Newtralità mhedda?

Il-kunċett tan-newtralità non-alineata ilu jiġi diskuss, ipproblematizzat u kkwestjonat sa minn mindu ġie introdott minn Mintoff fl-1958. Sittin sena li fihom, filwaqt li l-klawsola konstituzzjonali tan-newtralià, mgħoddija fl-1987, daqqa ġiet komda għall-gvern u daqqa le, il-filosofija (jew l-ispiritwalità) tan-newtralità non-alineata ftit ġiet mifhuma sewwa u qajla mgħallma fuq firxa wiesgħa. Sallum għadek tisma’ sa politiċi (li jippretenduha ta’ professuri tal-Kostituzzjoni) jgħidu l-ħmerijiet dwar in-newtralità non-alineata u jittrattawha bl-aktar mod puwerili u superfiċjali.

Periklu eżistenti?

Iżda barra li n-newtralità non-alineata għandha aspett filosofiku (jew spiritwali, jekk trid)—għax hi fiha nnifisha viżjoni partikulari tar-relazzjonijiet umani u tal-għajxien fid-dinja—hi wkoll provvediment legali; timplika drittijiet daqskemm dmirijiet li huma preskritti mil-liġi, kemm lokali u kemm internazzjonali.

Dawn il-preskrizzjonijiet huma preċiżi u eżatti. Mhumiex preċiżi u eżatti għal min irid jilgħab bil-bżallu; għal min irid jgħaddi l-ġemel minn għajn il-labra; għal min irid jgħatti x-xemx bl-għarbiel; għal min irid jaqdi lil Alla u x-xitan f’ħin wieħed. Għal dawn il-preskrizzjonijiet donnhom jibbiesu u jirtabu skont ir-riħ fuq u isfel (speċjalment jekk ikunx ġej min-naħa ta’ Brussell).

Ma niżbaljawx! Din mhijiex ħaġa taċ-ċajt. Mhijiex xi politika li nistgħu ngħaddu biha jew mingħajrha. Fuq in-newtralità non-alineata tagħna, protetta bil-Kostituzzjoni, tiddependi s-sigurtà nazzjonali. Min jilgħab magħha jkun jilgħab ma’ ħajtek. Hija l-aqwa protezzjoni li jista’ jkollok u aħna lkoll fil-qagħda mwiegħra li jinsab fiha l-Mediterran bħalissa.

Ktieb opportun

Il-gravità tas-sitwazzjoni—kemm mil-lat tal-Mediterran u kemm mil-lat tal-ħarsien tan-newtralità non-alineata tagħna—huma suġġett ta’ ktieb li ħareġ lejn tmiem Mejju li għadda. Huwa ktieb miktub minn Ivan Grech Mintoff, u jġib l-isem: ‘Neutrality as Enshrined in the Maltese Constitution and its Relevance Today’ (In-Newtralità kif Protetta fil-Kostituzzjoni Maltija u s-Siwi tagħha llum).

Minkejja li l-ktieb iqis in-newtralità non-alineata tagħna l-aktar mil-lat legali, il-lingwaġġ tiegħu huwa maħsub ukoll (imma mhux biss) għal qarrejja li mhumiex imħarrġin fil-liġi. Bażikament, il-ktieb jistħarreġ kif il-klawsola tan-newtralità non-alineata saret parti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u x’implikazzjonijiet legali din iġġib magħha.

Iżda l-awtur jesprimi wkoll preokkupazzjoni li għandna tinteressa lilna lkoll. Huwa jissuspetta (u jġib argumenti qawwija biex jappoġġja dan is-suspett) li l-klawsola kostituzzjonali tan-newtralità non-alineata qiegħda tinkiser mill-gvern Malti. Huwa jissuspetta wkoll li jista’ jkun hemm fil-gvern min li qed jaħdem biex fil-prattika jirrendi għax-xejn il-klawsola kostituzzjonali tan-newtralità non-alineata sabiex ipaxxi lil Brussell (u forsi xejn anqas lin-NATO).

Xieraq ta’ smigħ

Dawn huma suspetti serji li ma nistgħux ma nagħtux kashom. Minn hawn jiġi s-siwi ta’ dan il-ktieb. Jiena ċert li l-biċċa l-kbira minna m’għandhomx ħin jew aptit li joqogħdu b’għajnejhom fuq it-tentufiet tal-liġi jew fuq kif in-newtralità non-alineata tagħna qiegħda titħares jew le. Hu għalhekk li, meta jiġi ktieb bħal dan minn għandu kemm l-aptit u kemm il-ħin, għall-anqas nisimgħu x’għandu xi jgħid.

Jekk is-suspetti tal-awtur għandhom xi bażi li wieħed jista’ joqgħod fuqha, min fil-gvern qiegħed jikser il-klawsola kostituzzjonali tan-newtralità non-alineata jew qed jaħdem biex fil-prattika jirrendiha għax-xejn ma hemm xejn aħjar għalih li int u jien nibqgħu għomja dwar dan jew li noqogħdu ma nitniffsux.

Intenni, hawnhekk hawn ħajjitna fin-nofs. Il-Kostituzzjoni qiegħda biex tipproteġina. Jekk hemm xi ħadd li qiegħed iġibha fix-xejn jew jiksirha, allura l-protezzjoni tagħna tiġi nieqsa u s-sigurtà tagħna, nazzjonali daqskemm personali, tiddgħajjef.

Bħala l-aqwa ħarsien tagħna, jien nemmen li n-newtralità non-alineata tagħna m’għandu jbagħbas magħha ħadd. U lanqas m’għandu d-dritt.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?