Impieg xieraq

Meta nitkellmu fuq impieg xieraq m’għandniex nifhmu biss li wieħed jew waħda jkunu jaħdmu f’xogħol li ma jbaxxihomx bħala bnedmin. Nifhmu wkoll li l-kundizzjonijiet li fihom dawn jidħlu f’kuntratt kummerċjali ma’ ħaddieħor għal tul ta’ żmien ikunu dennji u ġusti.

Moralità minsija

Tabilħaqq, jeżistu nies—u jistgħu ma jkunux ftit—li ma jarawx u ma jħossux li hemm rabta bejn li wieħed iħaddem lil ħaddieħor u l-moralità. Donnu għalihom kollox jgħodd. Imbasta ma jmorrux ħażin il-profitti tagħhom. Għaldaqstant jippruvaw jisfruttaw lil ħaddieħor u s-servizzi li jistgħu jagħtuhom mill-aħjar li jistgħu.

Nies li għalihom m’hemmx rabta bejn l-impjegar ta’ ħaddieħor u l-moralità jipprovaw jiskappriċċaw il-liġi kemm jista’ jkun filwaqt li jisfruttaw id-dgħufijiet ta’ dawk li jħaddmu. Huma jafu sewwa kemm hi għalja l-ħajja (u, għalhekk, in-nies għandhom bżonn l-impjieg u l-flus) u jafu wkoll kemm is-suq hu kompetittiv. Dawn il-fatturi jqisuhom vantaġġi għalihom għax jagħmlu l-isfruttar ta’ ħaddieħor aktar faċli.

Illum, meta l-unjins saru f’diversi oqsma bla snien, u r-regoli neo-liberali tas-suq saru jinkoraġġixxu l-ispekulazzjoni kummerċjali, nies li jifirdu l-impjegar tan-nies mill-moralità jispiċċaw mingħajr sens ta’ ġustizzja u ħafna drabi anki mingħajr prudenza. Jużaw in-nies għall-vantaġġi tagħhom mingħajr wisq skruplu. L-uġigħ tal-ħaddiema mhijiex problema tagħhom.

Id-dieqa tal-prekarjat

Attitudni bħal din hija immorali u diżumana. F’termini reliġjużi hija dnub. Min, fil-ħidma tiegħu li jħaddem in-nies għax-xogħol u jagħtihom impjieg, ma jħossx li għandu jkolli gwidi morali—jiġifieri ta’ x’inhu tajjeb u ħażin—ħafna drabi jonqos mir-rispett li jixraqlu kull bniedem. L-isfruttar tan-nies u d-dgħufijiet tagħhom mhuwiex sewwa u jonqos serjament mil-liġi tal-imħabba li suppost tnebbaħ kull azzjoni li nagħmlu.

Il-ġimgħa li għaddiet saret laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, is-Sur Josef Bugeja, dwar l-impjiegi prekarji. Id-diskussjoni li saret ġabitni aktar konxju, l-ewwel nett, ta’ kemm jeżistu nies fostna f’sitwazzjonijiet diffiċli li minħabba fihom jistgħu jiġu sfruttati bil-goff minn min iħaddem, u t-tieni, ta’ kemm jeżistu nies li jisfruttaw id-dgħufijiet tan-nies meta jħaddmuhom b’kundizzjonijiet diżumani u inġusti. Dan hu ta’ dieqa.

Is-suq kapitalista li fih ngħixu donnu jippresta u jinkuraġġixxi ż-żewġ naħat ta’ din il-munita: idgħajjef in-nies u jħejjihom għall-isfruttament; u jagħti lok biex min iħaddem fil-fatt jużu dan l-isfruttament għar-regħba tiegħu. Is-suq kapitalista m’għandux moralità u ma jaċċettax moralitajiet li jeżistu ’l barra minnu. Juża biss il-liġi tal-ġungla li min hu b’saħħtu donnu għandu l-permess jgħaffeġ fuq ħaddieħor u juża lid-dgħajjef kif jidhirlu hu.

Id-dnub ikrah tar-regħba

Kulmin iħaddem lil ħaddieħor għandu jkun jaf u jiftakar dejjem li ebda bniedem ma jixraqlu li jkun sfruttat, aktar u aktar minħabba l-iżvantaġġi li jsib ruħu fihom jew minħabba xi raġuni oħra, hi x’inhi. Kulmin iħaddem m’għandu jinsa qatt li l-profitti u l-flus m’għandhomx jiġu qabel jew ’il fuq mir-rispett tal-persuni u d-dinjità tagħhom.

Il-liġi tal-ġungla li s-suq kapitalista jinkoraġġixxi, liġi mingħajr moralità jew deċenza, hija r-reċetta perfetta li tkompli tgħarraq id-dinja aktar milli diġà hi u tgħoddos lill-umanità f’aktar u aktar miżerja. Jekk min iħaddem jieqaf jagħti kas tat-tbatijiet ta’ ħaddieħor, tal-prekarjetà ta’ ħaddieħor, allura m’hemmx limiti għal dak li jkun lest li jagħmel biex imantni r-regħba tiegħu.

Ir-regħba ma tixba’ qatt. Il-ġuħ tagħha ma trażżnux. Aktar ma’ tiekol u taħtaf, aktar trid. Ir-regħba hija marda morali serja u dnub ikrah. Fuq kollox, hija vizzju li ġġib ħafna ħsara u tbatija. Tonqos mill-imħabba u, jekk xejn, mill-ġustizzja distributtiva (jew soċjali).

Il-kapitaliżmu qiegħed jeqred id-dinja kif dejjem għamel u dejjem jibqa’ jagħmel. Iżda la int, la jien u la ħadd m’għandu jkun kompliċi miegħu jekk ma jridx li ninsew li aħna bnedmin u li l-umanità hija l-familja waħda tagħna.


Comments

  1. Naqbel mieghek Fr Mark imma irridu niprovdu suluzjonijiet. jien ili nipprova naghmel dan zmien twil, imma dejjem sibt ostakli kbar .bizzejjed nghidlek li giel gibt edituri ta gazzetti f'konflit ta interess.kien hemm min minnhom, ilu hafna, issogra johrog ongu ghalija u jkolli nghid qalaghha.

    ReplyDelete
  2. What you wrote is just the beginning! In the near future all workers will be part of the 'prekarjat' until the day they die! Read here http://www.theguardian.com/society/2015/nov/29/five-ways-work-will-change-future-of-workplace-ai-cloud-retirement-remote

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?