Vjolenza ġġib vjolenza

Ilkoll, xi kultant, inħobbu nilagħbuha tal-vittma. Hija attitudni li tpaxxi l-ego tagħna; b’xi mod tikkonferma l-eżistenza tagħna u tiġġustifikana fil-fehmiet li nżommu b’tant għira u kbura. Iżda ħafna drabi, ħafna aktar milli jmissna, ninsew il-vjolenza tagħna nfusna fuq ħaddieħor. Inwerżqu meta nħossuna vittmi (u bir-raġun), iżda l-vittimizzazzjoni ta’ ħaddieħor nilqgħuha b’silenzju biered, kważi bi tbissima.

Il-‘mhux vittmi’

L-attakki ħorox u insensati f’Pariġi l-ġimgħa li għaddiet qajmu lil kulħadd b’ħasda krudili. L-għadu ġo nofsna, bħal serp moħbi fil-ħaxix, għolla rasu biex fakkarna kemm hi dgħajfa u impotenti s-sigurtà li niftaħru li għandna. Il-qtil tal-innoċenti, speċjalment meta jsir bi vjolenza kkalkulata, bir-raġun iġib għadab u stmerrija.

Vjolenza bħal din, nipprotestaw, hija inaċċettabbli, inċivili, barbara, inumana, kundannabbli, godarda ... Mitt darba u elf. Iżda daqstant ieħor hija KULL vjolenza. Bil-bombi jew mingħajrhom. Fid-deher daqskemm fil-moħbi. Bis-salvaġġ daqskemm bil-pulit. F’isem Alla daqskemm f’isem il-paċi. Kull vjolenza hi ħażina.

Ibda bil-gvern ta’ Franza, żid l-Unjoni Ewropea, kompli bin-NATO u spiċċa bil-Ġnus Magħquda, dawn ħadd minnhom m’għandhom idejhom nodfa minn demm l-innoċenti. Għalihom il-vjolenza hi biss dik tas-sura li seħħet f’Pariġi ... u arahom b’leħen wieħed jgħollu karba ta’ qsim il-qalb. Iżda l-vjolenza li jagħmlu HUMA lil ħaddieħor—ibda minn ġos-Sirja—ma tgħoddx. Il-vittmi tagħhom mhumiex vittmi; l-innoċenti tagħhom mhumiex innoċenti; il-vjolenza tagħhom mhijiex vjolenza.

Vjolenza moħbija

Jien ngħidlek li l-gvernijiet ‘iċċivilizzati’ ma jagħmlu xejn għajr ifittxu suriet u għamliet ta’ kif jagħmlu l-vjolenza mingħajr ma jinqabdu; joħolqu għeriebel u xbihat u verbaliżmu sabiex jgħattu u jaħbu u jogħstru l-vjolenza kontinwa tagħhom. Idejhom kollhom ‘demm’, imma demm trasparenti.

Ħafna jibku lil Franza bħalissa u bir-raġun. Iżda ftit li xejn jibku l-vittmi tagħha, kemm fi Franza stess u kemm lil hinn mit-truf tagħha. Ħafna jikkundannaw il-vjolenza li jagħmlilhom ħaddieħor. Iżda mhux il-vjolenza li jagħmlu huma lil ħaddieħor.

Franza stess irritaljat għall-vjolenza tal-ġimgħa li għaddiet billi żiedet, flimkien ma’ sħabha, l-attakki tagħha fis-Sirja. Ħadd ma kkundannaha. Ħadd ma kebbes xemgħa waħda lill-vittmi tagħha. Ħadd ma skrupla jibqa’ sieket. Ħadd ma wera solidarjetà. Bil-kontra, kulħadd qies dan l-aġir vjolenti, oxxen u ippokritu bħala ġustifikat u aċċettabbli. Donnu ħadd ma ftakar li m’għandekx tagħmel lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmlu lilek.

Dinja perikoluża

Kull vjolenza hi tweġiba għal vjolenza oħra. Vjolenza ġġib il-vjolenza. Ħadd mill-vjolenti ma hu innoċenti. Ħadd ma hu ġġustifikat fil-vjolenza li jwettaq. Il-vjolenza hi kundannabbli dejjem u kullimkien; issir minn min isir; issir għal-liema raġuni ssir. Kemm jekk hi ‘ċivilizzata’ u leġittimizzata u kemm jekk hi salvaġġa u bla permess ta’ ħadd.

Ir-realtà hi li, bil-ġustifikazzjonijiet arbitrarji tagħna ta’ x’jikkostitwixxi vjolenza, qegħdin noħolqu dinja dejjem aktar vjolenti u perikoluża biex ngħixu fiha. Għandna lil min irid joqtlok bil-bombi daqskemm għandna (jekk mhux aktar) lil min irid joqtlok bid-demokrazija. Kemm il-wieħed u kemm l-ieħor iriduk toqgħod għalihom u tpaxxihom.

Aħna vittmi tagħhom ilkoll. Tal-militanti daqskemm ta’ gvernijiet ipokriti u idolatri li joqtluk mingħajr sikkina. Forsi anqas għandna nibżgħu minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ milli minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.



Comments

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?