Sunday, 13 December 2015

Einstein u s-Soċjaliżmu

Għalkemm ħafna semgħu bit-Teorija tar-Relattività ta’ Einstein u jafuh bħala fiżiċista mill-akbar, aktarx anqas huma midħla tal-ħsibijiet politiċi tiegħu. Ngħidu aħna, ftit jafu li kien soċjalista konvint u oppożitur qawwi tal-kapitaliżmu. Minħabba l-istatura kbira ta’ dan il-bniedem, aktarx huwa xieraq li wieħed jaħseb daqsxejn dwar dak li kellu xi jgħid dwar id-dinja ekonomika u politika tagħna u dwar is-soluzzjoni li ra għall-problemi tagħha.

Konsistenza

L-ideat politiċi ta’ Albert Einstein (1879–1955), kif ukoll l-azzjoniijet li wettaq fuq il-bażi tagħhom, jikxfu konsistenza konsiderevoli. Diġà, sa mill-1927, meta ħa sehem fil-kungress tal-Lega Kontra l-Imperjaliżmu fi Bussell, huwa ħa pożizzjoni ċara fuq ’l fejn kien ixaqleb f’kwestjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi.

Ippersegwitat bla ħniena min-Nażisti minħabba n-nisel Lhudi tiegħu, fl-Amerika, fejn kellu jaħrab, huwa appoġġja kemm seta’, b’qawwa kbira u bil-miftuħ diversi movimenti għall-promozzjoni tad-drittijiet ċivili, fosthom dawk li jipproteġu l-omosesswali. L-involviment tiegħu fil-bini tal-ewwel bombi atomiċi mill-Istati Uniti tal-Amerika (sehem li għalih baqa’ josgħob bih sa mewtu) kien sar taħt il-pressjoni tat-terrur Nażista.

Einstein kien dejjem paċifista. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, huwa ħadem biex il-Lhud u l-Għarab jgħixu fil-paċi ġewwa l-Palestina fi stat wieħed u kien b’riservi kbar li kellu jaċċetta t-twaqqif l-Istat ta’ Iżrael. Fi żmien meta l-Gwerra l-Bierda kienet bdiet sewwa, Einstein appoġġja l-viżjoni soċjalista u oppona l-kapitaliżmu.

Il-kaos tal-kapitaliżmu

L-aqwa espressjoni ta’ din il-viżjoni tiegħu kienet artiklu famuż li xandar f’Mejju tal-1949 fir-revista Monthy Review (New York) bl-isem ‘Għala s-Soċjaliżmu?’ Għalkemm Einstein ma kienx espert ekonomu u lanqas analista soċjali professjonali, mill-punto di vista ta’ fiżiċista pur kellu interess kbir u dirett fil-preżent u speċjalment fil-ġejjieni tal-ġens uman. Kien minn hawn li ġie l-interess tiegħu fil-politika u l-preferenza tiegħu għas-soċjaliżmu.

L-argument ewlieni ta’ Einstein għala jappoġġja s-soċjaliżmu jistrieħ fuq l-osservazzjoni li l-kapitaliżmu jeqred lill-bniedem, kemm kollettivament u kemm individwalment. Skont Einstein, billi l-kapitaliżmu jikkapparra l-mezzi ta’ produzzjoni, iġib kull ħaddiem salarjat dipendenti fuqu, joħloq oligarkija ta’ kapital privat u jġiegħel il-politiċi jiżfnu għad-daqqa tas-suq, huwa jtellef l-‘ekwilibriju’ li kull bniedem ifittex għalih innifsu, jeżolah minn kulħadd u jġibu f’solitudni tal-waħx.

“Il-kaos ekonomiku tas-soċjetà kapitalista kif jeżisti llum,” jgħid Einstein, “hu il-veru għajn ta’ dan il-ħażen kollu.” U jissokta: “Il-kapitaliżmu jimmanka n-nies; u dan huwa l-agħar ħażen tiegħu”.

Twissijiet u għażliet

Għal Einstein, is-soċjaliżmu huwa s-soluzzjoni li kapaċi jrażżan dan il-ħażen. Is-soċjaliżmu, skont hu, jippjana l-ekonomija; u din hi d-differenza kbira mill-kapitaliżmu, li jħalli mingħajr rażan lill-qawwi jsir aktar qawwi, lis-sinjur aktar sinjur, lid-dgħajjef aktar dgħajjef u lill-fqir aktar fqir. Is-soċjaliżmu, isostni, iqabbel il-produzzjoni mal-bżonnijiet tal-komunità.

Iżda, skont Einstein, anki s-soċjaliżmu għandu l-perikli tiegħu. Qabel xejn, ma jistax jaħdem mingħajr programm serju ta’ edukazzjoni tal-massa. It-tieni, irid jirreżisti t-tentazzjoni [Bolxevista] li jrodd is-setgħa kollha politika u ekonomika f’idejn l-istat. It-tielet, m’għandux joħloq sistema burokratika li tfixkel flok tgħin. L-aktar importanti, m’għandux jitlef is-sens ta’ ġustizzja soċjali bbażata fuq id-drittijiet tal-individwu.

Dawn huma twissijiet sensibbli. Iżda xorta waħda, minkejja tagħhom, Einstein jagħżel is-soċjaliżmu demokratiku fuq il-kapitaliżmu u jarah bħala sistema soċjali, ekonomika u politika li l-aktar jirrispetta l-bniedem u jgħinu jgħix fir-rispett u l-ekwilibriju tiegħu nnifsu u tal-oħrajn.

Illum, meta l-kapitaliżmu neo-liberali qiegħed jagħmel ħerba mid-dinja kollha, dawn il-kliem ta’ bniedem hekk għaref għandhom jingħataw widen u jiggwidaw lil min jitmexxa daqskemm lil min imexxi.

_____________

L-artiklu ta’ Einstein tista’ ssib hawnhekk: http://monthlyreview.org/2009/05/01/why-socialism/



1 comment:

  1. Dawn l-affarijiet kif qatt ma tghallimthom l-iskola? kif qatt ma tghallimt fuq l-antropologija ecc. tghallimt hafna kif ghandek tkun lejali u tmur tiggieled ghal xi mexxej u kif ghandek tghajjar in-nies ta religjonijiet ohra jew dawk ta bla religion.Dawn iva dawn tghallimthom

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever