L-għożża tal-‘Kantilena’

Bħalissa tistagħġibx li l-ktieb jieħu ċerta prijorità. Il-Fiera tal-Ktieb (li tintemm illejla) toħloq din is-sensazzjoni fostna biex niffokaw fuqna nfusna bħala poplu li jaqra. F’din l-edizzjoni tal-Fiera huma ħafna l-kotba li jinħarġu għall-pubbliku. Jien se nkellmek dwar wieħed minnhom li jittratta l-famuża poeżija (jew għanja) ta’ Pietru Caxaru: dik li tissejjaħ il-Kantilena.

X’inhi l-Kantilena?

Il-ktieb il-ġdid, imsejjaħ Pietru Caxaru u l-Kantilena Tiegħu, inkiteb u nġabar minni stess u qiegħed jiġi maħruġ minn Pubblikazzjonijiet Faraxa. Huwa ktieb maħsub bħala punt ta’ referenza għal dawk kollha li tinteressahom il-Kantilena ta’ Caxaru, iżda wkoll għal dawk kollha li jħobbu l-ilsien Malti. Ovvjament, is-suġġett ewlieni tal-ktieb hija l-Kantilena nnifisha.

Din il-poeżija jew għanja bil-Malti nkitbet madwar 550 sena ilu. Infatti, hi l-eqdem evidenza miktuba li għandna tal-ilsien Malti. Il-kittieb tagħha, Pietru Caxaru (twieled għall-ħabta tal-1400 u miet fl-1485), kien nutar u mħallef mill-Imdina. Jinsab midfun fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat.

Jeżisti manuskritt wieħed ta’ din il-poeżija. Jinsab fl-Arkivju Nutarili, il-Belt. Iżda għal għal ħames sekli ħadd ma kien jaf bih. Sakemm instab fl-1966. Wara, il-poeżija saret l-aktar waħda magħrufa, diskussa u studjata fil-letteratura Maltija.

Ktieb għal kulħadd

Il-ktieb ġdid idaħħlek biex taqra, tifhem u tapprezza din il-poeżija, li hija biċċa opra artistika mill-isbaħ. Għalkemm fiha biss sittax-il vers, is-seħer tagħha huwa ta’ ġmiel liema bħalha. Il-poeżija llum hija meqjusa ta importanza kbira mhux biss għall-istorja tal-letteratura u l-kultura ta’ pajjiżna, iżda wkoll għall-identità nazzjonali tagħna.

It-tagħrif li tingħata fil-ktieb Pietru Caxaru u l-Kantilena Tiegħu hu ta’ ħafna xorta. Jgħarrfek min kien Pietru Caxaru, min ittraskriva l-manuskritt tal-Kantilena, min sabha wara ħames sekli, kif ġiet skoperta, x’attivitajiet kulturali saru marbutin magħha, kif tista’ taqraha u tifhimha, xi żbalji fih il-manuskritt fejn instabet, kif issib il-qabar tal-awtur tagħha, min kienet is-sieħba tiegħu, u xi studja ħarġu f’dawn l-aħħar sittin sena dwar il-Kantilena.

Il-ktieb miktub b’faċiltà għal kulħadd. Mhemmx għalfejn tkun studjuż għalih. Il-ħsieb hu li l-Kantilena ssir aktar magħrufa u apprezzata. Jekk dan int għadek m’għamiltux, hawn għandek opportunità tad-deheb biex issir taf dwar l-eqdem kitba li nafu li teżisti bl-ilsien Malti.

Tagħrif ġdid

Inkiteb ħafna dwar il-Kantilena f’dawn l-aħħar sittin sena. Iżda dejjem jibqa’ x’wieħed jiskopri fiha, dwar l-awtur tagħha, dwar it-traskrittur tagħha u dwar iż-żmien ta’ meta nkitbet. F’din il-pubblikazzjoni l-ġdida jingħataw għadd ta’ indikazzjonijiet dwar dawn l-oqsma kollha.

Waħda minnhom (biex tieħu daqsxejn togħma) hija li, meta t-traskrittur tagħha—ċertu Brandan Caxaru—ġie biex iniżżilha bil-kitba mill-memorja, ma kellux f’moħħu reċitazzjoni poetika (bħal meta niftakru poeżija u nirrepetuha). Kellu f’moħħu għanja msawra fuq melodija partikulari. Il-poeżija kif inhi miktuba llum jista’ jkollha evidenza biżżejjed biex turi li t-traskrittur għanna din l-għanja (mentalment jew vokalment) waqt li kiteb il-lirika tagħha hekk kif ġiet f’moħħu.

Tagħrif ieħor interessanti ġdid li jingħata f’dan il-ktieb huwa dwar is-sieħba ta’ Pietru Caxaru, ċerta waħda Duminka. Qatt qabel ma ġie ppubblikat xejn dwarha. Issa, għall-ewwel darba, jingħata tagħrif dwar min kienet, x’karattru kellha u x’relazzjoni ta’ mħabba fit-tul kellha ma’ Pietru Caxaru.

Insomma, dan hu ktieb li m’għandekx tgħaddi mingħajru. Hu interessanti u jkabbar fik l-imħabba għall-ilsien Malti, għat-tradizzjoni letterarja tiegħu u, fuq kollox, għall-dik l-opra tant sabiħa: il-Kantilena. Skopriha!.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?