Sunday, 6 September 2015

Il-preżunzjoni tal-verità

Illum kull stqarrija li tippreżumi li tistqarr il-verità hija (millanqas) issuspettata jew (millaktar) meqjusa falza. Huwa evitat kemm jista’ jkun saħansitra l-użu nnifsu tal-kelma ‘verità’. Għax fehma—qawwija kemm hi qawwija—tibqa’ dejjem eżattament hekk: fehma, opinjoni, punto di vista, perspettiva, estimu, twemmin, ġudizzju, attitudni; imma qatt fatt assolutament ċert mija fil-mija.

Ferq insuperabbli

Hemm ħafna u ħafna aspetti li wieħed jista’ jqis f’dan il-qasam kumpless. Bħal, ngħidu aħna (biex insemmu wieħed biss), il-fatt li hemm ferq insuperabbli bejn kull ħaġa li teżisti u l-fehma tagħna tal-affarijiet li jeżistu (bħalma jgħallmuna l-istudjużi ta’ Heiddegger). Iżda hawnhekk xtaqt niffoka biss fuq aspett wieħed partikulari: il-verità li jsostnu li għandhom it-teisti nsara (jiġifieri dawk li jemmnu f’Alla u f’Ibnu Ġesù Kristu).

Dawn (it-teisti nsara) jsostnu li Alla hu l-verità assoluta u li Ġesù kien imwettaq b’din il-verità assoluta. Nuża’ hawnhekk il-kelma ‘mwettaq’ fit-tifsira klassika tal-kelma, jiġifieri li Ġesù kien ‘despositu’ (biex ngħid hekk) perfett tal-verità assoluta u sħiħa. Loġikament, jekkemmildarba Alla jeżisti u Ġesù hu l-inkarnazzjoni tiegħu, dan jagħmel sens.

Iżda dan xorta waħda ma jnaqqas xejn mill-osservazzjoni li jeżisti ferq insuperabbli bejn Alla-Ġesù-verità u l-fehma tagħna tagħhom. Ukoll jekk Ġesù huwa fih innifsu l-verità kollha ta’ Alla, xorta waħda ma jfissirx li fil-preżent (jew f’xi preżenti ieħor) xi ħadd jista’ jagħraf dik il-verità bis-sħiħ. Għaldaqstant, xorta waħda ma jistax jitkellem b’mod assolut dwar din il-verità (bħalma dwar xi verità oħra).

Is-sewwa

Fil-Vanġeli nsibu l-kelma ‘verità’ (aliteia) wżata 32 draba (f’Mattew: darba; f’Mark u f’Luqa: 3 darbiet kull wieħed; f’ Ġwanni: 25 darba). Il-kelma Griega ‘aliteia’ hi magħmula minn żewġ partijiet: ‘a-’ fuq quddiem, li tfisser ‘le’ jew ‘mhux’ (negazzjoni), u ‘-lantano’, li tfisser ‘mistur’ jew ‘moħbi’. Litteralment, tfisser: ‘dak li mhux moħbi’ jew ‘dak li jidher’ jew ‘dak li hu mikxuf’.

Ħasra li hawnhekk m’għandniex spazju biżżejjed biex nistħarrġu kull waħda mit-32 silta fejn tintuża il-kelma ‘aliteia’ u niflu kif u għaliex tintuża. Nistgħu ngħidu biss li l-kunċett evanġeliku tal-kelma ‘aliteia’ mhijiex ‘verità’ fis-sens li nifhmuha aħna llum, jiġifieri bħala xi stqarrija assoluta dwar xi fatt jew twemmin assolut f’xi ħaġa.

Infatti, jista’ jkun li l-kelma ‘sewwa’ aktarx hija traduzzjoni ħafna aktar preċiża tal-kelma ‘aliteia’ kif użata minn Ġesù, kemm f’sens ġenerali kif ukoll f’sens morali. Għax il-kelma hi dejjem użata f’rabta mal-onestà, il-ġenwinità, l-awtentiċità jew is-sinċerità.

Ħsara bla qies

Il-problema gravi bil-kelma ‘verità’ meta tintuża f’dan il-kuntest partikulari hija li tiftaħ il-bibien għall-preżunzjoni. Għax tista’ tagħti l-impressjoni żbaljata li xi ħadd jaf lil Alla jew jaf lil Ġesù b’xi mod sħiħ jew assolut. Alla biss jaf lil Alla. Ġesù biss jaf lil Ġesù. Aħna nistgħu nkunu nafu biss biċċiet żgħar ’l hemm u ’l hawn. B’mod imkittef (anki jekk biżżejjed għalina). Qatt b’mod sħiħ jew b’ċertezza assoluta.

Ħadd ma jista’ jippreżuni li qatt xi darba se jsib tarf ta’ Alla jew ta’ Ġesù b’mod li mqar jersaq minimament qrib lejn dak kollu li hemm x’wieħed ikun jaf. Dan qed ngħidu għax spiss—u spiss wisq—nisimgħu ’l min jitħaddet dwar Alla jew dwar Ġesù qishom kielu l-kirxa magħhom (biex ngħid hekk); u, minn fuq, jippreżumu li jridu jiddettaw lil ħaddieħor. Għax hekk iġġiegħlek tagħmel il-preżunzjoni. Hekk jagħmel min jaħseb li għandu l-verità fil-but.

Il-verità assoluta—fuq Alla jew dwar Alla; fuq Ġesù jew dwar Ġesù—ma jista’ jkollu ħadd. Ħsarat bla qies jagħmel—lilu nnifsu daqskemm lil ħaddieħor—min diżgrazzjatment hu arroganti biżżejjed biex jemmen mod ieħor.




No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever