Sunday, 14 June 2015

L-ambjent: l-għarqub ta’ Akilli

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed isir evidenti li, għall-gvern preżenti, il-qasam tal-ambjent se jkun l-għarqub ta’ Akilli. Xahar wara xahar, jekk mhux ġimgħa wara ġimgħa, il-gvern qiegħed jingħata dejjem anqas marki għall-ħarsien tiegħu. Huwa qasam doluż li, milli jidher, mhuwiex iddestinat—jaħasra—biex ikun parti mill-ġenerazzjoni rebbieħa.

Wegħdiet ambjentali

L-ambjent jokkupa parti sostanzjali mill-Programm Elettorali tal-2013, li bih il-gvern preżenti kiseb il-mandat tat-tmexxija. B’ittri kbar kien tħabbar: “Nemmnu li Malta għandha tkun minn ta’ quddiem nett fl-istandards ambjentali. Mhux għax hemm obbligu mid-direttivi Ewropej, iżda għax hekk jixraq lil uliedna.” Dan kien kliem li, sentejn u nofs ilu, kellu nvestit fih ħafna tama u fiċudja.

Il-Programm Elettorali jidħol fil-mertu ta’ diversi setturi tal-qasam tal-ambjent. Mill-ippjanar sostenibbli sa sehem attiv lill-għaqdiet ambjentali; mis-saħħa ambjentali sa l-maniġġjar tal-iskart u l-konservazzjoni tal-ilma; mill-ħolqien ta’ aktar żoni miftuħa sat-tħaddim tal-‘green economy’; mis-siġar u l-imsaġar sat-tibdil tal-kliema; mid-drittijiet tal-annimali sal-kaċċa u l-insib.

Naturalment, hemm ħafna wieħed xi jfaħħar u jammira f’dan kollu. Wieħed jemmen li bosta wegħdiet magħmula fil-Programm qiegħed jinħaseb serjament sabiex jitwettqu fiż-żmien li fadal sal-elezzjoni ġenerali li jmiss fl-2018. Huwa minn ewl id-dinja li gvern ifassal il-ħidma tiegħu, mhux fuq sentejn u tlieta, iżda mill-anqas fuq ħamsa.

Spekulaturi

Iżda, minkejja dan kollu—jiġifieri minkejja l-benefiċċju tad-dubju li għandu jingħata—hemm sinjali ta’ preokkupazzjoni li lanqas ma għandhom jiġu njorati. Jista’ jkun li l-aktar wieħed serju hu dan: li l-isfreġju li ġarrab l-ambjent fi żmien Fenech Adami u Gonzi, mhux biss jidher li ma battiex f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, iżda aktarx saħansitra żdied.

Ngħidu aħna, wieħed josserva b’inkwiet li xi spekulaturi, li qabel kienu jiġu sempliċiment akkomodati fil-logħba ambjentali, issa donnhom ingħataw sa l-mazz f’idejhom. Aktarx saru jiddettaw huma r-regoli tal-logħob. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tal-ħarsien ambjentali tidher li, mhux biss ma dawritx ir-rotta li kienet qabdet qabel, iżda saħansitra aktarx marret għall-agħar.

Jekk dan hu tassew minnu, allura hemm problema mal-mandat mogħti lill-gvern. Dan tqabbad biex itejjeb is-sitwazzjoni. Mhux li jżommha l-istess. Wisq anqas li jgħarraqha aktar. Il-mandat kien ċar biex l-affarijiet jinbidlu; imorru għall-aħjar. Iżda l-konvinċentiment qiegħed jikber, sfortunatament, li dan mhux qed isir. L-affarijiet jidhru li sejrin għall-agħar.

Kumbinazzjonijiet

Huwa aktarx xi ftit jew wisq evidenti li l-gvern preżenti qiegħed jagħmel bosta avvanzi f’diversi oqsma. Jista’ qiegħed jagħmlu wkoll b’mod frisk u immaġinattiv. Dan għandu jkun annirevoli. Iżda jista’ jkun ukoll li l-gvern qiegħed jissogra serjament li l-qasam tal-ambjent u l-ħarsien xieraq tiegħu jsir għalih l-għarqub ta’ Akilli. L-istorja mitika nafuha: Akilli kien qawwi u inbattibbli minbarra fl-għarqub ta’ saqajh, l-unika parti li minnha seta’ jinqatel.

Għalkemm żgur li dan hu sogru huwa kkalkulat min-naħa tal-gvern, l-elettorat jista’ ma jaħsibhiex l-istess. Ittama bil-wisq li d-dannu irreparabbli li sar qabel ma jkomplix jitkattar biex issa joqgħod għal logħob bil-bżallu f’dan il-qasam. Il-feriti l-imgħoddija jistgħu jwasslu li issa l-burdata tkun mingħajr maħfra.

Il-qasam jitlob bilanċ sostenut bejn żvilupp u ħarsien tal-ambjent naturali. Wieħed jista’ dejjem jiddiskuti dan il-bilanċ sa fejn iwassal u ma jwassalx. F’dan iż-żmien, frott l-esperjenza l-imgħoddija, is-sensittività pubblika aktarx hi tarija ħafna, u mhijiex lesta li, għada pitgħada, ma tkunx lesta li taħfer sogri azzardati żżejjed.

Jidher li s-sinjal li qegħdin jingħataw favur il-ħarsien tal-ambjent m’għandhomx jittieħdu ħafif jew jiġu injorati. Ukoll jekk jistgħu ma jkunux għal kollox validi, żgur li huma sinjali sostanzjali u sinifikattivi. Akilli miet għax intlaqat fl-għarqub ta’ saqajh b’kumbinazzjoni. Illum il-vleġġa ma ttirx b’ċikka.




No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever