Il-kumpless ta’ Adam










Ilkoll nafu li Adam hu biss ħlieqa letterarja f’waħda mill-aktar magħrufin tal-ħrejjef morali Bibbliċi. L-isem tiegħu hu simboliku. Ifisser ‘bniedem’ jew ‘il-bniedem’. Iżda oriġinarjament it-terminu ma kienx Ebrajk, imma Assirju, u kien ifisser ‘ir-ruxxan’, ‘il-bjond’ jew ‘l-isbejjaħ’.

Adam l-isbejjaħ

Fit-totalità tal-letteratura Bibblika, ħafna drabi Adam jieħu post kważi sekondarju meta meqjus fi ħdan ir-rakkont tal-ħolqien jew anki fil-kuntest ta’ dak li jissejjaħ ‘id-dnub oriġinali’. Din il-pożizzjoni minuri kompliet tissaħħaħ fil-kittieb tat-Testment il-Ġdid, speċjalment b’San Pawl, li qisuh f’relazzjoni ma’ Kristu, u għalhekk mitfi minnu.

Dan wassal biex il-figura ta’ Adam—partikularment Adam qabel id-dehra ta’ Eva—ġiet kważi kważi injorata jew imwarrba. Fit-tradizzjoni Nisranija u Musulmana, Adam rari hu meqjus fih innifsu; f’relazzjoni ma’ xejn għajr miegħu nnifsu. Iżda mhux hekk fil-letterarja Bibblika Lhudija. Hawnhekk Adam jitqies bħala xbieha kollettiva u universali tal-ogħla u l-oħla ġmiel tal-bniedem.

Ngħidu aħna, waħda mill-midrax (ħrejjef morali) ta’ Ġenesi Rabba (nru. 8) tirrakkonta kif l-anġli, meta xeħtu għajnejhom għall-ewwel darba fuq il-ġmiel fiżiku u spiritwali ta’ Adam wara l-ħolqien tiegħu, tant għoxew bih li tahom li jgħajtu ‘qaddis! qaddis! qaddis!’, u riedu jagħtuh qima, iżda Alla ma ħallihomx. Midrax ħelu ieħor (nru. 11), ta’ Rabbi Elieżer, jirrakkonta kif, malli l-annimali lemħu lil Adam għall-ewwel darba, issaħħru wara ġmielu, u mielu quddiemu għax ħaduh b’ħallieq tagħhom, iżda hu wriehom b’sebgħu lil Alla.

Simbolu u xbieha

Qabel xejn, il-figura ta’ Adam hieni fil-Ġenna tal-Art huwa simbolu ta’ unità; jirrappreżenta l-bnedmin kollha, irġiel u nisa, għax Eva għadha ħaġa waħda miegħu. Terġa’ u tgħid, laħmu—bħalma stħajjel Rabbi Meir (seklu 2)—issawwar minn trab miġbur minn kull art li teżisti, magħġun ma’ ilma—skont Rabbi Elieżer (sek. 1)—miġbur mill-ibħra kollha tad-dinja.

Imbagħad, daqstant sinifikattiv, Adam huwa viżwalizzazzjoni ta’ xbieha umana partikularment speċjali; ta’ kumpless minsi daqskemm dejjem preżenti. Jista’ jissejjaħ ‘il-kumpless ta’ Adam’, li jinsab fina lkoll. Huwa t-tixniqa moħbija—u wkoll inkonxjament mibkija—għal stat ta’ innoċenza; ta’ safa primordjali; ta’ inġenjożità oriġinarja.

Mhux rari li dan il-‘kumpless’ hu psikoloġikament identifikat ma’ età partikulari fil-proċess ta’ żvilupp fiżiku u psikoloġiku uman, u spiss artistikament idealizzat f’dan il-waqt arkitip. L-età hija dik ta’ pubertà, meta n-nies ma jibqgħux aktar tfal iżda lanqas ma jkunu għadhom adulti; medda qasira ta’ snin ikkaratterizzata minn stenbiħ tal-kuxjenza li għadha mhijiex korrotta mill-ħażen tad-dinja.

Adam l-ideal

Din il-fażi ta’ ħajjitna, meqjusa tant stramba daqskemm eċċitanti, hi artistikament identifikata ma’ Adam minħabba l-eki profondi psikoloġiċi li tħarrek: Adam is-sabiħ, l-innoċenti, l-inġenwu, il-hieni, is-sielem; Adam f’armonija man-natura u ma’ kull ħlieqa ħajja; Adam f’sinkronija mal-ħallieq mhux-magħruf tiegħu; Adam spiritwalment safi, bla dnub, ġenwin, naturali u mhux mimsus; Adam li ma jeħtieġx salvazzjoni.

Adam l-ideal tal-ħajja umana, fi ftit kliem. Simbolikament, fil-ħajja normali tagħna nilmħu fix-xbieha tiegħu dak li darba konna u m’għadniex; dak li tlifna mingħajr ma ridna; dak li m’apprezzajniex (u ma stajniex napprezzaw) biżżejjed; dak li nibku; dak li segretament nixxenqu għalih; dak li nixtiequ għal darba oħra (bla ma jista’ jkun); dak li ma kellu xejn mill-ħmieġ, il-ħażen u l-kruha tal-ħajja adulta li diżrazzjatament ġew wara bit-tiġrib tad-dinja.

Imma l-kumpless ta’ Adam jista’ jfisser ħaġa oħra wkoll: dak li qatt m’għandna ninsew. L-‘Adam’ ta’ ġo fina kien u għadu parti minna. Mhuwiex sempliċiment imgħoddi. Huwa wkoll preżenti. U jista’ jkun ġejjieni. Huwa bħal tfakkira jew niggieża kostanti li nistgħu nirkurpraw xi ħaġa minnu jew għall-anqas ma nkomplux nitbiegħdu minnu: in-nadif, it-tjieba, is-sabiħ.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?