Sunday, 3 May 2015

L-intellettwali hu ribell

Wieħed ma jistax ikun intellettwali mingħajr ma jkun ribell. Jekk mhuwiex ribell, mhuwiex intellettwali. Għax l-intellettwali joħlom dinja li ma teżistix. Għalhekk hu f’qawmien kontra d-dinja li teżisti. Din hi l-vokazzjoni tiegħu: li jheżżeż is-sisien tad-dinja eżistenti; il-missjoni tiegħu: li juri d-dinja dak li mhijiex u li għandha tkun.

L-intellettwali u l-akkademiku

L-intellettwali mhuwiex sempliċiment akkademiku. L-akkademiku jistudja, jaqra, jirriċerka, jesplora, jelabora, jgħallem, jistruwixxi. L-akkademiku jfannad fi ħdan il-limiti tas-suġġett akkademiku tiegħu; jistħarreġ, jekk irid, l-implikazzjonijiet l-aktar mistura tal-lingwaġġ li hu espert fih.

Iżda ma jirribellax kontrih. Ma jippruvax jheżżeż is-sisien li jżommulu l-bini tiegħu wieqaf. L-akkademiku jħuf f’kull rokna, jgħarrex kull kamra ta’ daru, isir jaf il-fasla bħal wiċċ idejh. Iżda ma jheddidx il-binja. Il-binja jħobbha u jħarisha mill-aħjar li jista’, jieħu ħsiebha u jindokkraha.

l-intellettwali mhuwiex hekk. L-intellettwali jaf il-binja biżżejjed biex tnebbħu f’oħra flokha; bħal oħra li intellettwalment jilmaħha possibbli; binja aħjar u aktar xierqa. L-intellettwali juża l-kapital lingwistiku li ngħatalu, jifqa’ t-truf u jħallem f’idjoma oħra li qatt ma kienet iżda li tista’ u għandha tkun.

L-akkademiku magħluq; l-intellettwali miftuħ. L-akkademiku jfannad; l-intellettwali jwessa’. L-akkademiku ta’ hawn u ta’ issa; l-intellettwali ta’ lil hinn u ta’ għada. L-akkademiku bil-mod u prudenti; l-intellettwali jgħaġġel u jażżarda. L-akkademiku jikkoopera; l-intellettwali jisfida. L-akkademiku jraqqam u jfiehem; l-intellettwali jwiddeb u jċanfar.

Fuq kollox, l-akkademiku jqiegħed idejh fuq dak li nġama’ u nħażen; l-intellettwali jħuf b’subgħajh fid-dlam ta’ possibbiltajiet ġodda u mistura u li għad iridu jkunu.

L-intellettwali u d-dinja

L-intellettwali jikkontradixxi d-dinja dejjem, u d-dinja tikkontradixxi lilu. Id-dinja hi magħmula minn xibka ta’ istituzzjonijiet maħluqa mill-bniedem li, bid-duttrini u r-ritwaliżmi tagħhom, għandhom il-mira ewlenija li jikkonservaw u jipperpettwaw lilhom infushom.

Kull innovazzjoni u kull bidla fi ħdanhom hi suġġetta għal din il-mira. Xejn ma jitħalla jheddidilhom is-sopravivenza tagħhom. L-assolutiżmu implikat tagħhom hu l-uniku garanzija tar-raġuni għafejn jgħixu u jeżistu.

L-istituzzjonijiet isostnu li jaqdu l-bniedem. Iżda fir-realtà hu l-bniedem li jaqdi lilhom. Ma jeżistux għalih, iżda hu għalihom. Huma entitajiet virtwali li ħadu s-sura ta’ entitajiet reali. U l-unika entità reali—il-bniedem individwali—sar għalihom komodità espidjenti.

Saru sovrani floku. Għamluh barrani f’daru. Serqulu l-ġieħ li jkun il-quċċata mdehba tal-ħolqien. Saru sidien inkondizzjonati tad-dinja. Ħadu fuqhom il-kwalitajiet kompleti u perfetti li jmissu, bi dritt naturai u divin, lill-bniedem u lill-bniedem waħdu.

L-intellettwali u d-domestikazzjoni

L-intellettwali jikkontradixxi din il-viżjoni. Jisfida l-ardir tagħha. Jhedded l-eżistenza tagħha. Ma jistax jemmen fiha. Għax it-twemmin tiegħu hu fl-umanità, li d-dinja tirredikola, timminimizza u tiskjavitizza.

Hu għalhekk li, ma’ kull kelma li jgħid u ma’ kull aġir li jwettaq, l-intellettwali jsib id-dinja mkabbra u għajjura tipprova ssawtu, theddu, torbtu, tliġġmu, tiskreditah u timmansah. Ma tistax temmen fih. Ma tistax tafdah. Għax l-eżistenza tiegħu timplika l-qerda potenzjali tagħha; is-suċċess tiegħu, it-tixjin tal-interessi investiti tagħha.

L-intellettwali ma jistax jagħmel kompromessi mad-dinja. Dan ikun tradiment ta’ dak li hu u ta’ dak li jilmaħ possibbli fil-ġejjieni. Hu jaf li hu biss meta titlef hi li jirbaħ hu. Iżda d-dinja bih biss tista’ ssalva. Għax hu hu biss li juriha t-triq li għandha taqbad.

L-intellettwali jirrifjuta li jiġi mmansat; jiċħad li jiġi domestikat. L-intellettwali hu ribell perenni kontra d-dinja u l-istituzzjonijiet imwebbsa tagħha. Jekk ma jkunx ribell, ma jkun xejn, la għaliha u lanqas għalih innifsu.



No comments:

Post a Comment