Is-seħer tal-ktieb

Kull ktieb għandu lsien, xi minn daqqiet aktar minn wieħed, u kull ilsien bħal donnu mhuwiex bħal ieħor. Xi kultant ilsien jissawwar minn kliem, drabi oħra minn xbihat u waqtiet oħra mit-tnejn flimkien. Kull ktieb jitkellem u aħna nisimgħuh―għall-anqas ħafna drabi―u jgħidilna l-istejjer. Imma qabel il-ktieb hemm it-tiġrib tagħna, tiġrib li jinħadem fi ħsiebna mill-ħsus ta’ ġisimna u ruħna. Fuq fomm il-ktieb it-tiġrib isir stejjer, xi kultant bi kliem id-dehen, xi kultant bi kliem id-demm. Imbagħad il-ktieb jiskot u, hekk kif jiskot, jimbxek bis-skiet li jħalli warajh sabiex fih int tkun tista’ toħloq stejjer ġodda mit-tiġrib ta’ ħajtek. Il-ktieb hu hekk minn qaddisu: irabbi l-ġwienaħ lir-ruħ. Dan hu s-seħer li jrodd.

L-ilsna tal-ktieb

Sakemm bniedem ikollu miegħu ktieb ma jistax ikun waħdu. Għax il-ktieb mhuwiex biss kumpanija, imma hu wkoll bniedem ieħor li jkellmek. Spiss ikollna l-kumpanija ta’ ħaddieħor, u xi minn daqqiet ukoll ikollna nies madwarna li qegħdin ipaċpċu. Imma mhux dejjem ikollna madwarna nies li jkellmuna. Xi wħud lanqas biss iqisuna ta’ età, maturità, responsabbiltà jew kuxjenza biżżejjed sabiex jitkellmu magħna. Bħallikieku ma neżistux.

Iżda l-ktieb u l-bnedmin li jkellmuna fih ma jagħmlux għażliet bħal dawn. Ikellmu lil kulħadd. Iqisuna ta’ nies li jistħoqqilhom kelma. Huma dawn in-nies li rridu madwarna. Mhux min itaqqalna jew jeħdilna rasna, iżda nies li jżommulna kumpanija. Li magħhom inħossuna komdi. Li magħhom nistgħu nitkellmu aħna wkoll.

Il-kotba jitkellmu mingħajr xjuħija. Mill-qedem jew mill-bieraħ, il-kelliema mill-kotba jinstemgħu ċari daqs li kieku qegħdin quddiemna, jaqsmu l-istess intimità tagħna. Il-kotba jitkellmu għax nisimgħuhom; għax nagħtuhom widen; għax inħossuna fi sħubija magħhom. Ikellmuna għax għandhom il-ħila jiftħu fommhom f’qalbna, hemmhekk fejn għandna d-dellijiet, is-swidijiet u d-dwal ta’ ruħna.

L-ilsna tal-kotba huma ta’ elf miljun għamla; jitkellmu dwar kollox, mill-ekwazzjonijiet li jkejlu bihom l-univers sal-ħmerijiet li jġegħluna nitbissmu. Għorrief, boloh, ħassieba, imferfxin, ħerqana, raqqadin, ħorox, dgħajfin, tekniċi, sempliċi ... huma kollha ilsna li jiftħu qalbhom magħna; li jżuruna u, fl-aħħar mill-aħħar, iħobbuna.

L-istejjer tal-ktieb

Hu x’inhu dak li jitħaddet dwaru ktieb, DEJJEM jgħid storja jew oħra, u mhux waħda biss. Jekk jitħaddet dwar xjenza, dwar filosofija, dwar il-ġrajjiet l-imgħoddija, dwar politika, dwar ħrejjef, dwar reliġjon, dwar tisjir, dwar miljuni u miljuni ta’ ħwejjeġ oħra, il-ktieb, KULL ktieb, dejjem jgħid l-istejjer.

Għax ħajjitna ħlief stejjer m’għandniex. Dak kollu li nafu jew li nistgħu nsiru nafu hu parti minn storja waħda twila ― l-istorja tal-ġens tagħna; l-istorja tal-familja tagħna: il-ġens uman; il-familja umana. Joktru l-ilsna, jiżedu l-kotba, imma l-istorja tibqa’ dejjem l-istess waħda, mibdula u msawra f’miljuni ta’ miljuni ta’ lwien u xejriet differenti; kollha sbieħ.

Il-bniedem ma kienx jikteb minn dejjem. Il-kitba bdiet f’żewġ imkejjen maqtugħa minn xulxin: il-Mesopotamja (fl-Iraq tal-lum) aktar minn 5,000 senu ilu u l-Mesoamerica (fil-Messiku tal-lum) madwar 3,000 sena ilu. Il-kotba kif nafuhom illum bdew ħafna wara: xi 1,800 sena ilu fiċ-Ċina, xi 800 sena ilu fl-Indja u madwar 700 sena ilu fl-Ewropa. Tabilħaqq, minkejja li l-bniedem ma kien jikteb minn dejjem, minn dejjem kien jgħid l-istejjer. U jibqa’ jgħidhom sakemm idum jeżisti.

Din hi s-sbuħija tal-ħajja: li tkun taf tgħid l-istorja ta’ ħajtek. Hija ġrajja li għandha sehem minn storja akbar: l-istorja tal-familja umana.

Is-skiet tal-ktieb

Wara kull ktieb jiġi s-skiet. Jiskot hu biex titkellem int. Għax kliemek, maħdum mill-ħajja li tgħix, huwa t-twettiq tat-tamiet li jross fi ħdanu l-ktieb. Dan huwa s-siwi tal-kotba. Ifakkruk u jgħallmuk, imma fuq kollox jiftħulek bibien ġodda biex iħallu ’l ħajtek tgħid tagħha bl-għamla li tifhem u taf. Kull ktieb hu stedina biex inti tiftaħ fommok u tieħu r-ruħ.

Hija ĦAJTEK il-qalba ta’ kull ktieb. Biex, wara kollox, tagħraf tgħixha bl-hena fil-hemm u bil-faraġ fin-niket; tgħixha bit-tama fit-tiġrib u l-fidi fit-taqbid. Il-ktieb hu ħabib li jaf ikellem lil qalbek u jaf, imbagħad, jiskot biex titħaddet int bl-għemil ta’ ħajtek. Għax dan biss, fuq kollox―li tgħix ħajtek aħjar―dan biss hu l-ħsieb ewlieni ta’ kull ktieb. U mhux tiegħek waħdek, imma tiegħek flimkien ma’ ta’ ħaddieħor.

Għax bħalma kull ktieb, mill-ħolqien u s-sura tiegħu stess, iġibna flimkien, hekk ukoll hu biex ngħixu aħjar flimkien li jkellimna, imantnina u jindokrana. Ħadd ma jista’ jikber waħdu. Tista’ tgħix waħdek, jekk trid, jew tgħix għal rasek, iżda ma tistax waħdek tikber. Nikbru flimkien. Waħedna niċkienu biss. Hekk tnissilna bħala ġens u hekk biss nistgħu hienja ngħixu.

Din il-ġimgħa qis li żżur il-Fiera tal-Ktieb il-Belt.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?