Bil-grazzja mitlufa

Il-ħolqien kollu hu mimli bil-grazzja ta’ Alla. Il-hena tal-bniedem hija li jagħraf il-preżenza tagħha fit-tiġrib ta’ kuljum tiegħu u ta’ ħaddieħor, ifaħħarha kulfejn jilmaħha, iberikha kulfejn isibha u jxandarha kulfejn jista’. Hu għal dan li n-nisrani huwa msejjaħ b’mod speċjali. Iżda diżgrazzjatament, spiss jiġri li l-bniedem—u mhux anqas in-nisrani—ma jagħraf fih u madwaru ebda grazzja, wisq anqas ifaħħarha, iberikha jew ixandarha. Hekk jitlef l-għożża, il-faraġ, il-barka u l-hena tagħha.

Il-preżenza tal-grazzja

Bosta nsara f’pajjiżna li għadhom jieħdu sehem fl-atti reliġjużi jgħixu l-ħajja nisranija tagħhom b’mod mekkanistiku. Għalihom ir-reliġjon saret drawwa li timla vojt skomdu. Oħrajn, li l-atti reliġjużi m’għadhomx jiġbduhom jew iħossu l-ħtieġa tagħhom, spiss jaħsbu li huma maqtugħa mill-ħajja spiritwali. It-tnejn jgħixu l-ħajja qisha kienet xi piż li wieħed irid jissaportiha ‘la x-xitan irid hekk’.

It-tnejn mhumiex konxji mill-preżenza tal-grazzja divina f’ħajjithom. Ħafna drabi, għandhom l-idea li l-ħajja spiritwali hi xi ħaġa kkumplikata u arkana, xierqa biss għall-eremiti, mifruda mill-okkupazzjonijiet ta’ kuljum, marbuta biss mal-knisja u l-kult reliġjuż, u, fuq kollox, tikkonsisti biss fil-prattika ta’ atti reliġjużi (meqjusa kważi maġiċi).

Din il-viżjoni dejqa—u żbaljata, għandna ngħidu—tiġi l-aktar mis-sura ta’ ekkleżjoloġija u antropoloġija li kurrentement tiġi mħaddna u mxandra: ekkleżjoloġija u antropoloġija essenzjalment Tridentini. Hija sura li qiegħda effettivament tgħawweġ it-teoloġija tal-grazzja divina, u prattikament ittellef u trażżan l-għarfien tagħha.

Is-sinjali tal-grazzja

Fit-Testment il-Ġdid, il-kelma ‘grazzja’ hija ‘karis’, u tindika ġmiel u ħila fl-imġieba u l-kwalitajiet materjali, fiżiċi u spiritwali. Minn din il-kelma Griega ġejja l-kelma l-oħra ‘karisma’ (rigal sabiħ), u t-tnejn jiġu mill-kelma ‘kairo’, il-verb li jfisser tifraħ, tithenna, titgħaxxaq. Għaldaqstant, il-kelma ‘grazzja’ tindika ċerta għaxqa li jnisslu l-ħlewwa u s-sbuħija.

Nużaw il-kelma meta, ngħidu aħna, nagħmlu stqarrijiet bħal: “Xi grazzja għandha dik it-tifla!”, jew “Għandi grazzja miegħek!”, jew “Kemm int bla grazzja!”, u l-bqija. Iżda fuq kollox nużawha, bħal fil-Bibbja, biex nindikaw il-preżenza ta’ Alla u l-Ispirtu tiegħu. Infatti, kulfejn Alla hu preżenti, hemm il-grazzja; kulfejn hemm il-grazzja, hemm Alla.

Il-Bibbja (speċjalment it-Testment il-Ġdid, u partikularment San Pawl) titkellem ħafna dwar fiex tikkonsisti l-grazzja divina. Fost ħafna mkejjen oħra, xi mkien tgħid hekk: “Il-frott tal-Ispirtu [jiġifieri tal-grazzja] huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5: 22–23). U San Pawl iżid ma’ dan: “Kontra dawn ma hemmx liġi”.

L-għarfien tal-grazzja

Il-missjoni ewlenija tal-ħidma pastorali u tal-amministrazzjoni ekkleżjastika hija li twassal lin-nies, insara u mhux, biex jagħarfu l-preżenza tal-grazzja ta’ Alla u jidħlu f’armonija magħha. Mhijiex li twasslilhom il-grazzja, għax Alla m’għandux bżonn il-Knisja (u lil ħadd) biex jifrex il-grazzja tiegħu.

Għaldaqstant, il-ħidma ewlenija tal-Knisja hija li timxi maġenb in-nies tul it-triq tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum, tindikalhom il-preżenza tal-grazzja divina, u tgħallimhom kif jagħarfuha. Kulfejn il-Knisja tilmaħ il-grazzja ta’ Alla (fil-ħajja tal-insara daqskemm ta’ dawk li mhumiex) hija tfaħħarha, tberikha u xxandarha.

Dan mhuwiex qiegħed jiġri fostna. L-ekkleżjoloġija u l-antropoloġija Tridentini li l-Knisja tħaddan f’dawn il-gżejjer qegħdin iżommuha milli tagħmel dan u b’hekk qiegħda ttellef—u saħansitra trażżan—lin-nies (insara u mhux, nerġa’ ngħid) li jagħarfu l-preżenza tal-grazzja divina (bil-‘frott’ tagħha) fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Dan hu aktar minn sfortunat. Huma oltraġġ. Għax il-Knisja ma tagħmilx dan, tkun teżisti għalxejn.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?