Helsinki 40


Għaddew 40 sena mill-għeluq tal-Konferenza famuża ta’ Ħelsinki, il-Filandja, li fiha Malta, permezz tal-kontribut li kien ta Dom Mintoff, kienet tat sehem siewi ferm. Illum, erbgħin sena wara, huwa aktar minn xieraq li naraw jekk il-wegħdiet li kienu saru dak in-nhar inżammux u jekk il-ftehimijiet li ntlaħqu għadhomx jgħoddu għal-lum.

Sehem Mintoff

Il-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa kienet għalqet fl-1 ta’ Awwissu tal-1975. Il-bidu tagħha kien fl-1973. L-ewwel u t-tielet fażijiet tagħha kienu saru Ħelsinki u t-tieni waħda f’Ġinevra. Mintoff kien ħa sehem fl-ewwel fażi li fiha għamel proposti ambizzjużi li spiċċaw biex ġew aċċettati mill-pajjiżi parteċipanti, inkluż (u l-aktar importanti) mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Russja (li f’dak iż-żmien kienet l-Unjoni Sovjetika).

Il-Konferenza ġabet flimkien tlieta u tletin pajjiż tal-Ewropa, inkluż Malta, kif ukoll l-Amerika u l-Kanada. Dawn flimkien impenjaw irwieħhom biex jibdew itemmu l-Gwerra l-Bierda li kienet ilha għaddejja sa mill-1945. Il-Konferenza kienet sentejn xogħol delikat u iebes li ġabet lid-dinja tama ġdida ta’ paċi dejjiema u sostenuta.

Il-proposti ta’ Mintoff kienu bażikament tlieta: (1) li jiġi rikonoxxut il-prinċipju li ma jistax ikun hemm paċi u sigurtà fl-Ewropa mingħajr paċi u sigurtà fil-Mediterran; (2) li l-pajjiżi parteċipanti għandhom jisimgħu l-leħen tal-pajjiżi tal-Mediterran, l-Iran, Iżrael, is-Sirja u l-pajjiżi tal-Golf Għarbi (li oriġinarjament kienu ġew esklużi mill-Konferenza); u (3) li jitwaqqaf korp ta’ sorvelja sabiex jassigura d-djalogu u l-kooperazzjoni attiva bejn l-Ewropa Ċentrali, l-Amerika u r-Russja u bejn il-pajjiżi tal-Mediterran.

Baħar ta’ paċi

Dawn il-proposti kollha ġew aċċettati u mdaħħla fid-dokument finali tal-Konferenza li ġie ffirmat f’Ħelsinki fl-1 ta’ Awwissu tal-1975. Erbgħin sena ilu. Iżda ma ddaħħlux mingħajr għall-ewwel ma sabu l-oppożizzjoni qalila u ħarxa tal-Amerika (rappreżentata minn Kissinger) u r-Russja (rappreżentata minn Gromyko), kif ukoll ta’ għadd ta’ politiċi f’Malta u l-abbatini tagħhom (inkluż it-Times of Malta).

Mill-bidu fl-1973 Mintoff kien ċar daqs il-kristall fejn irid jasal, u baqa’ konsistenti sal-aħħar fl-1975. Il-ħsieb waħdieni tiegħu kien li l-Ewropa tinvesti politikament u ekonomikament fil-pajjiżi tal-Mediterran sabiex tassigura l-paċi u s-sigurtà għaliha nnifisha u għall-Mediterrann stess. Il-Mediterran kellu bżonn lill-Ewropa u l-Ewropa kellha bżonn il-Mediterran. Għalkemm għall-ewwel l-Ewropa dan ma ratux, spiċċat biex għarfet l-importanza u l-qofol tiegħu.

Mintoff għafas ukoll sabiex il-Mediterran ma jkunx baħar ta’ armamenti tas-superpotenzi u l-servjenti tagħhom. Ried li jkun baħar ta’ paċi u kooperazzjoni. Ried madwaru pajjiżi żviluppati b’popli ħielsa li flimkien ikunu impenjati għall-paċi u r-rispett bejn in-nies u l-popli.

Nuqqas ta’ rġulija

Għalkemm il-parteċipanti fil-Konferenza ta’ Ħelsinki erbgħin sena ilu aċċettaw il-prinċipji proposti mill-Perit Mintoff, fis-snin ta’ wara, meta nbidlu l-gvernijiet u l-Ewropa ngħaqdet bejnietha, dawn ma kinux irġiel biżżejjed biex iżommu l-kelma li kienu taw. Dan jinkludi wkoll lill-Amerika u r-Russja.

Mhux biss l-armamenti żdiedu (wara xi żmien li kienu naqsu), mhux biss xi pajjiżi Mediterranji ma ġewx mgħejjuna jiżvluppaw politikament u ekonomikament, mhux biss il-baħar Mediterranji sar bejta sħiħa ta’ armamenti u xi pajjiżi ta’ madwaru bnew bażijiet militari, mhux biss il-pajjiżi tal-Mediterran ma ġewx inklużi fit-taħdidiet li l-Ewropa għamlet mal-Amerika u r-Russja, iżda talli llum donnu jeżisti t-twemmin li l-vjolenza għandha tiġi mwieġba bil-vjolenza.

Donnha spiċċat il-konvinzjoni—hekk fundamentali u hemm importanti—li mingħajr paċi u sigurtà fil-Mediterran ma jista’ qatt ikollok paċi u sigurtà fl-Ewropa. Il-politikanti tal-Ewropa magħquda mhux biss jidher li għandhom memorja qasira iżda wkoll, u agħar, viżjoni sa mneħirhom.

Gwerra Bierda ġdida

Illum donnu ninsabu fuq l-għadba ta’ Gwerra Bierda oħra. Jekk wieħed josserva sew x’inhu jiġri bejn l-Unjoni Ewropea, l-Amerika, ir-Russja, iċ-Ċina u xi pajjiżi tal-Lvant Nofsani, malajr jintebaħ li bil-mod il-mod resqin lejn sitwazzjoni fejn is-suspetti, l-insidjosità, l-ebusija tar-ras, il-pika u l-isfidi qegħdin jiżdiedu u jnawwru kull tama ta’ kooperazzjoni u djalogu bejn il-qawwija.

Dak li seħħ f’Ħelsinki erbgħin sena ilu ma jistax jintesa. M’għandux jintesa. Hu relevanti llum aktar minn qatt qabel. Hu meħtieġ li l-prinċipji li saret stqarrija hekk sabiħa tagħhom dak in-nhar jerġgħu jingħataw il-ħajja u jiġġedded it-twemmin fihom.

In-nuqqas ta’ sigurtà fl-Ewropa u fil-Mediterran qed tiżdied. U qed tiżdied, mhux biss minħabba l-militanza Iżlamika u fanatika, iżda minħabba li ġie abbandunat dak li f’Ħelsinki kien ta l-vera soluzzjoni għall-problemi tad-dinja, b’mod partikulari tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani.

Tbegħidna minn Ħelsinki, tabilħaqq. Iżda huwa lejh li jeħtieġ li nerġgħu nduru.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?