Il-wegħda tad-djalogu


Spiss nisimgħu bil-kelma ‘djalogu’. Anzi, ilna s-snin nisimgħuha. U mhux mill-politiċi biss. Imma minn kull qaddej pubbliku li jrid jagħmel impressjoni fuqna. Għax il-kelma ddoqq sabiħ. U l-ħoss tagħha jwiegħed li jagħtina sehem mid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Iżda l-kelma spiss tiġi abbużata. Jissejjaħ ‘djalogu’ dak li mhuwiex. Biha jingħataw impressjonjiet u tamiet li fir-realtà ma jkunu jeżistu xejn.

Tfittxija komuni

Il-kelma ‘djalogu’ ma tfissirx sempliċiment li tnejn jew aktar qegħdin jitħaddtu bejniethom. Tassew, l-etimoloġija Griega tal-kelma tista’ tissuġġerixxi dan. Infatti, it-terminu hu magħmul minn żewġ kelmiet: ‘dia’, li tfisser ‘tgħaddi’ jew ‘tnewwel’; u ‘legein’, li tfisser ‘diskors’ jew ‘kliem’. Jiġifieri: ‘Tgħaddi diskors lil ħaddieħor’.

Imma t-tifsira moderna tal-kelma tissuġġerixxi aktar minn hekk; aktar minn sempliċi konversazzjoni. Illum il-kelma ‘djalogu’ aktar tintuża b’mod tekniku biex tindika proċess jew stil ta’ taħdit bejn in-nies. Ma turix biss il-fatt li tnejn jew aktar min-nies qegħdin jitħaddtu bejniethom, imma wkoll il-mod ta’ kif dan qed jagħmluh.

Il-proċess tad-djalogu jindika tfittxija komuni. Ma tindikax biss li wieħed qed ikellem lill-ieħor, imma li t-tnejn qegħdin jitkellmu bejniethom sabiex, bit-taħdit tagħhom, flimkien—b’mixja komuni—jaslu f’xi punt differenti mill-pożizzjoni inizzjali ta’ kull wieħed minnhom.

Ugwaljanza u smigħ

Din it-tifsira tal-kelma ‘djalogu’, li tindika proċess ta’ esplorazzjoni jew tfittxija, timplika ċerti kundizzjonijiet li mingħajrhom ma jista’ jsir ebda djalogu. L-ewwel kundizzjoni hija li ż-żewġ kelliemha jiltaqgħu fuq livell ugwali. Għax it-tnejn qegħdin fi tfittxija.

Għaldaqstant, meta xi wieħed mill-kelliema jibda d-djalogu minn pożizzjoni li minnha mhuwiex biħsiebu jiċċaqlaq, jew jibda b’attitudni li għandu ragun u li dak ir-raġun ma hu se jċedih b’xejn, allura ma jistax ikollok djalogu. L-ugwaljanza li jesiġi d-djalogu jitlob umiltà min-naħa ta’ kull kelliem; billi jagħraf li jinsab fi tfittxija u li għad ma wasalx għas-sewwa. Hu għalhekk li jidħol f’djalogu. Biex, flimkien ma’ ħaddieħor, jimxi għal pożizzjoni aktar xierqa jew aħjar.

Kundizzjoni oħra tad-djalogu hija li kull kelliem tabilħaqq jisma’ lill-ieħor b’mod li jaċċetta n-nuqqasijiet tiegħu nnifsu u l-benna fid-diskors tal-kelliem l-ieħor. Min jibda b’konvinzjoni li l-ieħor żbaljat ma jista’ qatt jissieħeb fi djalogu xieraq.

Maturazzjoni

Kundizzjoni oħra tad-djalogu hi li l-kelliema jagħarfu li dak li dwaru jkunu qegħdin jitħaddtu jonqsu żvilupp aktar. Ma jistax jiddjaloga min jaħseb li s-suġġett tat-taħdit hu eżawrit jew ma jippermettix aktar maturazzjoni. Min jaħseb li diġà wasal ma jistax jaċċetta li jimxi pass wieħed ’il quddiem.

Dan kollu juri li, meta nużaw il-kelma ‘djalogu’, nużawha b’tifsira preċiża ħafna. Fi kliem ieħor, nużawha biex infissru li tnejn jew aktar persuni jinsabu f’eżerċizzju komuni sabiex jimxu flimkien ħalli jiżviluppaw il-kunċetti u l-ideat ta’ xulxin.

Hu għalhekk li d-djalogu jitlob ħafna umiltà, paċenzja, rispett u, fuq kollox, flessibbiltà. Min jieħu attitudni dommatika jew assolutista ma jistax jissieħeb f’ebda djalogu. Dan għaliex ma jkunx lest li jħalli lilu nnifsu jinfetaħ għal interpretazzjonijiet, punti di vista u perspettivi differenti minn tiegħu.

Abbuż tal-kelma

Issa ħafna minn dawk li jippriedkaw id-djalogu, b’ din il-kelma ma jkunux qegħdin jifhmu ebda tfittxija, ebda esplorazzjoni, ebda żvilupp. Anzi, ħafna drabi dawn in-nies huma persuni b’ideat fissi, riġidi, dommatiċi u kważi kważi fanatiċi. Mhumiex lesti li jiċċaqilqu mill-pożizzjonijiet tagħhom. Kulma jkunu jridu hu li ħaddieħor jaċċetta dak li jemmnu fih huma u dak li huma jżommuh bħala l-verità sagrosanta.

Hu għalhekk li nies bħal dawn għalxejn jitkellmu dwar id-djalogu. Għax la jafu x’inhu u wisq anqas jemmnu fih. Kulma jkunu jemmnu hu fl-ideat tagħhom infushom, u li ħaddieħor irid jaqbel magħhom bilfors. Jekk jitħaddtu ma’ ħaddieħor, jagħmlu hekk biex idawru lil ħaddieħor għal magħhom jew juruh li għandu żball.

Nuqqas ta’ djalogu bħal dan jiġi mis-suppervja. U s-suppervja hi dejjem truxa. Ma tismax lil ħaddieħor u ma tapprezzax l-ottika ta’ ħaddieħor.

Id-djalogu hu mekkaniżmu mill-isbaħ għal min jaf u jrid jużah. Iżda l-kelma tant sabiħa—‘djalogu’—m’għandhiex tintuża min minn għalih ħadd m’għandu raġun ħlief hu, jew min minn la jirrispetta l-fehma ta’ ħaddieħor u lanqas japprezza li l-għerf ma hu monopolju ta’ ħadd.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?