Corbyn it-tentatur

Żmien l-esperiment tan-‘New Labour’ Blairjan intemm. Dam għal ftit aktar minn żewġ għexieren ta’ snin, mill-1994, jiġifieri sa minn meta Tony Blair ħa t-tmexxija tal-partit laburista Britanniku f’idejh. Minkejja li l-mudell soċjalista ċentru/xellugi se jibqa’ jgħaxxex f’pajjiżi lil hinn mill-Gran Britannja li tħajru għalih, inkluż f’Malta, il-ġirja fantasjuża u distorta tiegħu ntemmet. Hija biss kwestjoni ta’ żmien meta jispiċċa minn kullimkien.

Taqliba naturali

Din it-temma spettakulari għamilha possibbli Jeremy Corbyn u r-rebħa inkredibbli tiegħu fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-partit laburista Britanniku ħmistax-il jum ilu; Corbyn l-antiteżi ta’ Blair u l-bella kumpanija kollha tiegħu; Corbyn li baqa’ jemmen fis-soċjaliżmu u l-laburiżmu mingħajr konċessjonijiet, kompromessi u skonti; Corbyn li qatt m’aċċetta t-tradimenti ta’ min irid jaqdi lil Alla u x-xitan f’ħin wieħed.

Ir-rebħa ta’ Corbyn kienet hekk naturali, hekk mingħajr sforz, hekk improbabbli fil-qafas tal-operat politiku ffabrikat à la Unjoni Ewropea, li lanqas tista’ ma tqishiex kruda, organika u nieqsa minn kull artifiċjalità. Kienet rebħa tal-għaġeb, mhux tant għat-teknikalità ta’ kif seħħet (għalkemm din ukoll kienet implawsibbli), iżda l-aktar l-aktar minħabba l-ispontanjetà tagħha.

Hu evidenti li kien hemm rabja moħbija fost il-laburisti u s-soċjalisti Britanniċi; xewqa mistura, aspirazzjoni ffrustrata, li kienet ilha tinħass, għalkemm ġiet miċħuda (uffiċjalment) minn mindu Blair taparsi ħoloq tip ta’ operat soċjalista u laburiżmu ġdid. Dak it-tip ta’ soċjaliżmu adulterat u laburiżmu kompromess ma ntogħġobx. Iżda kellhom jgħaddu għoxrin sena sabiex jiġi miċħud. Iżda miċħud ġie. Kif għad jiġi miċħud kullimkien, mhux fil-Gran Britannja biss.

Lura għall-prinċipji

Il-laburiżmu/soċjaliżmu ġdid jiġi naturali għal Corbyn daqskemm dak tan-‘New Labour’ kien ġie naturali għal Blair u l-bella kumpanija tiegħu. Daqskemm tal-ewwel hu ġenwin daqshekk ieħor tal-aħħar kien fabrikat u kkontaminat biex jirbaħ l-elezzjonijiet (u xejn aktar). Għalhekk Corbyn hu ta’ min jemmnu aktar. U għalhekk ukoll li għadd ta’ membri laburisti tal-parlment Britanniku mhumiex qegħdin jaħmluh.

Meta jien iltqajt ma’ Corbyn personalment f’Ottubru li għadda f’Londra ― dik il-ħabta lanqas kien għadu twebbel li jikkontesta għal kap tal-partit ― sibtu bħala bniedem ta’ natural kwiet, kalm, b’leħen bellusi (‘soft-spoken’ bl-Ingiż), b’sens komun qawwi u, fuq kollox, mingħajr l-iċken pretensjoni. Qatt f’mitt sena ma stajt noħlom li fi ftit xhur kien se jkun il-kap il-ġdid tal-partit laburista Britanniku.

Imma l-prinċipji laburisti u soċjalisti tiegħu kont naf li jemmen fihom u lest jiddefendihom b’tenaċità u fortitudni mhux komuni. Corbyn hu bniedem ġenwin għal kollox. U l-ftit li diġà rajnieh bħala kap tal-partit wera li l-modestja tiegħu, l-umiltà tiegħu u s-sinċerità tiegħu m’għandhomx jiġu mfixkla ma’ nuqqas ta’ ħila jew nuqqas ta’ ħeġġa jew irtubija. Xejn minn dan.

Awtentiċità reskoperta

Fuq kollox, Corbyn jidher li rnexxielu jmiss l-ispirtu u r-ruħ soċjalista u laburista Britanniku li kienu nxteħtu taħt it-tapit minn Blair u l-bella kumpanija tiegħu. Dawn ħasbu li l-mudell ċentrista/xellugi tagħhom kellu futur twil u li l-pożizzjoni xellugija kienet mietet għal kollox.

Iżda l-fatti wrew li dak li hu ġenwin fis-soċjaliżmu, dak li hu awtentiku fil-laburiżmu ― frott paċenzjuż u soffert ta’ madwar mitt sena ta’ storja iebsa u qalila ― ma tistax teqirdu kif ġieb u laħaq. Anzi, ma teqirdu qatt. Ma jmut qatt. Għoxrin sena ta’ Blairiżmu ma kienx kapaċi joqtlu. Corbyn irxoxtah għax ma kienx miet. U bħalma ġara fil-Gran Britannja għad jiġri kulfejn il-Blairiżmu nfirex.

Xi laburisti Blairjani fil-Gran Britannja qegħdin isosnu li Corbyn bħalissa għaddej minn sfrenatura ideoloġika (‘ideological joyride’ bl-Ingliż) u li mhux se jkun kapaċi jirbaħ elezzjoni ġenerali (‘unelectable’). Iżda jien ma naħsibx. Jien jidhirli li Corbyn huwa tentatur tal-ispirtu awtentiku soċjalista u laburista. Bil-mod kwiet u silenzjuż tiegħu se jqajjem il-kuxjenzi u se jerġa’ jġib partit li tilef triqtu lejn l-għajn tal-grazzja tiegħu. U mhux bil-Gran Britannja biss.

Iż-żmien jagħtini raġun.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?