600 sena mill-ħruq ta’ Jan Hus

Ma xtaqtx li jgħaddi dan l-anniversarju mingħajr ma nsemmi u nsellem li Jan Hus. Ridt li dan nagħmlu qabel, iżda ċ-ċirkustanzi ma ppermettewlix. Jan Hus jistħoqqlu t-tifkira ta’ kulmin iħobb is-sewwa u l-ħaqq mhux biss minħabba l-mod traġiku u intolleranti ta’ kif temm ħajtu iżda fuq kollox minħabba l-mod sabiħ ta’ kif għexha.

Ħajja sabiħa

Ħajja ta’ bniedem hi sabiħa meta dan jgħixha f’armonija mal-kuxjenza tiegħu. L-agħar ħaġa li jista’ jagħmel huwa dak li jagħmel kulħadd. Dan hu sinjal ċar li bniedem tilef it-triq u ma jafx fejn hu sejjer. Meta bniedem jibda jisma’ dak li jisma’ ħaddieħor, jgħid dak li jgħid ħaddieħor, iġib ruħu bħalma jġib ruħu ħaddieħor u jaħseb bħalma jaħseb ħaddieħor, nistgħu nibqgħu ċerti li ħajtu tkun tilfet is-sbuħija li seta’ jkollha, għax ruħu tkun tħammġet u ntremiet.

Il-bniedem li jċedi l-ħsieb u r-rieda tiegħu lil ħaddieħor ikun qisu rikeb waħda minn dawk il-mekkaniżmi ċatti (bħalma jkun hemm fl-ajruporti) li jmexxuk mingħajr ma timxi. Jieħdok fejn irid hu. U saqajk, li jeħduk fejn trid int, ma jagħmlu xejn. Alla tana l-ħsieb u r-rieda mhux biex inċeduhom lil ħaddieħor, iżda biex inħaddmuhom bil-kuxjenza u r-responsabbiltà.

Hu dan li jagħmel lil ħajjitna sabiħa. L-indipendenza u l-awtonomija li għandna b’mod naturali. Il-kuxjenza ma titħadditx meta jitħaddet ħaddieħor. Inkunu raqqadnieha meta widnejna jkunu mwaqqfa għall-ħsejjes li jagħmel ħaddieħor bil-ġibda tar-rieda tiegħu.

Min kien Hus?

Jan Hus la ċeda ħsiebu u r-rieda tiegħu u wisq anqas ma raqqad il-kuxjenza tiegħu. Hu għalhekk li kien riformatur kbir tal-Knisja Kattolika. Għex fis-sekli 14 u 15 (twieled madwar l-1369 u qatluh fl-1415), seklu sħiħ qabel Luteru. Kien saċerdot, filosfu u teologu minn dak li llum tissejjaħ ir-Repubblika Ċeka, fejn hu meqjus bħala personalità nazzjonali.

Iżda l-siwi tal-ħajja u l-mewt ta’ Hus tmur lil hinn minn pajjiżu. Huwa sema’ s-sejħa tal-kuxjenza tiegħu biex irodd is-sewwa u l-ħaqq fejn kienet dolorożament nieqsa, u ġab ruħu skont l-amar tagħha. Impressjonat mill-kitbiet ta’ riformatur kbir ieħor ta’ qablu, l-Ingliż John Wycliffe (1331–1384), Hus fittex li jxandar evanġelju ta’ sempliċità u mogħdrija li bih spiċċa biex hedded bil-kbir il-qawwiet u s-setgħat politiċi u ekkleżjastiċi ta’ żmienu.

M’għandniex xi ngħidu, dan ġablu ħafna nkwiet ... iżda li hu laqa’ bl-akbar konvinzjoni u serenità. Ma beżax la mit-theddid, la mit-tbatijiet, la mit-tradimenti u, fl-aħħar mill-aħħar, lanqas mill-mewt. Bħalma kien dmiru, sema’ aktar mill-kuxjenza tiegħu milli mit-tinbiħ ta’ madwaru. Kien il-Konċilju ta’ Kostanza li kkundannah għall-mewt u ħarqu ħaj fis-6 ta’ Lulju tal-1415, 600 sena ilu. Il-mewt laqagħha bi qdusija bla qies.

F’armonija mal-kuxjenza

L-istorja tal-intolleranza tas-sengħana hi twila u mdemma. Iżda dejjem fiha mill-anqas kwalità waħda li tiddistingwiha: id-diżonestà. Hekk kien minn żmien il-qedem, hekk ġara fil-qtil ta’ Hus, hekk isir illum u hekk jibqa’ jsir dejjem. Id-diżonestà ma fihiex partiti u setet. Tista’ taħkem lil kulħadd, l-aktar lil dawk li għandhom jew jaħsbu li għandhom is-setgħa jiddeċiedu l-ħajja jew il-mewt ta’ ħaddieħor. Nafuha sew din: “Ma tafx li jien għandi s-setgħa li neħilsek u għandek s-setgħa li nsallbek.”

Kemm nies issallbu tul iż-żmien u għadhom jissallbu! Dejjem f’isem is-sewwa. Xi kultant f’isem Alla l-Imbierek innifsu!

Iżda nistgħu nibqgħu ċerti li l-bniedem li jsallab lil ħaddieħor hu msallab hu nnifsu. Għax id-diżonestà tiegħu—ħafna drabi moħbija u mistura sewwa taħt pretesti, teoriji u ġustifikazzjonijiet kumplikati u elaborati—hi dejjem, dejjem korrotta u maħmuġa.

Ilkoll għandna nitgħallmu minn nies ammirevoli bħal Jan Hus billi l-ħajja tagħna naħdmu bis-sħiħ biex nagħmluha dejjem isbaħ f’armonija mal-kuxjenza tagħna.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?