Ekkleżjoloġija fqira

Spiss għedt (u nerġa’ ngħid għal min irid jisma’) li l-għeruq tal-irrelevanza li l-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex qiegħda ġġarrab dejjem aktar jinsabu fil-faqar tal-viżjoni ekkleżjoloġika u antropoloġika tagħha. Għalkemm dawn huma oqsma duttrinali, jinfluwixxu ħafna fuq l-operat ekkleżjastiku.

Fi ftit kliem, l-antropoloġija tiġbor fi ħdanha t-teoriji dwar x’inhu l-bniedem: x’jagħmlu kuntent; x’inhu li jroddlu sens f’ħajtu; x’pożizzjoni għandu fid-dinja u fil-fasla ekonomika u politika, u ħwejjeġ bħal dawn. L-ekkleżjoloġija tiġbor it-teoriji dwar x’inhi l-Knisja: minn xiex hi magħmula; għalfejn teżisti; lejn xiex trid twassal il-ħidma tagħha, u ħwejjeġ bħal dawn.

Għalkemm iż-żewġ oqsma huma distinti minn xulxin, huma mhux biss relatati mill-qrib, imma ħafna mit-tieni qasam jiddependi fuq dak li jinħaseb fl-ewwel wieħed. Hawnhekk, illum, se nitħaddet biss dwar it-tieni qasam f’rabta mal-Knisja lokali. Darba oħra, nitħaddet dwar il-qasam l-ieħor.

Ekkleżjoloġija Tridentina

Nibda biex insostni b’konvinzjoni informata li l-ekkleżjoloġija li jħaddnu l-biċċa l-kbira tal-Kattoliċi Maltin u Għawdxin (pastoralment attivi u mhux; kjeriċi u lajċi) hija Tridentina. Dan ifisser li l-kunċett bażiku tagħhom ta’ x’inhi l-Knisja huwa dak imnebbaħ mill-Konċilju ta’ Trentu (tas-seklu 16). Mhuwiex, għandi nżid, kunċett imnebbaħ, kif għandu jkun, mill-Konċilju Vatikan II (seklu 20).

Dan il-kunċett Tridentin jistħajjel Knisja li hija armata f’taqbida mqaddsa b’armi spiritwali daqskemm materjali; armata li hi soċjetà magħluqa mikduda bil-ħsieb tal-fruntieri; armata b’regoli fissi, imfassla f’għamla piramidika, b’ideoloġija monolotika u b’perspettiva operattiva ta’ ‘aħna’ u ‘huma’. Hija Knisja b’filosofija ta’ esklussività.

F’kuntrast, l-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II tistħajjel Knisja li hija poplu f’mixja; poplu li qiegħed dejjem jitgħallem u jikber spiritwalment daqskemm umanament; poplu fi ħbiberija ma’ kull sinjal ta’ tjieba u grazzja; poplu ta’ ħbieb u msieħba, b’ideoloġija diversifikata u b’perspettiva operattiva ta’ kooperazzjoni u għajnuna mutwa. Hija Knisja b’filosofija ta’ inklużjoni.

Il-faqar ekkleżjoloġiku

Qrajt għal darba oħra dan l-aħħar (u nisma’ spiss lil min jirrepetiha, ukoll nies bravi, biex ma nsemmix bosta soċerdoti) li l-Knisja hi għamla ta’ partit politiku. Xi wħud jaslu biex jgħidu li hi għamla ta’ trajdunjin, klabb tal-futbol jew saħansitra każin tal-banda. Dawn huma eżempji tajba tal-ekkleżjoloġija Tridentina u tal-faqar ekkleżjoloġiku.

Iżda l-punt ewlieni tiegħi hawnhekk mhuwiex x’ekkleżjoloġija jistħajlu dawn in-nies, daqskemm l-anakroniżmu tagħhom. U l-inkwiet veru jibda meta tqis kemm Kattoliċi (u mhux) f’Malta u Għawdex iħaddnu din l-ekkleżjoloġija. L-inkwiet ikompli meta wieħed iqis li l-mexxejja klerikali nfushom għandhom jippropagaw sallum din is-sura ta’ ekkleżjoloġija, jekk mhux espliċitament fit-teorija għallanqas impliċitament fil-prattika.

Għal dawn in-nies kollha—li, nissusspetta b’sogħba, isawru l-biċċa l-kbira tal-Kattoliċi Maltin u Għawdxin—il-Konċilju Vatikan II seta’ ma sar xejn. Tridentini kienu u Tridentini għadhom. Biex jilmaħ dan, biżżejjed wieħed jagħti titwila mqar ħafifa lejn it-teoloġija (rudimentali) li jgħallem il-kleru, l-istil (paternalistiku) ta’ ħidma parrokkjali, is-sura (barokka) tal-liturġija u sa l-arti (trijonfalistika) fil-knejjes. Malajr jintebaħ li l-135,000 kelma ta’ Vatikan II kienu bżieq moħli.

Abbandun meħtieġ

Il-punt prattiku hu dan: qabel ma l-Knisja Kattolika fil-gżejjer Maltin tabbanduna l-apparat katidratiku tal-ekkleżjoloġija Tridentina li tħaddan kurrentement ma tista’ qatt tkun ferħ u tama, omm u għalliema, jew dawl fid-dinja tallum. Hija ineżorabbilment ikkundannata għall-irrelevanza u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-estinzjoni relattiva.

Knisja Kattolika Tridentina ma tistax tissopravivi fid-dinja tallum. Naf perfettament li hu mill-aktar diffiċli li l-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II tiġi tradotta fi strutturi u fasliet relattivi konkreti. Iżda dan ikun impossibbli mingħajr ir-rieda ‘politika’ (jew amministrattiva) serja u konvinċenti sabiex jibda jseħħ. Minkejja l-paroli li jsir, din ir-rieda sempliċiment ma narahiex.

Nifhem li l-kankru ta’ ekkleżjoloġija fqira mhuwiex faċli li timmansah jew tasal biex ixxejnu. Huwa kankru mifrux f’kull fibra tal-ġisem. Biex jibda jċedi jeħtieġ kirugi qalbiena daqskemm għorrief u għaqlija, b’idejn sodi u b’determinazzjoni tal-ħadid.

Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema dgħajfa.

 





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?