Sunday, 5 April 2015

Żewġ kelmiet

Żewġ kelmiet li wieħed jisma’ ta’ spiss meta jkun hemm tnejn jew aktar jargumentaw jew jilletikaw huma ‘giddieb’ u ‘miġnun’ (jew l-ekwivalenti feminili tagħhom). Huma żewġ kelmiet li, milli jidher, jingħadu b’ħeffa daqskemm b’nuqqas ta’ wisq ħsieb. Mhumiex kliem sbieħ, it-tnejn li huma, iżda jistgħu juru xi ħaġa dwar l-għamla li biha biċċa kbira tal-Maltin u l-Għawdxin jaħsbu.

Il-verità x’inhi?

Bosta minna jidhrilhom li għandhom il-verità. Jitħaddtu b’ċertezza assoluta, jiġġudikaw b’asserzjoni indubitata u jippronunzjaw irwieħhom b’dommatiżmu inkondizzjonat. Il-biċċa l-kbira tagħna jippontifikaw mhux jiddjalogaw; jagħmlu stqarrijiet mhux juru fehemthom; jiddikjaraw mhux jiddiskutu.

Din l-attitudni aktarx tiġi mill-impressjoni li ħafna minna għandna li, la darba għandi fehma, dik il-fehma hi waħda vera, u ebda dubju ma għandna tagħha. Ma jaqgħalniex f’rasna li tnejn li ma jkunux qed jaqblu dwar xi ħaġa, it-tnejn jistgħu jkunu żbaljati. Jew anki li t-tnejn jista’ jkollhom raġun.

Il-mentalità ta’ ħafna minna donnha tiffunzjoni b’għamla kategorika biss; iswed u abjad, mingħajr griż jew sfunaturi mkien: ‘Jekk jien għandi raġun, allura bilfors ifisser li int żbaljat’, jew bil-kontra. F’moħħ bosta minna għandha din l-idea li l-verità tista’ tkun waħda u waħda biss. Dak kollu li ma jaqbilx magħha hu żbaljat.

Veritajiet, mhux verità

Din naraha ġejja mit-taħriġ ‘kattoliku’ li nieħdu minn ċkunitna, taħriġ li spiss jiġi ppreżentat bħala dommatiku, monolitiku u esklussiv. Tant jidħlilna f’moħħna li l-verità hija waħda u li ma jistax ikun hemm oħra għajrha, li nitilgħu naħsbu u nemmnu li r-raġun jista’ jkun biss ta’ sura waħda; dak kollu li ma jaqbilx magħha bilfors hu żbaljat.

Iżda din mhijiex għajr idea falza. Għax il-verità assoluta ma teżisti mkien. Jeżistu interpretazzjonijiet. Jeżistu fehmiet. Jeżistu impressjonijet. Jeżistu punti di vista. Jeżistu perspettivi. Imma l-verità waħda, assoluta u immutabbli ma teżisti mkien mis-sema ’l isfel. Jekk xejn, jeżistu veritajiet. Għax fil-fatt kulħadd, anki dawk li l-aktar ma jaqblux bejniethom, jista’ jkollhom il-verità ... il-‘verità’ skont kif ikunu qegħdin jarawha u jifhmuha huma.

Dan ma jfissirx li ħaddieħor żbaljat. Ifisser li ħaddieħor aktarx ikun qed jara l-istess ħaġa minn perspettiva oħra, minn angolu differenti, minn ottika oħra. Għaldaqstant, aktarx kulħadd dejjem għandu raġun ... mill-punto di vista tiegħu. Il-‘verità’ hija biss isem għal dak li wieħed jaqbel miegħu jew jogħġbu.

Intransiġenza u intolleranza

Meta ninsew din il-ħaġa, x’jiġri? Jiġri li jikkonvinċu ruħna li min ma jkunx qiegħed jaqbel mal-‘verità’ tagħna huwa waħda minn żewġ affarijiet: jew giddieb, jew miġnun; jew jaf il-verità (u għalhekk suppost jaqbel miegħi), imma mhux qed jammettiha jew jgħidha, jew inkella m’għandux intellett biżżejjed (jew l-intellett tiegħu hu difettuż) biex jara l-‘verità’ (li għalija tkun evidentissima).

Minn hawn, jidhirli, jiġi l-użu ta’ spiss taż-żewġ ‘giddieb’ u ‘miġnun’ (jew ‘giddieba’ u ‘miġnuna) li spiss ngħidu lil xulxin waqt it-taħdit. Fil-fatt, l-użu ta’ spiss tagħhom juri kemm it-taħriġ edukattiv tagħna hu mmellaħ. Juri x’idea difettuża għandna ta’ dik li ħafna jsejħu l-‘verità’.

Juri wkoll, aktarx, sens ta’ dgħufija kbira. Għax min hu intransiġenti u intolleranti fl-għamla li biha jżomm mal-fehmiet tiegħu, jikxef il-biża’ tiegħu li, wara kollox, jista’ jkun żbaljat fil-‘verità’ li jżomm u jħaddan. Għax jekk wieħed jemmen li tnejn li ma jaqblux bejniethom ma jistgħux ikollhom raġun it-tnejn, u allura wieħed minnhom irid ikun żbaljat bilfors, dak il-wieħed nista’ nkun jien.

Fi kliem ieħor, qabel ma tgħajjar lil xi ħadd ‘giddieb’ jew ‘miġnun’, qis sewwa l-intolleranza u l-intransiġenza tiegħek innifsek. Ftakar li, mill-punto di vista tiegħu, kulħadd dejjem għandu raġun.






No comments:

Post a Comment