Gvernanza xierqa

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li jitħajru jitħaddtu dwar xi tip ta’ ‘riforma’ kostituzzjonali jinsistu li din għandha essenzjalment ittejjeb il-gvernanza xierqa, dik li bl-Ingliż tissejjaħ ‘good governance’. Donnhom mhumiex kapaċi jintebħu kemm huma politikament patetiċi u ideoloġikament foqra meta jgħidu hekk. Governanza xierqa jew ixraq ma tiġġenera ebda riforma. Anzi, bil-kontra. Tagħmel xi riforma aktar impossibbli li sseħħ.

Kwestjoni ta’ prijoritajiet

Kulma qegħdin jgħidu dawn in-nies huwa li l-gvern isir aktar gvern; li jiddomina aktar; li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet. Tabilħaqq, l-iskuża hi dejjem l-istess: li l-gvern u l-istituzzjonijiet tiegħu u tal-pajjiż iservu aħjar li ċ-ċittadin. Imma kemm jiġri hekk? Kemm jiġri li t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ma jservix, fil-fatt, biex iċ-ċittadin jiġi mgħaffeġ aktar?

Xi wħud, ukoll, ma jħobbux li jien jew xi ħadd jitħaddet dwar iċ-ċittadin. Iriduna nitħaddtu fuq ‘il-poplu’. Għax, jgħidu, li l-istituzzjonjiet għalhekk qegħdin: biex iservu l-poplu. Imma dal-‘poplu’ min hu? Ma jeżisti ebda poplu ħlief fil-paroli tal-politikanti. Jeżistu l-individwi. Jeżistu nies b’jeddijiet ċivili u politiċi. L-użu tal-kelma ‘poplu’ mill-politiċi ma hu xejn għajr kif jgħattu x-xemx bl-għarbiel.

In-nies li jparlaw dwar gvernanza xierqa u aħjar jidher ċar li għandhom il-prijorijiet tagħhom imħawda. L-ideali tagħhom—ukoll meta jitħaddtu dwar ‘riforma’ u mhux riforma—jidhru biċ-ċar li huma retrogradi. Dan għaliex lanqas mal-pass tal-ideali ta’ min fassal il-Kostituzzjoni tal-1974 ma jlaħħqu. Dan-nies iriduna mmorru lura għal sitwazzjoni soċjo-politika ta’ qabel l-1974.

Iċ-ċentralità taċ-ċittadin

Riforma tista, naturalment, tfisser li mmorru lura. Imma nifhem li l-biċċa l-kbira minna mhux dan iridu. Iriduna mmorru ’l quddiem. ’Il quddiem lejn ideali li javvanzaw fuq dawk tal-Kostituzzjoni tal-1974, bħalma tal-1974 avvanzat fuq dik tal-1964. U ’l quddiem ma jfissirx li nsaħħu l-istess prinċipji tal-Kostituzzjoni tal-1974, iżda li nissuperawhom.

Sabiex tabilħaqq issir riforma denja tal-isem, il-prinċipju li madwaru huma bħalissa organizzati l-provvedimenti formali tagħna jrid jinbidel. Il-Kostituzzjonijiet tal-1964 (tal-Indipendenza) u tal-1974 (tar-Repubblika) kienu organizzati madwar il-prinċipju taċ-ċentralità tal-istituzzjonjiet. Dan wieħed jista’ jifhmu, għaliex din kienet l-esiġenza l-aktar urġenti f’dawk iż-żminijiet.

Iżda issa l-prinċipju l-ġdid m’għandux ikun l-istess wieħed bħal ta’ dawk il-kostituzzjonijiet. Jekk għandha ssir ‘riforma’ biex twaqqaf l-hekk imsejħa 'Tieni Repubblika, il-prinċipju organizzattiv tal-Kostituzzjoni jrid jinbidel għal kollox. Il-Kostituzzjoni ġdida u riformata issa għandha tkun organizzata madwar il-prinċipju taċ-ċentralità taċ-ċittadin, fejn iċ-ċittadin, u mhux l-istituzzjonijiet, isir il-perm u l-fus tal-ogħla strument legali li għandna fil-pajjiż.

Gvern kuraġġuż

Imma għandu jkun li n-nies li jparlaw dwar gvernanza xierqa u aħjar dan donnhom lanqas biss jistgħu jifhmuh. Għax jibqgħu jirrepetu u jirrepetu l-istess ħmerijiet. Filwaqt li, fuq naħa, jitħaddtu dwar riforma, min-naħa l-oħra jibqgħu jtaqtqu fuq il-gvernanza xierqa u aħjar ... mingħajr ma jintebħu li bil-kontradizzjoni li jkunu qegħdin jagħmlu. Imma l-loġika donnha mhijiex il-forte ta’ dawn in-nies, bħalma lanqas donnhom ma għandhom l-iċken idea tal-filosofija politika.

Jagħmel ħażin il-gvern jisma’ minn dawn in-nies. Aħjar ma jagħmel ebda ‘riforma’ jekk biħsiebu jisma’ minn dawn iċ-ċwielaq. Aħjar inħallu l-Kostituzzjoni kif inhi, u ma noħolmu b’ebda ‘Tieni Repubblika’ milli nibagħtu l-affarijiet lura għal stat agħar milli hu llum.

Jekk irid jagħmel riforma l-gvern għandu jkun kuraġġuż kif jaf ikun. F’diversi okkażjonijiet diġà tana opportunitajiet biex nosservaw u nammiraw il-kuraġġ li jaf ikollu. F’dan il-biċċa tal-Kostituzzjoni għandu jagħmel l-istess. Għandu jkun aktar affrontiv minn dawk li fasslu l-Kostituzzjoni tal-1974.

B’hekk biss il-gvernanza tkun aħjar u aktar xierqa.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?