Il-Bibbja, l-ateiżmu, l-idolatrija

Ħafna huma tal-impressjoni li fil-Bibbja nistgħu nsibu xi tip ta’ oppożizzjoni bejn dawk li jemmnu u l-atej. Hija impressjoni żbaljata. L-oppożizzjoni li nsibu fil-Bibbja hija biss bejn dawk li jemmnu f’Alla l-veru u dawk li jemmnu f’allat foloz. Mhuwiex bl-ateiżmu li tippreokkupa ruħha l-Bibbja iżda bl-idolatrija. Għall-kittieba bibbliċi, kienet din (l-idolatrija) u mhux l-oħra (l-ateiżmu) l-akbar dnub u l-akbar sfida għar-reliġjon.

Kankru sieket

Illum donnu s-segwaċi tal-Bibbja—insara daqskemm ġudajċi—aktar huma ppreokkupati bl-atej u bl-ateiżmu milli bil-kankru sieket tal-idolatrija li għandhom fi ħdanhom. Jekk nieħu lill-insara, u partikularment lill-kattoliċi, nintebħu li, minħabba din il-ħaġa, għandhom għalfejn jippreokkupaw irwieħhom bil-kbir. Għax lanqas l-imsieħba li għadhom jattendu l-knisja xi ftit jew wisq regolari ma huma ħielsa mill-idolatrija.

L-idolatrija ħafna drabi mhijiex konxja. Fis-sens li aktarx tinfiltra ruħha u tinfetta t-teoloġija ta’ dak li jkun mingħajr ma biss jintebaħ li spiċċa jadura alla falz jew allat foloz flok Alla l-veru, jiġifieri l-Alla ta’ Ġesù Kristu.

Ħafna drabi huwa n-nuqqas ta’ tagħlim xieraq teoloġiku jew kateketiku li jwassal għal dan. U l-problema ssir akbar u aktar gravi meta dan in-nuqqas ikun f’dawk stess li jgħallmu lil ħaddieħor, fosthom is-saċerdoti. Saċerdoti b’għamla ta’ teoloġija Tridentina faċilment iwasslu lilhom infushom u lil ħaddieħor għall-idolatrija.

Suppożizzjonijiet ażżardati

L-ateiżmu mhuwiex fil-mira tal-kittieb bibbliċi u lanqas ma kienet fil-mira ta’ Ġesù. L-ateu, jiġifieri dak li ma jemmen f’ebda Alla, la veru u lanqas falz, ħafna drabi ssibu konsistenti man-nuqqas ta’ twemmin tiegħu jew ma’ xi twemmin ieħor li joħloq hu. Iżda l-idolatru hu bniedem ingannat. Jaħseb li jemmen f’Ġesù meta fil-fatt jemmen f’idea falza tiegħu. Jaħseb li jemmen f’Alla meta fil-fatt jemmen f’alla xbieha tiegħu.

F’Malta u Għawdex ukoll. Wieħed jista’ jinnota li bosta operaturi pastorali, kemm żgħar u kemm imlaħħqin, aktar issibhom moħħhom f’dawk li ‘telqu’ l-Knisja milli fl-idolatri li għadhom taparsi fi ħdanha. Il-gravità u t-theddida tal-idolatrija donnhom ma jarawhomx jew ma jqisuhomx importanti għall-attenzjoni tagħhom.

Fil-fatt, jidhirli li qegħdin jagħmlu żball kbir. Il-biċċa l-kbira tal-pastorali fil-gżejjer Maltin—li aktarx m’għandha ebda pjan strateġiku u, għaldaqstant, ebda objettivi tattiċi ċari—topera bħallikieku dawk kollha li għadhom jiffrekwentaw il-knejjes mhumiex idolatri. Aktar minn hekk, ħafna aktar minn hekk, topera bħallikieku s-saċerdoti nfushom mhumiex idolatri. Jidhirli li dawn is-suppożizzjonijiet huma ażżardati ħafna. Forsi anki żbaljati.

Għamla simulata

L-idolatrija ma turix ruħha f’xi qima espliċita ta’ xi Għoġol tad-Deheb (kif grafikament insibu fil-Ktieb tal-Eżodu). Dejjem tieħu għamla simulata. Kważi kważi, anki l-lingwaġġ li tuża jibqa’ identiku, iżda, ovvjament, jingħatalu tifsir differenti. Imma twemmin f’Alla l-veru ma jkunx hemm. It-twemmin ta’ Ġesù jinbidel, jitgħawweġ u jiġi distort biex ipaxxi u jiġi jaqbel ma’ fehmiet maħluqa u korrotti.

Biex tara dan ma tridx tmur wisq ’il bogħod mill-esperjenza ta’ kuljum. Ftit eżempji biżżejjed: il-firda bejn morali u prattika; il-fehmiet razzisti; il-qima—qima, iva—tal-vari; il-venerazzjoni distorta ta’ relikwji; it-tisħiq fuq il-benefiċenza (flok fuq il-ġustizzja); l-ispiritwaliżmu romantiku (flok il-mistiċiżmu); iċ-ċentralità żvijjanti lill-Madonna u l-qaddisin (flok lil Ġesù biss); iċ-ċerimonjaliżmu (flok l-evanġelizzazzjoni) ... Il-lista tista’ titwal u titwal.

Imma dawn l-affarijiet, u ħafna oħrajn magħhom, li huma lkoll sintomatiċi ta’ idolatrija nisranija mifruxa u mqabbda, ma jidhirx li jinkwetaw lil wisq nies. Il-fatt li donnhom jgħaddu ma’ kull ħaġa oħra jurik li l-Knejjes ta’ Malta u Għawdex jinsabu f’qagħda agħar milli wieħed jaħseb.

Mhumiex l-atej l-għedewwa tar-reliġjon. Huma l-idolatri.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?