Il-moralità Brusselljana

L-Istat Malti jistħajjel li hu wieħed lajk (jew sekulari). Tabilħaqq, hemm diversi provedimenti (sustantivi) fil-liġi li jikkonfermaw li hu hekk. Iżda l-amministrazzjoni governattiva tidher li qiegħda tilgħab mal-prinċipji li jagħmlu lill-Istat Malti wieħed lajk.

Firda bejn Knisja u Stat

Meta ngħidu ‘Stat lajk’ ħafna drabi nifhmu, fost affarijiet oħra, li f’Malta u Għawdex effettivament saret is-separazzjoni bejn Stat politiku u Knisja (Kattolika). Fil-prattika dan ifisser bosta affarijiet, fosthom li l-Istat iħaddan il-libertà reliġjuża, li m’għandux reliġjon statali, li ma jagħtix privileġġi jew sussidji statali li xi reliġjon, li jċaħħad li xi reliġjon milli jindaħlu fi ħwejjeġ tal-Istat, li ma jħallix li istituzzjoni governattivi jintużaw minn xi reliġjon, li ma jħallix li xi reliġjon tikkontrolla l-gvern jew teżerċitaw setgħa politika, li jillibera s-sistema legali mill-kontroll reliġjuż, li ma jħallix xi reliġjon taħkem is-sistema edukattiva jew il-kurrikulu edukattiv, li ma jopponix ċittadini li jibdlu r-reliġjon, li jħalli mexxejja politiċi jiksbu s-setgħa irrispettivament mit-twemmin reliġjuż tagħhom, u l-bqija.

Ma’ dawn hemm ukoll li l-Istat lajk ma jieħux deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ xi morali reliġjuża partikulari. Fi kliem ieħor, ma jħalli ebda reliġjon tgħidlu x’inhu tajjeb u ħażin. Fil-Kostituzzjoni ta’ Malta hemm imniżżel (Art.2, Para.2) li “l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika Apostolika Rumana għandhom id-dmir u l-jedd li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena”. Iżda daqshekk: jgħallmu biss. M’għandhomx jedd jimponu l-fehmiet morali tagħhom fuq l-Istat.

Prinċipju morali

Rigward moralità, il-prinċipju mħaddan minn Stat lajk (jew klerikali) huwa li ebda awtorità barranija għalih ma tiddettalu l-moralità tiegħu. La l-Knisja Kattolika u la ħadd. L-iskop ta’ dan il-prinċipju huwa li, meta jiddeċiedi x’inhu tajjeb jew x’inhu ħażin li jsir, l-Istat iħares l-interessi taċ-ċittadini tiegħu, u mhux ta’ xi Knisja jew reliġjon. Il-prinċipju jiggarantixxi li, fi ħwejjeġ ta’ moralità, l-Istat ikun ħieles biżżejjed biex iqiegħed liċ-ċittadini kollha tiegħu l-ewwel.

Aħna rajna kemm l-Istat Malti jgħożż dan il-prinċipju sagrosant fil-kwestjonijiet li kellna ftit ilu marbuta mad-divorzju u l-unjonijiet ‘gay’; u qegħdin narawh ukoll issa f’rabta mal-kwestjoni tal-IVF. Fl-ewwel żewġ każijiet, l-Istat Malti għażel li ma jimxix fuq il-fehmiet morali tal-Knisja Kattolika. Infatti ddeċieda li jilleġisla kontra l-parir morali tagħha. Għax hu Stat lajk. Għax ma jimxix fuq il-fehma morali ta’ ħaddieħor għajr dak li jiddettalu l-interess taċ-ċittadini tiegħu.

‘Knisja’ ġdida

Kif għedna, il-prinċipju li semmejna ma jorbotx biss mal-Knisja Kattolika. Jorbot ma’ kull moralità barranija għall-Istat Malti. L-Istat Malti għandu jiċħadhom ilkoll, ġejjin minfejn ġejjin. Iżda issa qegħdin naraw li mhuwiex hekk tabilħaqq. Għalkemm infired mill-moralità Kattolika, l-Istat Malti intradab mal-moralità ta’ ‘Knisja’ oħra: dik ta’ Brussell. Din saret tgħid lill-Istat Malti (u l-Istat Malti jagħtiha widen) x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. F’dan ir-rigward, il-‘Knisja’ Brusselljana ħadet post il-Knisja Kattolika. Jiġifieri: erġajna koppi.

Din ir-rabta morali tal-Istat Malti mal-‘Knisja Brusselljana’ l-aktar li qiegħda tidher hija fil-politika barranija tal-Istat. Jiġifieri f’dak il-qasam li l-poplu għandu relazzjoni diretta miegħu l-anqas, u li d-dettalji tiegħu ma jaffettwawhx direttament. Mhux bħal fil-każ tal-poltika interna (bħalma rajna fil-każijiet tad-divorzju u l-‘gays’).

Jekk tqis l-affarijiet, filwaqt li fil-politika interna l-Istat Malti jaġixxi bħala Stat lajk, jiġifieri mingħajr indħil ta’ xi moralità partikulari reliġjuża jew ekkleżjastika, fil-politika barranija tiegħu qiegħed jaġixxi bil-kontra: bħala Stat li l-professjoni morali tiegħu hija dik tal-‘Knisja’ Brusselljana.

Kontradizzjoni morali

Kemm fil-każ ta’ meta Malta vvutat sabiex l-Unjoni Ewropea tibgħat armi lir-ribelli fis-Sirja (inkluż tal-ISIS u tal-Al Qaeda) u kemm fil-każ (miftiehem bejn il-gvern u l-oppożizzjoni) li Malta uffiċjalmet tissieħeb fi gwerra kontra l-Istat Iżlamiku, barra oħrajn anqas serji u gravi, l-Istat Malti qagħad għal kollox fuq id-dettami morali tal-‘Knisja’ Brusselljana. Kienet din li ddeċidiet x’inhu tajjeb jew ħażin f’kull każ, kontra r-rekwiżiti tal-moralità ta’ Stat lajk.

Il-gvern Malti jaf li, filwaqt li fil-qasam intern irid ikun u jidher li l-Istat Malti hu moralment lajk, jaf ukoll—u ben tajjeb—li kważi ħadd miċ-ċittadini tiegħu ma hu se joqmos għax l-istess Stat Malti mhuwiex lajk fil-qasam morali tal-politika barranija (anzi, pjuttost il-magna propagandistika timlilu l-qlugħ bir-riħ).

Iżda dan ma jnaqqas xejn mill-kontradizzjoni politika li jinsab fiha jew mill-għilt morali li dan iġib miegħu.


Comments

  1. Hi ! This is a very informative & interesting article. Nice to read your blog post first time ever. I really appreciate this post. Thanks for sharing this awesome post.
    If you are looking for best Leading Fertility Center with Expert Doctors in Jupiter, then contact with IVFMD

    ReplyDelete
  2. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín và kinh nghiệm cách order taobao về VN giá rẻ.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?