Sptarijiet u radd ta’ ħajr

Mhijiex ħaġa diffiċli wisq biex malajr u ta’ spiss ninsew l-eluf ta’ ħaddiema Maltin u barranin li kontinwament, lejl u nhar, jaħdmu għalina fis-skiet ta’ dmirhom. Ħafna affarijiet neħduhom ‘for granted’ sal-punt li jistgħu joħroġu għal kollox minn moħħna l-impenn, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju ta’ eluf ta’ nisa u rġiel li fuq il-lant tax-xogħol jagħmlu l-ħajja tagħna, bil-kumditajiet kollha tagħha, possibbli. B’mod partikulari, għandi f’moħħi hawnhekk il-ħaddiema tal-isptarijiet.

Professjonaliżmu kbir

Fil-ġimgħat li għaddew kelli l-okkażjoni li nkun personalment residenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-isptar Mater Dei. Nibda biex ngħid li, b’mod ġenerali, is-servizz li ngħatajt min-‘nurses’, il-‘carers’, il-‘helpers’, il-‘cleaners’ u l-voluntiera, kemm Maltin daqskemm barranin, ġewwa d-diversi swali li kont fihom kien eċċellenti. Ħames stillel. L-istess is-servizz mogħti mit-tobba u l-konsulenti.

Stajt nara li x-xogħol ta’ dawn in-nies mhuwiex dejjem faċli, sempliċi jew divertenti. Bil-kontra, jitlob attenzjoni preċiża, dedikazzjoni kontinwa u sensittività umana fina. Meta qed tittratta man-nies, ma’ nies morda u ma’ nies morda barra minn djarhom, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol isiru kumplessi u delikati aktar minn ta’ ambjenti oħra. Ħaddiema b’xiftijiet twal, iebsa u, ħafna drabi, bi staff xott, ix-xogħol jitlob minnhom professjonaliżmu kbir.

Dan il-professjonaliżmu juruh fis-sengħa, il-kompetenza u l-effiċjenza tagħhom mal-pazjenti kollha, inkluż pazjenti partikulament diffiċli u abbużivi, imma nkluż ukoll pazjenti partikularment vulnerabbli u dgħajfa. Barra minn hekk, kien rarissmu, jekk qatt, li xi ‘nurse’, ‘carer’, ‘helper’, ‘cleaner’ jew voluntier naqas mill-edukazzjoni jew l-etikett li titlob kull prattika tajba.

Arroganza u ndħil

Naturalment, il-biċċa l-kbira tal-pazjenti, kemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u kemm fl-isptar Mater Dei, ikunu wisq ippreokkupati bil-mard u, bosta drabi, l-uġigħ tagħhom infushom biex jintebħu jew jagħtu kas tal-bosta diffikultajiet endemiċi għal postijiet ta’ kura bħal dawk. Ovvjament, dawn żgur li mhumiex postijiet ta’ xogħol nieqsa mill-problemi għall-istaff.

Xi wħud minn dawk il-problemi jiġu mill-attitudni arroganti ta’ ċerti tobba konsulenti. Xi wħud huma mill-aktar eżemplari u ammirevoli, kemm Maltin u kemm barranin. Imma xi wħud oħrajn għandhom attitudni arjuża li hi tabilħaqq sorprendenti. Qishom is-sidien tal-post. Sa jgħajtu man-‘nurses’ mingħajr mistħija jew rispett. U allaħares lilhom tmerihom b’nofs kelma! Attitudnijiet bħal dawn ma jagħmlu ġieħ lil ħadd.

Hemm, imbagħad, l-indħil fit-tmexxija tal-‘wards’ minn nies li jkunu parti minn amministrazzjoni li m’għandhiex kuntatt mal-pazjenti jew mal-klijenti ġenerali tal-isptarijiet. Dawn in-nies burakratiċi jitwebblu b’titjib li, għalkemm fuq il-karta jkun jidher xieraq, fil-prattika la jkun kunsiljabbli u wisq anqas ta’ ġid għall-pazjenti. Madanakollu jiġri li dawn in-nies jagħmlu l-liġi; u l-liġi, għalkemm fażulla, trid tiġi obduta. Dan la hu tajjeb hawnhekk fl-isptarijiet u lanqas f’inħawi oħra ta’ xogħol u ħidma.

Staff appoġġjat

L-isptarijiet huma postijiet ta’ delikatezza bla qjies. Il-klijentela tagħhom hija magħmula l-aktar minn nies fl-aktar punt dgħajjef tagħhom, ħafna drabi fl-agħar waqtiet ta’ ħajjithom. Huma nies li jeħtieġu paċenzja, kura, sensittività u mħabba. Fortunatament, kemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u kemm fl-isptar Mater Dei, għandna nies kompetenti u simpatetiċi biżżejjed biex din l-attenzjoni u għożża jagħtuha.

Iżda jista’ jkun appoġġ akbar għal min qiegħed f’kuntatt dirett mal-pazjent. Appoġġ, mhux impożizzjonjiet u prepotenzi. Fuq kollox, l-ilmenti u t-talbiet ġusti tal-istaff li huma impenjat direttament mal-klijent għandhom jiġu mwieżna sew u mogħtija widen meta huma sensibbli.

Tkun demoralizzanti jekk l-istaff jitħalla jaqdef għal rasu jew jaħseb li m’għandux leħen li jinstama’. Dan hu perikoluż ferm, l-aktar, wara kollox, għall-pazjent stess.

Fl-aħħar nett, nagħlaq billi nuri l-gratitudni tiegħi lill-konsulenti, it-tobba, in-‘nurses’, il-‘carers’, il-‘helpers’, il-‘cleaners’ u l-voluntiera kollha li ħadu paċenzja bija kemm domt fosthom, kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Grazzi minn qalbi!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?