Ġerarkiji u privileġġi

Il-fasla kurrenti ta’ soċjetajiet bħal tagħna ħolqot xibka kbira u kumplessa ta’ servizzi pubbliċi. Dan aktarx mhuwiex ħażin fih innifsu. Ħafna nies ikollhom il-ħtieġa ta’ dawn is-servizzi u, fortunatament, jeħduhom. Iżda s-servizzi mogħtija jimplikaw ukoll skala ta’ ġerarkiji u, wisq aktar, għadd ta’ privileġġi marbuta magħhom. Aktar ma’ wieħed jew waħda jingħataw responsabbiltajiet fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi donnu aktar jingħataw ukoll privileġġi. F’demokrazija suppost la l-ġerarkiji u la l-privileġġi m’għandhom jeżistu.

Soċjetà medjevali

Ħares lejn kull qasam tas-servizz pubbliku—tas-saħħa, tal-kura, tal-ġustizzja, tal-bon ordni, tal-amministrazzjoni governattiva, tal-voluntarjat u l-bqija—u tilmaħ kullimkien imperaturi żgħar li, barra li jikkmandaw, igawdu għadd ta’ privileġġi personali bħallikieku kienu xi ħaġa aħjar minn ħaddieħor. Min ma jilħaqx, privileġġi jkollu ftit li xejn.

L-għoti tal-privileġġi hi aktar ħaġa tas-soċjetà medjevali milli ta’ xi waħda moderna. Il-kunċett li għandna aħna l-‘iċċivilizzati’ tas-sura tas-soċjetà tqiegħed lil kulħadd—suppost—fuq livell wieħed. Aħna ġejna biex nemmnu (b’mod fittizju) li ħadd ma hu aqwa minn ħadd u ħadd ma hu agħar minn ħadd. Aħna lkoll indaqs. Suppost.

Imma fil-fatt mhux hekk hu l-każ. Għandna ħafna nies li, b’riħet l-uffiċċji li kisbu jew ingħataw, tarahom donnhom jogħlew ’il fuq minn ħaddieħor u, b’xi għamla ta’ rikompens, jingħataw diversi privileġġi sabiex igawduhom huma biss.

Privileġġi onorabbli

X’tgħidli: x’privileġġi għandek f’moħħok? Apparti l-privileġġi l-aktar ovvji, bħal mezzi ta’ transport, ħlasijiet ta’ spejjeż personali mill-but pubbliku, btajjel aktar minn ħaddieħor, benefiċċji żejda u ħwejjeġ bħal dawn, hemm ukoll privileġġi oħrajn li jidhru anqas. Bħal meta dawn ikollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol li jixbah ħafna lil tas-‘self-employed’ meta, fil-fatt, dawn huma ħaddiema governattivi mħallsa minn butna.

Għaldaqstant, bi privileġġ bħal dan, issib li bosta ħaddiema taċ-ċivil li jinsabu fi skali għolja prattikament joħolqu huma stess il-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom. U dan mhux b’abbuż. Iżda għax is-sistema tippermettihulhom. Anzi, tinkoraġġih.

Għax fir-realtà hija ħrafa li s-soċjetà ‘żviluppata’ tagħna qerdet il-privileġġi. Qerdithom għal xi wħud—dan huwa minnu—imma, fl-istess waqt, ħolqihom għal ħaddieħor. Jien m’għandi ebda għira għall-privileġġi ta’ ħadd. Iżda nara sfumaturi ta’ ipokrezija politika f’dan kollu. Għax filwaqt li nippriedkaw li kulħadd hu ndaqs, dan, fil-konkret, ma hu hekk xejn. Xi wħud huma ugwali aktar minn ħaddieħor.

Repubblika taparsi

Jien m’iniex wieħed li jidhirli li l-fasla tas-soċjetà tagħna hi xi waħda sana żżejjed, fil-fatt. Anzi, jidhirli li, issejħilhiex demokrazija jew le, hi fir-realtà waħda inġusta ħafna. Inġusta fis-sens li, fil-prattika tal-operat tagħha, naraha li tmur kontra l-prinċipji Repubblikani li suppost inebbħu l-Kostituzzjoni tagħha.

Il-fatt li ndaqs m’aħniex—u mhux għalija qiegħed nitkellem—jurik li xi ħaġa mhix f’postha hemm. Xi wħud mhux talli mhumiex indaqs ta’ ħaddieħor, imma, b’xi paradoss stramb, aktar ma huma mlaħħqa fis-servizz pubbliku, aktar isiru ċittadini mogħnija bi priveġġi, onorifiċenzi, libertajiet, liċenzji, vantaġġi, konċessjonijiet, drittijiet, trattamenti speċjali, benefiċċji u favuri.

Ħaġa tal-għaġeb, le? Aktar ma jsiru servos servorum (qaddejja tal-qaddejja) aktar donnhom jinbidlu f’dominus servi (sidien tal-qaddejja). Qisu għandek negattiva tar-realtà.

Forsi hawn min jgħidlek li l-ġerarkiji f’demokrazija ma tistax tagħmel mingħajrhom (ħaġa li jien ma naċċettahiex). Iżda żgur li ma jistax jgħidlek li f’demokrazija għandhom lokhom il-privileġġi. Forsi l-verità hi li m’aħna demokrazija xejn. Jew, għallanqas, m’aħniex Repubblika għajr taparsi.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?