Il-monument ta’ Mintoff

Il-Laburisti kollha jridu jifhmuha darba għal dejjem u jdaħħluha f’moħħhom li ebda monument tal-Perit Dom Mintoff―klassiku jew modern, rappreżentattiv jew astratt―ma hu se jagħtih il-ġieħ li jistħoqqlu. Lanqas jekk joħolqu l-Bernini. Lanqas jekk jikxfu l-Papa. Lanqas jekk ipoġġuh f’nofs Misraħ il-Palazz. Il-Laburisti kollha jridu jifhmuha darba għal dejjem u jdaħħluha f’moħħhom li Mintoff jingħata ġieħ biss meta l-wirt ideoloġiku u filosofiku tiegħu jiġi mifhum, imħaddan u mgħallem lit-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum u ta’ għada.

Monument ta’ valuri

Tifhimnix ħażin, ta! Mhux li Mintoff ma jistħoqqlux monument f’kull belt u raħal ta’ Malta u Għawdex, bħalma għandu Garibaldi fl-Italja. Anzi, jistħoqqlu fuq li jistħoqqlu! Iżda ġieħ Mintoff mhux f’hekk jista’ jingħatalu. Il-glorja ta’ Mintoff mhux minn dan jiġi. Il-ġieħ jingħatalu u l-glorja tiegħu tiġi meta dak li wettaq u għallem jibqa’ jseħħ fostna issa u dejjem.

Dan kif, ngħidu aħna―ladarba qegħdin insemmu l-monumenti―il-gvern ma ħoloqx skolarxip ġeneruż ta’ studju msemmi għal Mintoff ħalli kull sena jagħti opportunità ta’ edukazzjoni xierqa lil ulied il-ħaddiema ż-żgħar? Dak ikun monument lil Mintoff! U mhux tal-bronz u l-irħam, iżda tad-demm u l-laħam.

Il-monumenti tal-ġebel u l-irħam ħalli jsiru kemm trid. Iżda mhux sabiex ninsew li l-monumenti ta’ ġieħ jitnaqqxu u jinbnew fil-qlub u l-imħuħ tan-nies u fil-ħajjiet ta’ tfal u żgħażagħ li għandhom il-ġejjieni f’idejhom. Mhux fil-pjazzez. Il-gvern irid jara mhux li joħloq il-ħmerijiet fuq il-pedestalli, iżda li jgħallem lil ulied il-Maltin u l-Għawdxin mhux biss x’għamel Mintoff għalihom ilkoll, iżda x’għallem u x’valuri perenni ħaddan.

Solidarità konkreta

Diżgrazzjatament, it-tendenza ġeneralment hi li, aktar ma bniedem jintesa, aktar isirulu monumenti ta’ ġebel u l-bronz. Għax bniedem ma jintesiex, mhux meta ma jsirulux monumenti li fuqhom jistgħu jagħmlu xogħolhom il-ħamiem, iżda meta il-messaġġ ta’ ħajtu u ħidmietu jibqgħu ħajjin fl-għajxien u fil-memorji tan-nies. Hekk jibqa’ ħaj bniedem.

Mintoff, li minn qaddisu ma kienx fanfarun, kien jaf tajjeb li għad jiġi xi żmien meta aħna noqogħdu ninħlew fuq il-monumenti f’ġieħu, u qatt, qatt, ma inkoraġġixxihom. Anzi, dejjem tkellem li, jekk irridu tabilħaqq nagħmlulu monument, għandhom nwaqqfu istituzzjoni ta’ studju jew għajnuna li tibqa’ tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jitgħallmu u ma jistgħux. Il-Perit dejjem favur dawn is-suriet ta’ monumenti kien, u qatt favur l-oħrajn.

U tabilħaqq. Għax minkejja li noqogħdu nagħmlu l-istatwi u d-disinji x’se nieħdu? Lil min se ngħinu? Lil min se nġibu lil quddiem? Lil min se ngħallmu? Mintoff qatt ma kien favur ħala bħal dan. Jekk għandna r-riżorsi (kif għandna) u għandna r-rieda (kif għandna), allura għandna nagħmlu monument ħaj ta’ solidarjetà konkreta u dejjiema.

Monumenti ħajjin

Jien ma nafx għala f’din il-ħaġa―jiġifieri fejn għandu x’jaqsam il-monument ta’ Mintoff―għandna noqogħdu ninħlew fuq ħafna ħmerijiet għalxejn meta l-Laburisti u s-Soċjalisti qatt ma kienu nies superfiċjali. Is-superfiċjalitajiet għandna nħalluhom għal ħaddieħor li jehda bil-ħmerijiet.

F’din il-ħaġa wkoll, bħal f’kollox, il-Laburisti u s-Soċjalisti, għandhom ifittxu dak li jgħallem; dak li jagħmel il-ġid liż-żgħir u l-batut; dak li jfittex il-ġid veru tan-nies u mhux iroxxilhom il-bżar fl-għajnejn. Ħalli jsiru l-monumenti. Iżda monumenti ta’ sugu; monumenti ta’ ġid; monumenti ta’ emanċipazzjoni.

Wara kollox, ħafna minna jiftakru sew li Mintoff ġab il-pajjiż ’il quddiem mhux billi berbaq il-flus fuq il-ħmerijiet u x-xinxilli, iżda billi poġġa l-flus fuq il-mejda tal-fqir u fuq il-mejda ta’ min ried jistudja u fuq il-mejda ta’ min ried jgħodd ruħu b’nies.

Hekk għandna nagħmlu aħna wkoll. F’ġieħ Mintoff. Għax aħna l-monument ħaj tiegħu!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?