Sunday, 6 December 2015

Gwerra anti-kostituzzjonali

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gvern u l-oppożizzjoni daħħlu lil Malta fi gwerra. Hija l-ewwel darba, mill-Indipendenza lil hawn, li ninsabu uffiċjalment fi stat bħal dan ... minkejja li l-Kostituzzjoni tagħna tistqarr li dan ma jistax isir b’mod leċitu, u minkejja li aħna pajjiż uffiċjalment newtrali. Għall-biċċa l-kbira tal-poplu Malti u Għawdxi dan donnu ma hu xejn ... ukoll jekk issa ninsabu lkoll aktar vulnerabbli għall-attakki ta’ ħaddieħor.

Dover

Kapitlu 1, Artiklu 1, Paragrafu 3, tal-Kostituzzjoni tagħna tgħid espressament li “Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari”.

Minkejja din l-istqarrija ċara u tonda—u, għandna nżidu, sagrosanta—il-gvern u l-oppożizzjoni xorta waħda ddeċidew bejniethom li jiksruha u jmorru kontriha billi jsieħbu lil pajjiżna fl-alleanza militari ta’ Franza u l-Unjoni Ewropea kontra l-Istat Iżlamiku.

Fl-din l-istqarrija kostituzzjonali tagħna wieħed għandu jagħti kas partikulari u speċjali għall-kliem li jgħid li pajjiżna għandu “attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha”. Il-gvern u l-oppożizzjoni mhux biss għandhom id-dover kostituzzjonali li ma jsieħbu lil pajjiżna f’xi alleanza militari, inkluż dawk għal skopijiet ta’ gwerra, iżda, aktar minn hekk, għandhom id-dover li jaħdmu ‘attivament’ biex jippromovu l-paċi fost il-ġnus. Dan mhuwiex qiegħed isir.

Abbandun

Huwa ċar li, bit-tisħib ta’ Malta fil-gwerra, il-gvern u l-oppożizzjoni qegħdin jiksru l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna ... dik l-istess Kostituzzjoni, għandna ngħidu, li huma ħalfu li jħarsu u jipproteġu. M’għandniex xi ngħidu, huma qegħdin jonqsu mid-dover kostituzzjonali tagħhom.

L-istat uffiċjali ta’ newtralità u non-alineament li għandha Malta suppost jesprimi filosofija paċifika li hi differenti ħafna—anzi, il-kontra—ta’ dik ta’ pajjiżi oħra, inkluż ta’ Franza u tal-Unjoni Ewropea. Din il-filosofija politika tiċħad li tara l-gwerra bħala soluzzjoni ta’ xi ħaġa, u minflok tħaddan kull mezz leġittimu għaż-żamma tal-paċi u l-promozzjoni tal-ftehim bejn il-ġnus.

Iżda l-gvern u l-oppożizzjoni wrewna bil-fatti anti-kostituzzjonali tagħhom li abbandunaw din il-filosofija. Minflok, urewna li tnaxxru mill-ġnus l-oħra li jemmnu, kontra t-twemmin tagħna, li t-tweġiba għall-vjolenza hi l-vjolenza.

Ta’ min iżid hawnhekk li lanqas l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex ma jidhru li sabu oġġezzjoni għal dan—għax, sa fejn naf jien, ma qalu xejn fir-rigward—minkejja li kostituzzjonalment huma obbligati (Kap.1, Art.2, Para.2) li “jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena”.

Bluha

Sakemm il-gvern u l-oppożizzjoni (bis-sehem tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, forsi nistgħu nżidu) ma daħħlux lil Malta fil-gwerra, ħadd ma kellu għalfejn jobgħodna jew jattakkana. Ħaddieħor mhux hekk. Iżda issa, aħna għamilna minn rajna lilna nfusna—kontra d-dehen tal-Kostituzzjoni—oġġett ta’ mibegħda u, possibbilment, ta’ attakk.

Dan ifisser li l-gvern u l-oppożizzjoni (bis-sehem tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi) poġġew fil-periklu kulma l-Kostituzzjoni tagħna tipprevedi bħala l-konsegwenzi tal-filosofija tagħna tan-nuqqas ta’ gwerra u ta’ militanza militari u, għaldaqstant, tal-paċi, in-newtralità u n-non-alineament. Fi kliem ieħor, qtajna mneħirna biex inpaxxu lil ħaddieħor.

Aktarx il-biċċa l-kbira tagħna ma nirrealizzawx il-gravità ta’ din is-sitwazzjoni. Ma nirrealizzawx x’oltraġġ sar lill-Kostituzzjoni tagħna. Ma nirrealizzawx il-konsegwenza possibbli li jistgħu jiġu fuqna mingħajr bżonn u mingħajr m’aħna se nirbħu xejn.

Dak li b’din id-deċiżjoni għamlu l-gvern u l-oppożizzjoni (bis-sehem tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi) jista’ jġibilna ħafna aktar ħsara milli l-ħarsa qasira u dejqa tagħna tista’ tobsor. Ħallew il-ġejjieni tagħna għax-xorti u l-kapriċċi ta’ ħaddieħor. Mhijiex bluha din?


1 comment:

  1. ma tantx studjajt l-istqarija .imma jkolli nghid li kif tqeghdet hi fil-forma ta l-istqarijiet li kien jaghmel l-oraklu.ifima kif trid. nixtieq naf x'bidliet hemm mahsubin ghal kostituzjoni ta Malta

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever