Sunday, 20 December 2015

Notamenti fil-qosor

Ftit kummenti fuq il-ktieb JOTTINGS ta’ Michael Grech


It-taħriġ filosofiku li jsir f’pajjiżna hu aktarx anqas tal-għamla teoretika u astratta, u aktar tas-sura li hi applikata għal kwestjonijiet u problemi kurrenti. Il-filosfi Maltin rari jxandru kitbiet purament spekulattivi jew filosofikament sistematiċi. Dan għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Hu tajjeb għax ixandar fehmiet aktarx raġunati u loġiċi dwar x’ikun għaddej madwarna; ħażin għax hu diffiċli ħafna li ssir taf bl-eżatt, b’mod organizzat u ordnat il-fasla ta’ moħħ il-ħassieb.

Teorija u applikazzjoni

Aktarx hemm aktar minn raġuni waħda għal dan. Ibda biex, ħafna ħassieba llum isibuha diffiċli jfasslu u jiktbu xogħol sistematiku li jibda mill-A u jispiċċa fiż-Ż. Minkejja li xi wħud isostnu li xogħolijiet bħal dawn ftit jista’ jkollhom siwi (għax iqiegħdu f’qafas dak li aktarx m’għandux), oħrajn jgħidulek li hu b’din il-għamla biss li l-ħassieb jista’ juri tabilħaqq kif oqsma differenti ta’ ħsiebu jorbtu ma’ xulxin b’mod loġiku u koerenti.

Raġuni oħra għala f’Malta qajla jkollna opri bħal dawn jista’ jkun għaliex is-suq tal-kotba fil-gżejjer tagħna huwa żgħir u d-distributuri mhumiex armati wisq (u m’għandhomx kuntatti biżżejjed) biex ibiegħu barra minn Malta kotba maħruġa lokalment. Għaldaqstant, il-pubblikaturi ma jkollhomx il-qalb jidħlu għal xogħol astratt (li ftit jixtruh). Hekk ukoll, il-kittieba ma jsibux spazji biżżejjed biex ixandru xogħolhom jekk ma jagħmluhx interessanti biex tixtrieh il-kotra.

Dan huwa ħasra. Għax jidhirli li l-kitbiet teoretiċi u astratti għandhom siwi għall-anqas daqs (biex ma ngħidx aktar minn) dawk li huma applikati għal kwestjonijiet u problemi kurrenti. Jidhirli li ma jkunx ħażin li jkollna aktar bilanċ f’din il-ħaġa. Jew, jekk mhux bilanċ, għall-anqas xi opra kultant li tpatti għan-nuqqas.

Analiżi u kritika

Ktieb li biċċiet minnu jistgħu xi ftit jew wisq jiġu ikklassifikati bħala ‘filosofija applikata’ huwa Jottings ... and Reflections (Notamenti fil-qosor ... u Riflessjonijiet), li ġie maħruġ fl-aħħar Fiera tal-Ktieb minn Pubblikazzjonijiet Faraxa. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-ktieb hu miktub minn Michael Grech, għalliem tal-filosofija fil-Junior Lyceum. Dan ġabar flimkien madwar tletin kitba tiegħu bl-Ingliż li ġew imxandra minnu f’dawn l-aħħar tliet snin (għalkemm xi wħud huma eqdem u oħrajn bla data).

Dawn il-kitbiet huma organizzati f’seba’ taqsimiet li jittrattaw dwar il-politika, l-istorja, ir-razziżmu, ir-reliġjon, il-paċi, is-sens komun u, fl-aħħar, l-ispiritwalità u l-arti. Fi tmiem kull taqsima tinġieb kitba ta’ awtur differenti li, aktar minn ħaġa oħra, tikkumplimenta t-tema ġenerali tat-taqsima rispettiva. Għalkemm validi fihom infushom, dawn iż-żidiet aktarx itellfu mill-koerenza tal-ktieb li diġà fih innifsu (minħabba li hu ġabra ta’ artikli) hu frammentat.

Il-kitbiet ta’ Grech huma kollha interessanti. Ir-relevanza ta’ biċċiet konsiderevoli minnhom jibqgħu attwali minħabba l-fatt li l-kittieb jagħmel analiżi ta’ xi diskors li jsir pubblikament u jikkritikah b’mod loġiku u, fuq kollox, fuq il-bażi tas-sens komun.

Kliem li jagħmel sens

Jekk xejn, dawn il-kitbiet ta’ Grech huma twiddiba u twissija għal min jitkellem bl-addoċċ, b’mod illoġiku u saħansitra b’mod irrazzjonali. Għalkemm il-ktieb mhuwiex eżattament xogħol filosofiku, hu siewi għal taħriġ mentali għax japplika bosta prinċipji filosofiċi, speċjalment tal-loġika, għal għamliet differenti ta’ diskors.

Ħafna minn dak li jingħad pubblikament minn diversi nies—bosta drabi b’kitbiet fil-gazzetti, iżda wkoll f’imkejjen oħrajn (bħall-parlament, ir-radijiet, fl-iskejjel, it-televiżjoni u l-bqija)—ma jagħmilx sens. Ktieb bħal ta’ Grech jgħinek titħarreġ biex tanalizzah u tqis ir-razzjonalità tiegħu. Jgħinek, fuq kollox, ma taċċettax dak li tisma’ mingħajr ma tgħaddih minn għarbiel kritiku.

Dan hu importanti f’dinja ta’ komunikazzjoni mgħaġġla, miftuħa u ħielsa. Jekk wieħed jaħfer id-difetti tipografiċi u litografiċi tal-ktieb (bħat-tipa ħoxna, ngħidu aħna), wieħed m’għandux għalfejn ma jsibx fih ħafna x’jitgħallem, speċjalment biex diskorsu jkun (possibbilment) aktar meqjus, loġiku u razzjonali.



No comments:

Post a Comment