Sunday, 7 June 2015

L-Ewkaristija mhijiex tessera

Hija parti mit-teoloġija ortodossa nisranija li l-Ewkaristija turi, fost ħafna ħwejjeġ oħra, il-komunjoni tal-fidili. Infatti, dik li aħna nsejħu ‘tqarbin’ (mill-Għarbi qurbana, li tfisser Ewkaristija), f’ħafna ilsna oħra għandha dan l-isem: ‘communion’, ‘comunione’, ‘kommunion’ u l-bqija, jiġifieri għaqda; xirka. Imma komunjoni, għaqda, xirka ma’ xiex?

Għaqda mal-Knisja

Għal ħafna, din l-għaqda hija mal-komunità nisranija jew mal-Knisja. Għaldaqstant, f’dan is-sens it-tqarbin jistgħu jieħdu sehem fih dawk biss li huma konformi mal-liġijiet jew il-kanoni formali tal-Knisja. Il-bqija huma esklużi minn din l-għaqda u, għalhekk, imċaħħda milli jitqarbnu. Dan irrispettivament jekk il-persuni humiex insara prattikamenti, osservanti u tajba. Il-fatt li ħajjithom mhijiex għal kollox konformi mar-regoli ekkleżjastiċi, iżommhom milli jieħdu sehem fl-ikla tal-Mulej.

Evidentement, din l-interpretazzjoni hija waħda legalistika; tħares lejn l-Ewkaristija mill-punto di vista legali u formali. F’dan is-sens, l-Ewkaristija titqies bħal speċi ta’ tessera ta’ sħubija. Min hu konformi legalment biss jista’ jkollu din it-tessera, bħallikieku l-Knisja kienet xi partit politiku jew każin. Il-bqija huma esklużi sakemm ma jikkonformawx mal-liġijiet.

Huwa intriganti li din l-interpretazzjoni, għalkemm kanonikament ortodossa (għallanqas kurrentement), ma tidhirx li taqbel mal-ħsieb u l-aġir ta’ Ġesù. Ngħidu aħna, mill-anqas ma taqbilx ma’ żewġ rakkonti evanġeliċi li huma tradizzjonalment meqjusa ewkaristiċi — dawk ta’ meta Ġesù tema’ l-folol (ara Mattew 14:13-21, 15:32-16:10; Mark 6:31-44, 8:1-9; Luqa 9:10-17 u Ġwanni 6:5-15). Ġesù ‘jqarben’ il-folol mingħajr ma jqis min kien konformi mal-liġi ta’ Mosè jew le.

Għaqda ma’ Ġesù

Għallanqas f’dawn l-okkażjonijiet, jidher li Ġesù tema’ lil kulħadd indiskriminatament minħabba li l-kriterju tiegħu ta’ min seta’ ‘jitqarben’ u min le ma kienx legalista. Fil-ħsieb u l-aġir tiegħu, jidher li l-komunjoni li qies ma kinetx definita la skont it-Torah u wisq anqas skont il-Ħalakha.

Il-folol kienu hemm biss minħabba f’Ġesù. Il-komunjoni (jew għaqda) li l-folol kellhom kienet ma’ Ġesù. Nistgħu nassumu mingħajr ir-riskju li niżbaljaw li, fost l-eluf preżenti, xi wħud kienu wkoll f’komunjoni mal-liġi. Iżda mhux kollha.

Nafu mill-evanġelji nfushom li fost in-nies kien ikun hemm ukoll ħafna minn dawk li jissejħu pubblikani, midinbin u nisa tat-triq, li ma kinux konformi mal-liġi. Lil dawn Ġesù ‘qarbinhom’ wkoll. Ma uża ebda kriterju legali biex jeskludihom jew jiċħdilhom it-‘tqarbin’. Kien biżżejjed għalih li kienu f’komunjoni miegħu.

Il-ħidma pastorali

Iċ-ċaħda mit-tqarbin ta’ nies li huma nsara bona fide iżda li, minħabba ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tagħhom, qed jgħixu ‘fid-dnub’—jiġifieri f’nuqqas ta’ konformità kanonika—hija presumibbilment ta’ tbatija spiritwali inneċessarja. Dawn in-nies huma f’komunjoni ma’ Ġesù, iżda mhux mal-liġi. Għalhekk, wieħed jista’ jistaqsi: Li kieku dawn in-nies kienu preżenti fost il-folol meta Ġesù wettaq il-mirakli ewkaristiċi tiegħu, kien ‘iqarbinhom’ jew le?

Il-ħidma pastorali, inkluż il-prattika ewkaristika, għandha tkun aktar sensittiva għall-ħsieb u l-aġir ta’ Ġesù milli għal xi liġi pożittiva, u dan għandu jkun rifless kanonikament. Għaldaqstant, partikularment f’dan il-kuntest, din il-ħidma għandha tagħti kas aktar tal-konformità spiritwali tan-nies ma’ Ġesù milli l-konformità formali tagħhom mal-liġi.

Naf u nifhem li hu diffiċli ħafna, kemm intellettwalment u kemm prattikament, li jsir spostament ta’ tisħiq minn wieħed legalistiku għal ieħor ‘mistiku’, speċjalment fil-qasam delikat u kumpless tat-tqarbin ewkaristiku. Iżda hu dan li żmienna qiegħed jitlobna, anki fid-dawl tal-ekkleżjoloġija u l-antropoloġija mġedda tal-Konċilju Vatikan II.

Li jista’ jkun aktar ċar hu l-fatt li l-Ewkaristija m’għandhiex tibqa’ tintuża bħala xi għamla ta’ tessera ta’ sħubija. Imma aktar għandha tingħata t-tifsira mistika profonda li biha ġiet imwaqqfa.





No comments:

Post a Comment