Sunday, 31 January 2016

Battibekki politiċi

Kemm idejquni l-battibekki li jinqabdu fihom il-politiċi donnhom mingħajr ma jridu! Spiss ikolli l-impressjoni li dawn iparlaw ħafna għax jiġu mġiegħla jgħidu xi ħaġa mingħajr m’għandhom. Iżda l-agħar suspett li għandi hija li dal-battibekki mhumiex aħjar mill-inkejja tat-tfal.

It-traġedja tal-involviment

Bosta politiċi jitħaddtu għax dak hu xogħolhom. Oħrajn jitpastsu għax dik tkun l-għażla tagħhom. Sa ċertu punt, dan biċċa tagħhom. Il-politika, għallanqas kif nifhmuha u nipprattikawha aħna, tinvolvi dawn l-oqsma u politiku donnu mhux hu jekk ma jbewwaqx fommu u jitfa’ nifs impaċpaċ.

Il-ħmerija hi li jinvolvu lilna. Jew għallanqas jippruvaw. U xi wħud minna ma jirreżistux it-tentazzjoni kerha li jagħtu widen. Imbierek hu min jagħmilha tat-trux! Ħafna mhux hekk. Ħafna jsegwu l-battibekki tal-politiċi b’attenzjoni esaġerata u saħansitra jisimgħu x’għandhom xi jgħidu (jew x’m’għandhomx). Jaqgħu għat-tentazzjoni minħabba l-kurżità, iżda l-kurżità tagħhom iġġegħilhom jiftħu widnejhom u jisimgħu.

Il-ħakk għall-battibekki mhuwiex biss tal-politiċi għax isir ta’ ħafna semmiegħa wkoll. Mhux biss. Iżda dawn ikompluhom fuq il-lant tax-xogħol, fi djarhom u fost ħbiebhom. Ma jagħarfux li huma parti minn kummiedja traġika.

L-iżvalutazzjoni tal-politika

Il-battibekki politiċi jonqsu milli jħallu l-politiku jagħmel dak li hu l-isbaħ fil-politika, jiġifieri li jqis il-fehmiet u l-possibbiltajiet għall-ħidma u jaġixxi fuqhom. Bil-battibekki, mhux biss tintilef ħafna enerġija u ħafna ħin għalxejn, iżda fuq kollox jintilef is-sens kollu għala ssir il-politika.

Il-politika hi sabiħa jekk tagħmilha hekk. Jekk tagħmilha mod ieħor, bħalma għandhom ħabta jibdluha u jgħawġuha l-battibekki sterili u vojta, allura ssir kerha u moqżieża. Il-battibekki—il-ħafna tgħajjir u xili; il-ħafna awtoġustifikazzjoni—jiċħdu l-politika l-kontribut pożittiv tagħha għall-imħuħ daqskemm għall-għemil.

Il-politiċi ma jibqgħux politiċi aktar, għallanqas mhux fl-aħjar sens tal-kelma, meta jaċċettaw li jinżlu fl-arena tat-taqbid u jissieltu bil-kliem u l-paroli vojt. Il-politiċi jmisshom ikollhom aktar rispett lejhom infushom jekk iridu lil min jirrispettahom. Il-ġieħ trid tirbħu mhux bit-tinbiħ iżda b’wirja ta’ awtokontroll, moħħ bilanċjat u kliem meqjus.

Is-sabiħ tar-riedni

Meta jingħataw għall-battibekki, ċjoè meta politiku jwieġeb tgħajjir b’tgħajjir, akkużi b’akkużi u tmaqdir bi tmaqdir, ikun tilef il-kontroll li għandu jkollu. Ħaddieħor ikun ħadlu r-riedni minn idejh; ikun qed jagħmillu HU l-aġenda tiegħu; ikun poġġielu fil-peltruna tas-sewqan u ġab sempliċi passiġġier.

Wieħed għandu jħalli lil ħaddieħor jgħid li jrid, għax kulħadd hu liberu li jagħmel dan, iżda fl-istess waqt m’għandux iħallih jgħidlu x’għandu jgħid, kif jgħidu u meta jgħidu. Politiku serju ma jaqax għall-baxxezzi ta’ min ikun iridu jwieġeb għall-kliem vojt tiegħu. Ħallih jgħid, iżda int ibqa’ miexi skont il-kuxjenza tiegħek u tħalli lil ħadd ifixklek f’dan.

Niftakar żmien fl-aħħar kampanja elettorali meta t-tgħajjir ta’ naħa ma sabx tweġiba ta’ tgħajjir min-naħa l-oħra. Dan kien sabiħ. Niftakar żmien meta l-akkużi ta’ naħa ma kinux jiġu mwieġba b’akkużi oħra, iżda bi kliem li jgħaddi minn fuqhom bħal arja friska. Dan kien xieraq. Nixtieq li nerġa’ nara l-istess l-istess kontroll u bżulija. Ħaġa li donnha ntilfet.

Il-politiku għandu jkun eżempju għal kulħadd mhux tal-agħar istinti annimaleski li għandna, iżda tal-isbaħ u l-aqwa drawwiet tar-raġuni. Ma jiswa għal ħadd li nerġgħu nibdew naraw lill-politiku jitlef rasu. Jiswa jekk narawh iġib ruħu u jagħti eżempju lil kulħadd tal-bniedem adult li ma jaqax għat-tfulijiet.

No comments:

Post a Comment