fatti li ma tkun minnha xejn. Din rajtha tiġri kemm-il darba. Il-ġudikatura tkun taf b’dan, iżda għall-finijiet tal-liġi ma tqis li ma jkun qed jiġri xejn illegali jew illeċitu. Sakemm jaqblu bejniethom il-prosekuzzjoni u d-difiża fuq versjoni tal-fatti, anki jekk tkun gidba, il-liġi hi sodisfatta, u l-qorti wkoll. L-istess f’każijiet bħal dawn, għalxejn wieħed jippilla li l-versjoni tal-fatti mhijiex vera. Għal darba oħra ngħidlek: il-proċess ġudizzjarju tal-qrati m’għandu xejn x’jaqsam mal-verità, iżda biss mal-liġi.

Oħra. Kemm-il bniedem daħal il-qorti b’għajnu mimlija li għandu raġun imbagħad ma jeħdux. Eluf. Dak li jinteressa l-qrati mhuwiex min għandu raġun, imma wieħed għandux provi biżżejjed (u provi legalment ammessibbli) biex jipprova li għandu raġun. Jekk le, allura wieħed m’għandu raġun xejn. Bil-kontra, jekk wieħed m’għandu ebda raġun f’xi kwestjoni, imma għandu l-provi xierqa biex jipprova l-kontra, il-qrati jrebbħu lilu l-kawża. Għax bħalma għedtlek fiż-żewġ każijiet ta’ qabel: il-proċess ġudizzjarju tal-qrati m’għandu xejn x’jaqsam ma’ min għandu raġun, iżda biss mal-liġi.

Din hi l-kibxa tal-qrati li l-biċċa l-kbira tan-nies jibqgħu ma jridux (jew ma jistgħux) jifhmu. Jippretendu li jiksbu ġustizzja mill-qrati; jippretendu li l-verità tittrijunfa; jippretendu li jirbaħ ir-raġun. Iżda jippretendu għalxejn. Għax il-qrati dawn ma tagħtihomx. Il-qrati jagħtu biss dak li tgħid il-liġi. Xejn anqas. Xejn aktar. Min irid ġustizzja, min irid il-verità, min irid ir-raġun, ma jersaqx lejn qrati. Għax hemm il-liġi biss tiswa. Fl-aħħar mill-aħħar, jgħoddu biss il-provi. Jekk provi m’hemmx, allura l-ġustizzja, il-verità u r-raġun joħorġu mit-tieqa. Jekk provi hemm, dawn jissejħu ġustizzja u verità u raġun. 

Jaħasra, tgerger xejn għax ma ħadtx ġustizzja mill-qrati! Tgerger xejn li dan u dak gidbu taħt ġurament! Tgerger xejn li dan jew dak l-avukat ġab il-boċċa qrib il-likk kif ried u kif għoġbu! Tgerger xejn li l-pulizija gerfxu kemm felħu! Sakemm dan tippermettih il-liġi, il-qrati mhumiex se joqomsu. Il-qrati jitniffsu biss meta tinkiser il-liġi. Dan biss jinteressahom. Għal xejn aktar ma se jkollom weġgħat ta’ kuxjenza.

Kemm nies ħatja ġew illiberati minħabba dan! Kemm nies innoċenti ntefgħu l-ħabs, weħlu multi u ġralhom agħar minħabba dan! Dan jiġri għax il-qrati jagħmlu xogħolhom sew. Jiġifieri jżommu strettament mal-liġi. Iħarsu l-liġi. Joqogħdu fuq li tgħidilhom il-liġi. Mill-bqija ma’ jinteressahom xejn aktar.

Sewwa dan? Daż-żgur li mhux sewwa. Iżda s-sewwa u l-qrati ma jitħalltux flimkien. Naturalment, jistgħu l-qrati jroddu ġustizzja, joħorġu l-verità jew jagħtu r-raġun lil min jistħoqqlu. Dan jiġri ta’ spiss ukoll, għall-grazzja tal-ħanin Alla. Iżda proprjament u strettament dan mhuwiex l-interess ewlieni tagħhom. Il-liġi biss hi l-interess ewlieni tagħhom. Għal dan jeżistu. Għal dan jgħixu. Għal dan jaħdmu.

Hu għalhekk li l-qrati huma parti mill-vjolenza tal-Istat, li tiegħu huma rota essenzjali fil-mekkaniżmu li għandu. Imma din hi storja oħra.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?