Sunday, 26 July 2015

Irlanda mqarba

Fit-22 ta’ Mejju li għadda l-Irlanda ma ġabitx ruħha sew. Qagħdet naughty. Għala? Għax referendum li ma kellux jgħaddi f’pajjiż fejn ħamsa u tmenin fil-mija (85%) huma Kattoliċi, għadda b’aktar minn tnejn u sittin fil-mija (62.2%). Kien ir-referendum favur iż-żwiġijiet tal-‘gays’. “Din kienet telfa għall-umanità,” sejħilha s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Kienet ukoll okkażjoni storika. Għax l-Irlanda sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li approva ż-żwiġijiet gay b’vot popolari.

Telfa loġika

Ċertament kienet telfa—anzi, tkaxkira—għal min ma riedx li r-Referendum jgħaddi. Kienet rebħa għall-bqija. Fuq kollox, rebħa għal min jemmen fl-ugwaljanza u r-rispett ta’ ħaddieħor. Rebħa għal min jemmen li taħt il-kappa tax-xemx hawn spazju għal kulħadd.

Fl-Irlanda waqt il-kampanja għar-Referendum ġara l-istess dak li ġara f’Malta meta ġew diskussi ż-żwiġijiet gay u meta sar ir-referendum tad-divorzju. Ħafna tkellmu dwar jekk iż-żwiġijiet gay humiex tajbin fihom infushom jew le. Mhux dwar jekk l-Istat għandux jilleġisla għalihom. Bosta taħarbilhom il-loġika sempliċi li wieħed jista’ jaqbel li l-Istat jilleġisla għal xi ħaġa li wieħed mhux bilfors jaqbel magħha.

Ċertament ħarbet lil ċerti (mhux kollha) awtoritajiet tal-Knisja Kattolika fl-Irlanda bħalma ħarbet lil ċerti (mhux kollha) awtoritajiet tal-Knisja Kattolika f’Malta fl-okkażjonijiet li semmejt. Ċertament ħarbet ukoll lil ċerti politiċi fl-Irlanda daqskemm f’Malta. Għal dawn donnha teżisti loġika waħda biss: Jew kulħadd joqgħod għal dak li jien naħseb li hu tajjeb u xieraq, jew xejn. Loġika bħal din titlef dejjem.

Telfa għall-umanità?

Iżda tajjeb li jibqa’ jagħfas fuq il-mistoqsija jekk ir-riżultat tar-referendum Irlandiż favur iż-żwiġijiet gay kienx tabilħaqq telfa għall-umanità. Jien għandi dubju serju huwiex hekk. Jidhirli li telfa għall-umanità hi meta parti (sostanzjali) tal-poplu jibqa’ ma jingħatax drittijiet daqs ħaddieħor. Telfa għall-umanità, jidhirli, hi meta nidinbu kontra l-ugwaljanza, fost ħwejjeġ oħra.

L-umanità ma jidhirlix li tista’ titlef meta n-nies jirrispettaw aktar lil xulxin (u dan jiġi rikonoxxut mil-liġi) minkejja d-differenzi ta’ bejniethom. Ma jidhirlix li tista’ titlef l-umanità meta l-Istati ma jżommux ma’ ordinament morali li jappartieni għal xi grupp wieħed partikulari. Titlef ma tistax l-umanità meta jiġu garantiti u mħarsa l-jeddidijiet tan-nies.

L-umanità titlef meta jieħu r-riħ il-Konfessjonaliżmu (li hu biss għamla mitigata ta’ Fundamentaliżmu). Titlef l-umanità meta l-gvernijiet ma jħarsux id-drittijiet ta’ dawk kollha li jiġu taħthom, huma min huma. L-umanità titlef meta r-reliġjon issir mezz ta’ oppressjoni u diskriminazzjoni. Dan hu meta titlef l-umanità.

Qasma kerha

L-umanità fl-Irlanda rebħet, bħalma rebħet kulfejn ir-rispett tan-nies ġie tradott f’liġijiet ġusti; liġijiet li, mhux talli ma jagħmlu ebda ħsara lil ħadd, iżda jfittxu l-ġid ta’ min għandu l-jedd jagħmel għażliet leġittimi. Rebħet għax il-bon sens rebaħ fuq il-bigotteriżmu reliġjuż.

Ġewwa l-Irlanda f’Mejju li għadda, bħalma kien sar f’Malta wkoll, il-pressjoni fuq il-Kattoliċi kien enormi u ta’ kull għamla. Iżda hu riffreskanti u inkuraġġanti li bosta Kattoliċi, li wieħed jista’ jassumi li kienu fl-eluf tagħhom, żammew rashom fuq għonqohom u ħallew il-kuxjenza tiggwidhom sewwa.

Madanakollu, xorta waħda jibqa’ ta’ niket il-fatt li, hemmhekk ukoll f’dik l-okkażjoni, xirfet dik il-qasma kerha bejn il-poplu t’Alla u bejn l-hekk imsejħa mexxejja tiegħu; bejn fidili li (għall-anqas fil-fehma tiegħi) għażlu b’mod xieraq u bejn min suppost kien qed jiggwidalhom b’rettitudni d-deċiżjoni tagħhom.

Hija qasma li qed tixref f’bosta oqsma oħra tal-ħajja etika u morali tal-Kattoliċi. U nafu s-sewwa fuq liema naħa qed tkun.




1 comment:

  1. Life hija tajba Meta inti għandek dawk l-imħabba tiegħek madwar inti, I am qal dan meta i Minħabba li l-kwistjonijiet serp ma 'lover tiegħi u qatt ħajja meqjusa bħala ħaġa tajba, iżda grazzi għall Dr AGBAZARA ta AGBAZARA TEMPLE, għall tgħin me li jitfa jespliċitaw Li brought lover tiegħi lura lili Fi ħdan l-ispazju tal 48hours. Raġel tiegħi telqu lili għall-mara oħra wara 7years ta 'żwieġ, iżda Dr.AGBAZARA għinni mitfugħa jespliċitaw lilu li jinġiebu lura lili fi ħdan il-48hours. I am not se jgħidlek aktar dettalji dwar myself Pjuttost i se biss jagħtik parir dawk li qed ikollhom kwistjonijiet relazzjoni fil hemm jew dak Żwiġijiet Dr.AGBAZARA TEMPLE permezz dettalji ta 'kuntatt permezz proposition; (agbazara@gmail.com) jew agbazara@gmail.com
    LUCY mill-Istati Uniti.

    ReplyDelete